Filmat: “L-Isqof Magro huwa martri li ta ħajtu għall-komunità tiegħu” – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=82GG3ZoLI08]

Fil-Katidral tal-Imdina ngħatat l-aħħar tislima lill-Isqof Franġiskan Silvestru Magro li serva bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja bejn l-1997 u l-2016 u li miet kmieni s-Sibt fl-età ta' 76 sena.
L-Arċisqof Charles Scicluna sellem lill-Isqof Silvestru Magro bħala martri li minkejja li ma ċarċarx demmu ta ħajtu fiżikament għall-komunità ċkejkna li kien jieħu ħsieb.
Fl-omelija tiegħu, Monsinjur Scicluna tkellem dwar it-tbatijiet fiżiċi u psikoloġiċi li għadda minnhom l-Isqof Magro biex jibqa’ mal-komunità fdata lilu, il-faqar, il-periklu u l-allarm kontinwu li kellu jġarrab.
"Fjakkola ħelwa li tidwi fi dlam kbir"
Spjega kif kellu jgħix diversi xhur f’żewġt ikmamar u kien jivjaġġa sigħat twal biex jilħaq il-merħla tiegħu.
Iddeskrivih ukoll bħala “fjakkola ħelwa u umli li tidwi fi dlam kbir” u iben dehen ta’ San Franġisk li minkejja l-persekuzzjoni kien xhud tal-paċi u d-djalogu.
“Fil-persuna tal-Isqof Magro l-Knisja tidher fix-xbieha vera tagħha"
“Fil-persuna tal-Isqof Magro l-Knisja tidher fix-xbieha vera tagħha u fil-martirju tagħha,” saħaq l-Arċisqof. “Il-Mulej sejjaħlu biex ikun f’ambjent fejn Ġesù kien sinjal li jmeruh.”
Kien hawn li tkellem dwar il-persekuzzjoni li Monsinjur Magro u l-komunità tiegħu għaddew minnha minħabba dawk li ma jġerhux lil min ma jaqbilx magħhom.
"Ambaxxatur tal-qalb kbira tal-Maltin li hemm bżonn nindukraw"
Kompla jiddeskrivih bħala “ambaxxatur ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin.” L-Arċisqof fakkar li l-Maltin jibqgħu magħrufa fl-iskrittura għall-akkoljenza u l-qalb kbira tagħhom meta laqgħu lil San Pawl u dawk li miegħu ġarrbu n-nawfraġju.
“Kull fejn kien, l-Isqof Magro kien ambaxxatur ta’ din il-qalb kbira li hemm bżonn nindukraw u nippromovu,” kompla jgħid Monsinjur Scicluna waqt li spjega kif fil-persuna umli u modesta tiegħu, wieħed kien iħossu fil-preżenta ta’ Alla.
L-Arċisqof irringrazzja lill-Awtoritajiet Maltin li kienu dejjem isegwu l-passi tal-Isqof Magro fi żminijiet ta’ periklu għalih u sellem ukoll lill-Isqof George Bugeja li llum qed ikompli l-missjoni tal-Isqof Magro f’Bengażi, iżda anke fi Tripli.
Monsinjur George Bugeja ma laħħaqx jasal għall-funeral minħabba li l-ajruport ta’ Tripli jinsab magħluq.
"Agħtina l-grazzja li jkollna demm missjunarju jiġri fil-vini tagħna"
Temm jitlob lill-Isqof Magro biex iħares lejn id-djoċesijiet Maltin u jagħtihom il-grazzja biex id-demm missjunarju jiġri fil-vini tagħhom u biex sal-aħħar ikunu xhieda tal-imħabba ta’ Alla.
Min kien l-Isqof Magro?
Mons. Magro, twieled ir-Rabat fl-14 ta’ frar 1941 u ngħaqad mal-Patrijiet Franġiskani fl-1957.
Hu pprofessa fl-1962 u kien ordnat saċerdot fl-1966.
Fl-1982 inħatar kappillan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Fl-1988 huwa ngħaqad fil-missjoni Franġiskana tal-provinċja ta’ Milan fil-Libja, li aktar tard f’Mejju tal-1991 għaddiet f’idejn il-provinċja Maltija.
Fl-istess żmien hu nħatar Vigarju Ġenerali tal-Isqof Giovanni Martinelli u fl-istess żmien serva bħala kappillan tal-komunità Kattolika Maltija u tal-komunitajiet kattoliċi li jitkellmu bl-Ingliż.
Fl-1997 huwa inħatar Isqof ta’ Salde u Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja.
Għal dawn l-aħħar xhur, huwa kien irtira fil-Kuvent tal-Franġiskani tar-Rabat, biswit il-knisja li fiha trabba.
Monsinjur Magro, jibqa’ magħruf għall-umiltà tiegħu u għad-determinazzjoni tiegħu, meta għażel li jibqa’ mal-poplu Libjan anke fl-aktar żminijiet diffiċli u perikolużi.
L-Isqof Magro huwa t-tielet Isqof Malti li miet f’inqas minn xahar wara  l-mewt tal-Isqof Adeodato Micallef u ftit warajh tal-Isqof Emmanuel Barbara li l-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar fil-Katidral tal-Imdina.