Filmat: Il-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=A38jfH4RaEE]
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018 tinsab għaddejja f’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta. Wara silta mużikali mill-Forzi Armati ta’ Malta, l-ewwel diskors sar mis-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli. Warajh mistennija jitkellmu ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni V18 Jason Micallef, is-Segretarju Parlamentari għall-V18 Deo Debattista, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, il-Kummissarju Ewropew għall-Kultura Tibor Navracsics, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, u l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
Waslet is-sena speċjali għall-Belt Valletta wara 10 snin ta’ ħidma – Alexiei Dingli
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli ħabbar kif illum, wara kważi 10 snin ta’ ħidma, wasal iż-żmien li tibda din is-sena speċjali għal din il-Belt. Huwa tkellem dwar kif dejjem ħass li din il-Belt kien jistħoqilha dan it-titlu tal-Belt Kapitali tal-Kultura.
Is-Sindku qal li din kienet opportunità tad-deheb biex il-Belt Valletta tgħaddi minn fażi ta’ riġenerazzjoni tant meħtieġa. Huwa qal li “it-titlu joħloq opportunitajiet ġodda għar-residenti u se jiġbed aktar viżitaturi lejn il-Belt. Barra minn hekk, kont naf ukoll li opportunità bħal din kienet se tgħinna nqajmu l-profil tal-belt għażiża tagħna fuq livell internazzjonali.”
Fi kliem is-Sindku, l-attivitajiet mhux biss se juru l-passat glorjuż ta’ Malta imma se jkun ukoll xhieda ta’ fejn sejjer il-poplu Malti. Żied jgħid li l-viżjoni għall-Belt tibqa’ sejra lil hinn mill-2018.
Minn Belt traskurata għal Kapitali tfur bil-ħajja – Jason Micallef
Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li minn Belt traskurata li kienet sejra għall-agħar, il-Belt Valletta nbidlet b’suċċess f’Kapitali li tfur bil-ħajja, konxja tal-potenzjal kbir tagħha, lokali u internazzjonali.
Waqt id-diskors tiegħu, Micallef spjega kif illum il-poplu Malti qed jara it-twelid ta’ programm kulturali ta’ 365 jum, maħsub biex jispira l-qlub u l-imħuħ.  Qal li kulħadd huwa misteiden biex isir kollaboratur u parteċipant attiv waqt dan il-programm  li jimmira biex iwessgħa u jistimula l-immaġinazzjoni ta’ kulħadd.
Huwa tkellem dwar kif qed isir qawmien soċjali, ekonomiku u kulturali fil-Belt Kapitali ta’ Malta. Huwa wiegħed li l-Belt “qatt mhu se terġa’ titħalla taqa’ lura. Qatt mhu se terġa’ tkun injorata.”
Jason Micallef qal li l-kultura hija bżonnjuża biex jitkissru l-ħitan tal-injoranza biex tinbena fiduċja u jinfetaħ djalogu diffiċli dwar kwistjonijiet bħall-inugwaljanzi, it-traffikar tal-bnedmin, frammentazzjoni, ksenofobija u vjolenza.
Wieħed m’għandux jieqaf wara li nkiseb is-suċċess imma jibqa’ jtejjeb fuq dak li sar – Deo Debattista
Is-Segretarju Parlamentari għall- Valletta 2018 Deo Debattista spjega kif il-Belt Valletta għaddiet minn perjodu pjuttost kwiet. Qal li kienet saret qisha sit arkeoloġiku u storiku li tilef ħafna mill-ħajja li kellu fl-imgħoddi. Qal li il-Belt Valletta qed tgawdi minn rinaxximent ġdid, li beda fl-2011 bin-nomina ta’ Gvern preċedenti lill-Kummissjoni Ewropea. Żied jgħid kif il-Gvern preżenti kompla jinvesti  bil-kbir fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għal trasformazzjoni ġenwina.
Waqt id-diskors tiegħu Debattista qal li s-suċċess li nkiseb m’għandu qatt ifisser li wieħed jieqaf wara s-sens ta’ sodisfazzjoni iżda wieħed għandu jibqa’ saqajh mal-art u jtejjeb fuq il-ġid li diġà sar.
Tkellem dwar kif jixtieq juża din l-opportunità biex il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ma tkunx biss Ewropea iżda aktar globali.
Valletta 2018 diġà storja ta’ suċċess – Owen Bonnici
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici tkellem dwar kif is-settur kulturali huwa wieħed li dejjem qiegħed jikber u qed jagħti l-frott.  Qal li il-proġett ta’ Valletta 2018 jinħass li huwa diġà storja ta’ suċċess, saħansitra qabel ma bdiet is-sena 2018.
Huwa stqarr li filwaqt li l-Belt ingħatat ħajja ġdida, il-karattru tal-Belt mibnija mill-Kavallieri ta’ Malta fis-seklu sittax inżamm.
