Jinħatar il-Kabinett il-ġdid

Aġġornat 05:27 PM

Read in English.

Propju fit-3.30pm il-Kabinett magħżul mill-Prim Ministru Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta. Iċ-ċerimonja ntemmet għall-ħabta tal-5.15pm.

Il-Prim Ministru Robert Abela wasal il-Palazz tal-President bil-mixi għall-ħabta tat-3.40pm. Mistoqsi għal kumment qabel ma daħal fil-Palazz, hu qal li se jkun qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-media wara li ċ-ċerimonja tal-ħatra.

Miguela Xuereb

Il-President George Vella wasal fil-Palazz ftit qabel l-4pm fejn mill-ewwel beda l-ħidma tiegħu biex jaħtar lill-membri tal-Kabinett.

Kummenti ta’ bosta membri ġodda tal-Kabinett

Qabel il-ġurament tal-ħatra, huma u deħlin fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, bosta persuni li se jkunu jagħmlu parti mill-Kabinett tal-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela, waqfu jagħtu l-kummenti tagħhom lill-media.

Alex Muscat,li se jkun Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet qal li l-parti tal-ħidma tiegħu dwar il-‘komunitajiet’ hija li se jkun hemm persuna li għandha enfasi akbar fuq il-komunitajiet Maltin.

Intant, Chris Fearne li se jibqa’ fil-kariga tiegħu ta’ Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa qal li l-ħidma tiegħu se tkompli fuq dak li għamel fl-aħħar snin.

Clayton Bartolo, li se jkun is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji qal li l-Gvern Laburista taħt Abela għandu viżjoni differenti iżda li tkompli mal-Gvern li kien hemm qabel.

Bosta membri tal-kabinett waslu fil-Palazz tal-President

Stennija għall-wasla tal-President biex tibda ċ-ċerimonja

Se nibgħatu sinjal ċar fuq livell Ewropew dwar ir-riformi – Zammit Lewis

F’kumment mal-media, Edward Zammit Lewis, li se jiġi maħtur bħala Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, qal li ngħata dekasteru importanti ħafna. Qal li fl-istess Ministeru tal-Ġustizzja hemm ukoll il-Governanza.

“Irridu nibgħatu sinjal ċar, anke fuq livell Ewropew, li aħna r-riformi li hemm bżonn nagħmlu, inkluż dawk tal-Kummissjoni Venezja, se jkunu qed isiru,” qal Zammit Lewis. Zammit Lewis qal li l-proposti li saru mill-Kummissjoni Venezja, hemm minnhom li mhux neċessarjament jaqblu mal-mod kif nagħmlu l-ġustizzja aħna. Qal li allura hemm bżonn li wieħed jara x’jaqbel għall-pajjiż u jimplementaw il-proposti li jagħmlu sens għal Malta.

Mhux se niddejjaq nieħu deċiżjonijiet – Byron Camilleri

Byron Camilleri, li wara l-ġurament tal-ħatra se jservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, sostna li għandu f’idejh Ministeru li fih hemm bżonn isiru ħafna affarijiet u li mhux se jiddejjaq jieħu deċiżjonijiet.

“Se nimplimentaw ir-riforma tal-kannabis” – Rosianne Cutajar

Rosianne Cutajar, li se tkun qed isservi bħalaSegretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi qalet li bosta jafu li hi persuna voċifera ħafna fejn tidol l-ugwaljanza. Qalet li se tara li r-riformi dwar il-kannabis jiġu implimentati.

Diversi tibdiliet fil-ħatriet tal-kabinett

Aktar kmieni llum, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ippubblika l-lista uffiċjali ta’ min se jkunu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fil-kabinett ta’ Robert Abela sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

F’intervista fuq 103, Abela kien qal li l-akbar bżonn bħalissa hija li tintela l-kariga ta’ Ministru għat-Turiżmu. Hu kien qal li reshuffle tal-membri tal-Kabinett ma kinitx ta’ prijorità. Minkejja dan, kien hemm ċaqlieq kbir fil-membri tal-Kabinett u kienu ftit dawk li żammew l-istess portafoll li kellhom fil-kabinett tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat.