Filmati: Issuperaw l-isfida taċ-Chair Challenge f’X Factor

10:55pm

Sorpriża mhux mistennija. Howard laqqa’ lil Maya flimkien ma’ Megan Caruana, Demi Galea, Ema Vella u Chanelle Zarb. Jipproponilhom biex jaħdmu flimkien. Però kollox jiddependi minn jekk it-tfajliet humiex lesti li jaċċettaw lil Maya magħhom.

Jidher li kien hemm qbil u b’hekk Maya, li l-grupp tagħha kien inqala, bla mistenni spiċċat lura fil-kompetizzjoni.

B’hekk issa l-gruppi huma magħżula.

10:50pm

Wasal il-ħin għas-sing off bejn Reign u D Vision. Iridu joħorġu l-aqwa potenzjal tagħhom biex ikunu jistgħu jibqgħu fil-kompetizzjoni hekk kif Bloodline ħadu s-siġġu ta’ xi ħadd minnhom.

Sing off | Chair Challenge | X Factor Malta

Bloodline’s amazing performance meant that Judge Howard Keith calls for a sing off between D-VISION & Reign. Who will stay? Who will go?VOTE BELOW!#XFactorMalta

Posted by X Factor Malta on Sunday, December 1, 2019

Kien mument ta’ emozzjoni hekk kif iż-żewġ gruppi ħarġu l-potenzjal tagħhom. F’D Vision Howard iħoss li Isaac għadu ma sabx postu biżżejjed filwaqt li Reign jidher li għandhom l-elementi li Howard qiegħed ifittex.

Reign jgħaddu għall-Judges Houses filwaqt li għal D Vision il-vjaġġ jieqaf hawn.

10:35pm

Julia Balzan u Samira Cauchi huma l-aħħar grupp għal-lejla. L-isem Bloodline diġà kien ġie ppreżentat fil-fażi ta’ qabel. Huwa taw il-prestazzjoni tagħhom tas-silta Poker Face ta’ Lady Gaga.

“Dan huwa dak li nsejħu l-X Factor,” ikkummenta Ray waqt li Ira qaltilhom li leħinhom tal-blieh. Alexandra ma qagħditx lura milli tgħidilhom li kienet impressjonata bil-wirja tagħhom.

“It’s a match made in ehaven,” irrimarka Howard hekk kif issa kien il-mument li jagħtihom siġġu iżda ma jafx lil min se jieħu. Għalhekk ippropona sing off bejn it-tieni u l-ħames siġġu: Reign u D Vision.

10:30pm

Marc Spiteri Stafrace u Michela Scicluna huma l-grupp li jmiss. Huma l-unika grupp li daħlu għal din il-kompetizzjoni b’dan il-format. Huma kuġini fil-ħajja ta’ kuljum u uffiċjalment ilhom ikantaw flimkien għal dawn l-aħħar xhur.

Semmew il-grupp tagħhom Gemini (minflok Two Blocks Away)u s-silta li ppreżentaw lill-ġurija hija All Day and Night…

“Apprezzajt l-isforz iżda ħassejt li l-kanzunetta hija antikwata,” ikkummenta Ray li mhux konvint li dawn għandhom jieħdu siġġu.

Ira wkoll dehret li mhix konvinta għalkemm hija wkoll apprezzat l-isforz li huma għamlu.

Jidher li dawn it-tnejn ma rnexxielhomx jisirqu l-immaġinazzjoni.

Howard ukoll mhux konvint. Jemmen li b’mużika oriġinali dawn iż-żewġ kuġini joħorġu ħafna aħjar. Għaldaqstant Gemini spiċċaw bla siġġu… u barra mill-kompetizzjoni.

10:12pm

Megan Caruana, Demi Galea, Ema Vella u Chanelle Zarb ngħaqdu bħala grupp fil-fażi tal-Bootcamp. L-erba’ tfajliet donnu li qed jingwalawha sew flimkien. Huma għalissa għadhom ma tawx isem lill-grupp tagħhom.

Who’s Laughing Now ta’ Jessie J hija s-silta li biha huma pparteċipaw fiċ-Chair Challenge.

“Togħoġobni l-enerġija tagħkom,” qalilhom Ray waqt li Ira kkummentat li l-enerġija fuq il-palk hija sabiħa. Ma naqsitx milli faħħret il-kapaċita tal-erba’ tfajliet.

“Anki lili għoġbuni,” irrimarkat Alexandra hekk kif f’dan il-mument Howard bla dubju sab ruħu dahru mal-ħajt hekk kif anki hu ħass li dawn l-erba’ kien ħaqqhom siġġu.

Howard talab ukoll il-fehma tal-udjenza. Huma ħadu l-ewwel siġġu, u b’hekk għax 6Teen waqfet hawn l-esperjenza tagħhom fil-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.

10.05pm

Aaron Barbara, Anthony Scinto u Christopher Cassar huma l-parteċipanti li jmiss. Bħala grupp huma ħadu l-isem ta’ Rewind ACA.

Għaċ-ċaqċip tal-udjenza interpretaw il-verżjoni tagħhom ta’Grease Lightning. L-udjenza qamet mhux ftit għal din il-wirja u stajna naraw ukoll lill-ġurija jieħdu wkoll pjaċir b’dak li kienu qed jaraw.

Għal Alexandra din kienet l-aktar wirja spettakolari tas-serata. Ira ma tiddejjaqx terġa’ tarahom jagħtu din il-prestazzjoni filwaqt li Ray kuntent ukoll.

Howard jixtieq jagħtihom siġġu iżda jgħid li peress jaf x’ġej warajhom, jiddeċiedi li ma jtihom l-ebda siġġu. Jgħidilhom li l-problema hi li lil min se jaqla’.

Żgur li la t-tlett membri ta’ dan il-grupp, la l-udjenza u lanqas il-membri tal-ġurija ma kienu qed jistennew din id-deċiżjoni.

9.55pm

Maya Sesay, Sheriden Balzan u Shazay Grima huma 6Teen li nterpretaw Hey Mama. Wirja stupenda. Ray deher kuntentissimu, l-istess bħal Ira li tħoss li sal-aħħar kienu tajbin ħafna.

Alexandra iżda għandha fehma differenti u dan il-fatt iwassal għal xi bbuwjar fl-udjenza.

“Il-kanzunetta ma kienitx qed taħdem għal kollha kemm intom,” qaltilhom hekk kif fis-sala nstema’ aktar ibbuwjar.

Howard jaqbel ma’ Ira u Alex. Iħoss ukoll li għandu jtihom siġġu u mingħajr ma joqgħod idur mal-lewża jagħtihom l-ewwel siġġu. B’hekk tieqaf hawn l-avventura ta’ Level 3 f’X Factor Malta.

Se jirnexxielhom 6Teen iżommu dan is-siġġu?

9.49pm

Yazmin Helledie u James Mifsud huma Yazmin & James. Ikkummentaw li ħadmu fuq il-pariri ta’ Howard u ovvjament qed jimmiraw li jimpressjonawh bl-interpretazzjoni tagħhom ta’ Tell Me That You Love Me ta’ James Smith.

“Ir-reazzjoni tal-udjenza tgħid kollox,” qalilhom Ray waqt li Ira tħoss li s-sinerġija ta’ bejniethom tinħass u għalhekk dan il-grupp qiegħed jaħdem. Alexandra wkoll hija kuntenta.

Howard ukoll kuntent b’din il-prestazzjoni ta’ dawn it-tnejn.

“Għandi viżjoni għalikom. Nemmen li l-poplu Malta se jieħu grazzja magħkom,” qalilhom Howard hekk kif dawn ħadu l-aħħar siġġu.

Il-kompetizzjoni issa se tibda tiħrax hekk kif jonqos ħames gruppi oħra u naraw min se jispiċċa jinqala’ mill-kompetizzjoni.

9.40pm

Brenda Debattista, Chrissy Warrington u Rebecca Mifsud huwa grupp ieħor li ġie ffurmat mill-Bootcamp. Semmew dan il-grupp Reign u wasslu l-verżjoni ta’ Disturbed tal-kanzunetta klassika The Sound of Silence.

Fil-fażijiet l-oħra rajna lil Brenda iddoqq il-ukalele iżda hawnhekk jidher li għamlu enfasi fuq l-abilitajiet vokali tagħhom.

Ray kien l-ewwel wieħed li kkummenta li jidher konvint b’dak li ra. Ira wkoll. Temmen li jekk jgħaddu għall-fażi li jmiss se naraw affarijiet interessanti mingħandhom. Alexandra wkoll tfaħħar il-wirja għalkemm tħoss li hemm min irid jispikka fuq ħaddieħor mill-grupp.Howard iħoss li għamlu biċċa xogħol tajba. Anki għal dawn hemm siġġu.

9.35pm

Fadal tlett siġġijiet imma għad jonqos tmien gruppi oħra biex jagħtu l-prestazzjoni tagħhom.

Miriana Conte, Rhiannon Micallef u Luana Gatt huma Chord li wasslu l-interpretazzjoni tagħhom ta’ Breathing ta’ Hamzaa. Din hi l-ewwel darba li dawn it-tlieta qed jagħtu wirja bħala grupp u jistqarru li l-isem li taw lilhom infushom huwa temporanju u mhumiex konvinti. Jittamaw li jekk jgħaddu għall-fażi li jmiss isibu l-għajnuna tal-udjenzi biex ikollhom isem aktar addattat.

Wirja stupenda!

