Filmat: Destiny tirbaħ it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta

11.45pm

Destiny terġa’ tinterpreta l-kanzunetta He Lives In You minn The Lion King biex tagħlaq it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta.

Awguri Destiny!

11.42pm

Fuq il-palk iż-żewġ finalisti Justin Shorfid u Destiny, b’Destiny ddikjarata bħala r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta. Hija se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju f’Rotterdam fin-Netherlands. Malta se tkun qed tieħu sehem fl-ewwel semifinali tat-Tlieta 12 ta’ Mejju.

11.28pm

Tagħlaq il-votazzjoni. Ħadd ma jista’ jivvota aktar għal Justine u ghal Destiny.

Sakemm isir l-għadd tal-voti wirjiet mill-mistiedna internazzjonali Louisa Johnson u Amelia Lily.

11.19pm

Dalwaqt jingħalaq it-televoting. Il-kompetizzjoni issa bejn Destiny Chukunyere u Justine Shorfid.

11.15pm

Justine emozzjonata wara l-wirja tagħha hekk kif ikkummentat li din ħolma li saret realtà.

Destiny rringrazzjat lill-pubbliku li wera l-appoġġ tiegħu tul il-vjaġġ tagħha f’din il-kompetizzjoni.

Ira Losco ddeskriviet lil Justine u lil Destiny bħala “bravissimi”.

11.12pm

Destiny lura fuq il-palk bil-kanzunetta He Lives In You mill-film The Lion King.

11.06pm

Noqorbu lejn il-finali u din d-darba tiftaħ l-aħħar parti Justine Shorfid.

11.05pm

Jerġa’ jinfetaħ it-televoting hekk kif tibda l-aħħar sfida bejn iż-żewġ finalisti.

10.58

L-ewwel finalist li għadda għall-aħħar sfida, skont il-voti tat-telespettaturi, hija Justine Shorfid. Ikkonfermata wkoll għall-fażi li jmiss Destiny Chukunyere.

L-eliminati huma F.A.I.T.H.

10.48pm

Destiny b’kanzunetta bil-Malti, wieħed mill-akbar suċċessi ta’ Ira Losco, Fejn Staħbejtli. Il-pubbliku fis-sala jinstema’ jkanta flimkien ma’ Destiny.

10.44pm

Għat-tielet darba fuq il-palk Justine Shorfid b’interpretazzjoni mill-aqwa ta’ L-Aħħar Bidwi f’Wied L-Għasel.

10.40pm

Il-votazzjoni tkompli u l-ewwel parteċipanti fuq il-palk biex ikomplu fil-kompetizzjoni huma F.A.I.T.H. bil-kanzunetta Viva Malta.

10.34pm

Il-parteċipant bl-inqas ammont ta’ voti llejla f’din il-fażi huwa Kyle Cutajar, li ġab l-inqas ammont ta’ voti min-naħa tat-telespettaturi.

10.23pm

Kyle lura fuq il-palk, bil-kanzunetta Shallow ta’ Lady Gaga u Bradley Cooper mill-film A Star Is Born. Miegħu fuq il-palk mill-ġdid Michela Pace, ir-rebbieħa tas-sena l-oħra ta’ X Factor Malta.

“Kyle hu bniedem umli u mimli talent,” ikkummentat Michela fi tmiem il-wirja tagħhom.

10.17pm

Imiss lil Justine Shorfid biex terġa’ titla fuq il-palk.

“Meta qaluli li se jkun qed nagħmel id-dwett ma’ din il-kantanta ma ridtx nemmen,” ikkummentat Justine qabel il-wirja b’riferenza għad-dwett Alone ma’ Louisa Johnson minn X Factor UK.

Johnson iddeskriviet lil Shorfid bħala artista u jistħoqqilha li tieħu pjaċir fuq il-palk.

10.07pm

F.A.I.T.H. mill-ġdid fuq il-palk bil-kanzunetta Don’t Start Now ta’ Dua Lipa. Magħhom fuq il-palk għal dan id-dwett ingħaqad Owen Leuellen.

Il-wirja ntlagħet tajjeb mill-pubbliku.

“Ninsab grat li erġajt fuq il-palk ta’ X Factor u kburi b’dawn it-tfajliet li jġibu enerġija fl-ispettaklu ta’ X Factor Malta,” ikkummenta Owen mat-tmiem tal-wirja li għadhom kif għamlu.

10.10pm

Destiny mill-ġdid fuq il-palk. Din id-darba bil-kanzunetta River Deep Mountain High, dwett ma’ Amelia Lily, li kienet ukoll parteċipanta u spiċċat runner up fil-kompetizzjoni ta’ X Factor UK.

“Għandek futur brillanti quddiemek,” ikkummentat Amelia Lily lil Destiny wara l-wirja li taw fuq il-palk ta’ X Factor.

10.01pm

Jagħlaq il-ħin tal-votazzjoni. Bħalissa qed jingħaddu l-voti.

9.49pm

L-unika parteċipant maskili f’din il-finali huwa Kyle li huwa wkoll ir-raba’ finalist. Għalih din hi t-tieni darba fil-kompetizzjoni peress li rajnih fl-ewwel edizzjoni fejn kien wasal sal-Judges Houses.

“Int eżempju għal dawk in-nies li jridu jeċċellaw f’xi ħaġa,” qaltlu Ira waqt li Alexandra tixtieq li tisma’ aktar minnu ‘l quddiem. Howard ukoll kuntent waqt li Ray ikkummenta li Kyle qatt ma jieqaf jissorprendih.

“Nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom. Ninsab grat ħafna,” ikkummenta hu wara l-wirja li huwa għamel waqt il-finali ta’ X Factor Malta.

9.39pm

Justine Shorfid hija t-tielet parteċipanta għal-lejla.

“Wirja kompluta” ikkummentat Alexandra waqt li Howard qabel ukoll ma’ dan il-kumment. “Super cool” kien il-kumment ta’ Ray biex jiddeskrivha.

“Int imwielda biex tkun fuq il-palk” qaltilha Ira Losco.

“Inħossni kuntenta ħafna u grata. Qatt ma kont nemmen li se nasal sal-finali,” ikkummentat Justine Shorfid fi tmiem il-wirja tagħha.

9.31pm

F.A.I.T.H. it-tieni finalisti għal-lejla. Bdew il-vjaġġ tagħhom f’din il-kompetizzjoni bħala individwi.

“Enerġija żagħżugħa” qalilhom Ray waqt li Alexandra kkummentat li l-wirja tagħhom hi dak li F.A.I.T.H. jirrappreżentaw. Ira wkoll kuntenta waqt li Howard deher entużjast bil-wirja li dawn il-ħamsa għadhom kif taw.

9.18pm

Destiny Chukunyere fetħet il-kompetizzjoni fil-finali. Wirja spettakolari akkumpanjata minn għajjat ta’ appoġġ fis-sala.

“Verament għamilt il-kanzunetta tiegħek. Ma kinitx faċli,” qalilha Howard waqt li Ray qalilha li huwa dejjem pjaċevoli li wieħed jisma’ l-vuċi tiegħek. Ira Losco ukoll faħħritha b’kumment li postha huwa fuq il-palk.

“Nispera li din il-performance kienet biżżejjed biex tivvuttawli,” ikkummentat Destiny fi tmiem il-wirja tagħha.

9.15pm

Il-votazzjoni għall-parteċipanti ta’ X Factor hi miftuħa. Illejla l-parteċipanti se jkollhom tliet sfidi. Il-votazzjoni tkun iffriżata wara l-isfida meta naraw min se jkun l-ewwel eliminat illejla.

9.05pm

Jibda l-finali tat-tieni staġun ta’ X Factor Malta. Michela Pace, rebbieħa tal-ewwel edizzjoni fetħet is-serata finali.

Michela Pace. Ritratt: Filmat/X Factor

Illejla nkunu nafu r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni fejn l-erba’ finalisti se jkunu qed jikkompetu għat-titlu u ċ-ċans biex jirrappreżentaw lil Malta fl-ewwel semifinali tal-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir f’Rotterdam fin-Netherlands f’Mejju li ġej.

Illejla l-għażla tar-rebbieħ hi kompletament f’idejn il-pubbliku u tistgħu tivvutaw għall-parteċipanti fuq dawn in-numri:

50614401 Destiny

50614402 F.A.I.T.H.

50614403 Justine Shorfid

50614404 Kyle