Fi kliem il-Ministru, it-tliet prijoritajiet prinċipali tal-Gvern fil-kultura huma li jressaq il-kultura aktar viċin tan-nies, iżid l-professjonalità fih, kif ukoll li l-kultura tkun kontributur lejn it-tkabbir ekonomiku.
Skont Bonnici, proġett ambizzjuż ieħor għall-2018 huwa dak li  b’mod formali, jibda l-proċess sabiex Malta titpoġġa fuq il-mappa tal-UNESCO fejn jidħol il-wirt intanġibbli u kulturali.
Valletta 2018 tfakkarna li l-iżolament qatt m’huwa s-soluzzjoni – Navracsics
Il-Kummissarju Ewropew għall-Kultura Tibor Navracsics qal li jinsab onorat li qed jesperjenza dan il-mument speċjali għall-Belt Valletta.
Huwa tkellem dwar kif Malta tinsab f’salib it-toroq ta’ diversi kulturi u tradizzjonijiet, u kif minn dejjem kienet taf kif tibni rabtiet bejniethom. Skont il-Kummissarju jagħmel ħafna sens li matul is-sena, il-Belt Valletta u Malta kollha se jagħmlu stedina għal festa li tiċċelebra l-espressjoni kulturali u artistika li tiġi minn kull parti tal-Ewropa u lil hinn.
Navracsics qal li fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi kbar, wieħed irid jaħseb mill-ġdid dwar ir-rwol tagħha u l-modi li bihom ikun hemm rabta maċ-ċittadini u mal-bqija tad-dinja. Stqarr li “Valletta 2018 tfakkarna li l-iżolament qatt m’huwa s-soluzzjoni.” ità.
Spjega kif l-Ewropa hija komunità kbira fejn xi kultant l-opinjonijiet u l-viżjonijiet dwar il-futur ivarjaw.
Huwa ppreżenta plakka simbolika lil Jason Micallef biex isservi bħala rikonoxximent “għall-isforzi enormi u għax-xogħol eċċellenti li sar mill-Fondazzjoni Valletta 2018, mill-Belt u mill-pajjiż kollu bi preparamenti għal din is-sena.
Malta se tkun qed toffri l-awtentiċità  – Joseph Muscat
Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal li l-kultura hija kif wieħed jgħix, fejn jaħdem, u dak kollu li jagħmel minn Malta mogħnija bi ġmiel naturali, bi storja twila u ħajja.
Spjega kif Malta se toffri l-awtentiċità hekk kif il-Belt Valletta se ssir il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018.
Tkellem dwar kif dan l-avveniment huwa opportunità li juri l-wirt li tħallew minn missirijiet il-Maltin li ħadmu biex isawru lil Malta biex illum jintwera fuq livell Ewropew u globali li l-Belt kontemporanja tal-lum li żviluppat fuq is-sisien tal-imgħoddi.
Muscat ippreżentat lil poplu Malti bħala poplu li għalkemm huwa żgħir fid-daqs, huwa kbir fil-qalb, fil-valuri, u fl-imħabba lejn dak li għandu.
Huwa rringrazzja lill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, lis-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018 Deo Debattista, liċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, u lil mijiet ta’ artisti u ħaddiema li taw u se jagħtu s-sehem tagħhom tul din is-sena. Irringrazzja wkoll lill-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi għall-ħidma tiegħu biex il-Belt tasal għal dan il-jum. 
Muscat stqarr li l-Belt Valletta hija mudell preċiż tal-pajjiż sħiħ u n-nies tiegħu. Qal li hija ġawhra arkitettonika, soċjali u kulturali.
Opportunità għal Malta biex tkun destinazzjoni tal-kultura sostenibbli – Il-President
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan huwa mument ta’ unur kbir għaliha, u għall-Maltin kollha.
Fi kliem il-President, minkejja li l-Belt Valletta hija l-iżgħar Belt Kapitali f’kuntest ta’ daqs fl-Unjoni Ewropea, l-poplu Malti rnexxielu jegħleb l-isfidi biex iwettaq biċċa xogħol ġganteska.
Skont Coleiro Preca, l-istorja unika ta’ Malta pproduċiet poplu li l-kultura tiegħu hija magħmula mill-aħjar elementi tal-valuri Ewropej u Semitiċi.
Żiedet tgħid li din is-sena kulturali se tagħti lil Malta opportunità biex tkun destinazzjoni tal-kulturali sostenibbli.
Il-President għamlet stedina lil dawk li jgħixu f’pajjiżi oħra li qed jippjanaw xi vjaġġ matul l-2018, biex jagħżlu lil Malta, ħalli jiċċelebraw din is-sena ta’ festa mal-Maltin.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut