Il-gaġeġ tal-ħut: Attivisti mħassba; diżgwid bejn il-parlamentari

Il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent iddiskuta l-gaġeġ tal-ħut li hemm 'il barra minn San Pawl il-Baħar.

Dan kien suġġett li ntalab mill-Membri Parlamentari Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia.
Fl-introduzzjoni tiegħu, id-deputat Godfrey Farrugia qal li bħalissa hemm strateġija nazzjonali tal-akwakultura 2014-2025. Tkellem ukoll dwar dak li ġie żvelat is-sena l-oħra fejn qal li kien hemm gaġeġ bla permess.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ma qabilx ma dan u qal li mill-ispezzjonijiet li saru jidher li l-gaġeġ kollha kellhom il-permessi meħtieġa.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li kellhom jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi ssalvagwardjata l-industrija tal-fisheries. Qal li l-Gvern qed jassigura li jkun hemm infurzar fejn jirriżulta li jkun hemm irregolaritajiet.
800 tunnelata ta’ ħut tħarbu għax inqabżet il-kwota
Rappreżentanti tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u d-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-kumitat parlamentari.
Ir-rappreżentanta mid-Dipartiment tas-Sajd ikkonfermat li mill-ispezzjonijiet li saru, 800 tunnelata ta’ ħut tħarbu 25 mil nawtiku ‘l barra minn Malta għax irriżulta li dawn kienu jaqbżu l-limitu ta’ ħut fil-gaġeġ awtorizzati.
Attivist iressaq it-tħassib tiegħu
Nicolai Abela, il-fundatur tal-kampanja ‘Stop the slime’ għamel preżentazzjoni lill-membri b’dak kollu li ġara fl-aħħar tmien snin bl-iżvilupp tal-industrija tal-fish farms ‘il barra minn San Pawl il-Baħar.
Jidher li l-gaġeġ żdiedu minn tmienja għal 14 fl-2016 u matul is-sena l-oħra żdiedu għal 21. Fil-preżentazzjoni deher ukoll ritratt riċenti meħud din is-sena li juri 26 gaġġa.
Ir-rappreżentanta mid-Dipartiment tas-Sajd qalet li 14 minnhom huma ċrieki biss mingħajr xbieki taħthom u għaldaqstant ma jitqisux bħala gaġeġ.
Dwar dan, Abela qal li mhux normali li sid il-gaġeġ tal-ħut
Bugħaddas li jiffrekwenta dawn l-inħawi regolarment qal li s-sikka l-bajda qiegħda tiġi abbużata mill-bunkering u issa mill-gaġeġ tat-tonn.
Qal li f’San Pawl il-Baħar hemm problema oħra bid-39 gaġġa tal-awrat. Qal li għalkemm dawn jipproduċu ftit ħmieġ fuq wiċċ il-baħar (slime), f’qiegħ il-baħar hemm ħafna ħmieġ. Gatt wera filmat li juri dan il-ħmieġ fuq l-alka f’qiegħ il-baħar.