“Wow,” qaltilhom Ira li ssuġġeriet li dan għandu jkun l-isem tal-grupp b’enfasi li dawn ifissru “Women of Wonders”.

“Kuntent li dak li ppruvajna rnexxa,” qalilhom Howard.

Kulħadd jidher kuntent bil-prestazzjoni li huma taw u għalhekk siġġu ieħor jittieħed.

9:28pm

Sweet Chaos jsostnu li huma preparati u Howard iħoss li hija avventuruża l-għażla tal-kanzunetta Telephone ta’ Lady Gaga.

L-interpretazzjoni tagħhom kienet movimentata u anki ċċaqilqet l-udjenza.

“Kaxxa ġenn” huwa l-mod kif il-ġurija iddeskrivew lil dan il-grupp enerġetiku.

“Simpatiċi u differenti. Ma spiċċajnix bi platt minestra iżda spiċċajna bi plat interessanti,” ikkummenta Howard waqt li żied jgħid li huma tgħallmu mill-pariri u għolew livell ieħor mill-fażi tal-Bootcamp.

Ma tantx hemm wisq xi tgħid għax Sweet Chaos impressjonaw u bla dubju ta’ xejn li f’dan l-istadju, it-tielet siġġu huwa tagħhom.

9.18pm

Isaac Mercieca u Miguel Bonello huma D Vision. Mis-sena l-oħra ‘l hawn jħossu li għamlu progress, mhux biss fl-attitudni, fejn qabel kienu aktar magħluqa fihom infushom, iżda anki fl-istil tal-kanzunetti li għażlu li jinterpretaw.

Il-wirja tagħhom  hija movimenta u l-udjenza tidher li qed tieħu gost. Iżda kif ħasbuha l-erba’ membri tal-ġurija?

Ray jidher kuntent bil-wirja tagħhom u jqis li l-għażla tal-kanzunetta kienet tajba. Anki Ira tidher sodisfatta bil-prestazzjoni tagħhom u kkummentat li temmen li kienet idea tajba li jingħaqdu fi grupp.

Alexandra tħoss li Isaac għandu jaħdem fuq kif jipproġetta l-vuċi. Innuttat kif huma qed jaħdmu tajjeb it-tnejn flimkien.

Għal Howard, Miguel għandu aktar kunfidenza minn Isaac u għalhekk iridu jaħdmu aktar fuq dan il-fatt.

Għal Miguel u Isaac l-avventura tkompli hekk kif huma wkoll jieħdu siġġu.

9.14pm

Ylenia Camilleri, Michela Abdilla u Hayley Azzopardi huma Level 3.

“Għall-ewwel sibniha diffiċċli biex nidraw lil xulxin, u nidraw il-ħoss ta’ xulxin. Meta drajna lil xulxin aktar kollox sar naturali,” ikkummentaw huma.

Say My Name ta’ Destiny’s Child hija l-kanzunetta li biha huma pparteċipaw f’din il-fażi.

Għal Ray dawn it-tlieta ma kienux qed jieħdu daqshekk gost waqt din il-prestazzjoni. Il-fehma ta’ Ira hija differenti, li għalkemm ma kinitx daqstant konvinta, ma ħassitx li din il-wirja kienet daqshekk ħażin.

Alexandra tħoss li għandhom potenzja għalkemm bħall Ira ma kienitx daqshekk impressjonata.

Howard jammetti li l-vuċijiet huma tajbin. Jaf li din hija esperjenza ġdida għal dawn it-tlieta u jħoss li għandu jtihom siġġu … għalissa!

9.12pm

“Għandi idea ta’ żewġ gruppi li nispera li jagħmlu dak li nimmaġina li se jagħmlu. Però wara l-esperjenza tas-sena l-oħra l-pjanijiet imorru żmerċ meta naslu għas-sitt siġġu”. Dan kien il-kumment ta’ Howard Keith Debono fil-bidu tat-tieni programm fil-fażi tal-X Factor Malta li llejla se jkun qed jiffoka fuq il-gruppi.

B’kollox hemm 11-il grupp, 10 li ġew iffurmati matul il-fażijiet li għaddew tal-kompetizzjoni, u grupp li daħal b’dan il-format u se nkunu qed naraw x’joffri waqt din l-edizzjoni.

11 huwa n-numru ta’ gruppi li se naraw illejla. 6 biss iridu jgħaddu waqt li 5 se jinqalgħu.

Waqt dan il-programm se naraw min huma dawk li se jimpressjonaw lill-ġurija u anki l-udjenza, min huma dawk li se jieħdu s-siġġu, min se jirnexxielu jżomm postu u min se jaqla’ lil min.

L-aħħar sitta se jkunu qed jgħaddu għall-fażi tal-Judges Houses.

Howard jgħid li din hija l-aktar fażi diffiċli għalih.

Il-kompetizzjoni tibda issa…