Filmat: “Irridu nagħmlu l-biċċa tagħna biex nevitaw il-kumplikazzjonijiet”

Il-President ta’ Malta George Vella appella biex kulħadd isegwi r-regolamenti li qed joħorġu minn ħin għall-ieħor mill-istituzzjonijiet biex din il-fażi li qed toffri sfida lil Malta tiġi megħluba. Kulħadd irid jagħmel sagrifiċċju u jekk id-dixxiplina li qed tintalab minna tiġi osservata, dan il-perjodu jiġi megħlub bl-inqas kumplikazzjonijiet possibbli. 

Il-President Vella kien qed jieħu sehem f’xandira speċjali ta’ Newsbook Hour fuq 103 li kien immexxi minn Jesmond Saliba u Fr Joe Borg. 

Il-President appella li filwaqt li m’hemmx bżonn għall-paniku, wieħed irid japprezza li dak li sar f’Malta jirrifletti ħafna dak li wettqu l-aqwa pajjiżi fid-dinja. 

Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu u nsegwu d-direttivi li qed jingħataw. Hemm bżonn li nipproteġu lil xulxin u nipproteġu lkoll flimkien is-saħħa tal-komunità kollha ta’ Malta. 

Huwa qal li dan huwa mument li rridu ngħaddu minnu għal perjodu definit. Irridu nagħmlu l-biċċa tagħna biex ma nikkomplikawx dan li qed iseħħ. Jekk ma nobdux ir-regolamenti nikkomplikaw l-affarijiet u l-affarijiet jitwalu. Dan qed ikollu effett fuq l-ekonomija ta’ Malta. U wara s-saħħa rridu naraw li ma ssirx ħsara lill-ekonomija tal-pajjiż.

Il-President irringrazzja u sellem lin-nies tekniċi u professjonali li ppreparaw bil-quddiem, mhux biss fiżikament u teknikament lin-nies biex ikunu lesti, imma biex jagħmlu dak li hemm bżonn jagħmlu.

Huwa ħeġġeġ lin-nies jisimgħu kull kelma u jobdu kull kelma. Hemm bżonn id-dixxiplina. Jekk mhux se nagħmlu sagrifiċċju fl-interess tal-komunità kollha, l-affarjiet ma jmorrux tajjeb daqskemm wieħed jixtieq. 

Iktar ma tieħu miżuri u toqgħod attent li ma xxerridx minn persuna għall-oħra, iktar inkunu effettivi f’dak li nagħmlu, żied jgħid. 

Mistoqsi jekk il-CoVid-19 affetwatlux ħajtu bħala President huwa qal li bħala Presidenza ma tħassar l-ebda avveniment għax ma kienx hemm għalfejn hekk kif l-avvenimenti li għalih kien mistieden ovvjament ġew imħassra. Fil-fatt 90% tal-laqgħat li kienu se jkunu jinvolvu udjenzi aktar wiesgħa, ġew imħassra. 

Fl-appell finali tiegħu huwa fakkar, li teknikament dan il-virus li jiġi trażmess minn persuna għal oħra, iktar ma jkun hemm ravviċinament ma’ xulxin, iktar hemm ċans li jinxtered ma’ persuni oħra. Il-prevenzjoni hija importanti. Il-poplu qed jirreġixxi b’dan il-mod, għax huwa b’saħħtu. Irridu ndaħħlu sens ta’ dixxiplina, koperazzjoni, u rispett lejn xulxin. 

“Ma nistgħux naħsbu għal rasna biss, imma rridu naħsbu bħala pajjiż ċivilizzat fejn qed ngħixu flimkien, f’pajjiż b’densità għolja ta’ popolazzjoni”, temm l-intervent tiegħu l-President Vella. 

Newsbook.com.mt u 103 wasslu edizzjoni speċjali tal-programm Newshour biex jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-coronavirus f’Malta.

Waqt il-programm, sar kollegament speċjali b’mod esklussiv mal-President ta’ Malta Dr George Vella.

Insegwu wkoll il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela li mistenni jsir fl-istess ħin.

Il-programm sħiħ

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn