Keith Schembri qed jiġi investigat dwar qtil

Miguela Xuereb

Read in English.

Illum se tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta tal-lum mistennija jiġu esebiti r-ritratti u l-ittra ta’ Melvin Theuma, kif ukoll ikompli jixhed l-Ispettur Keith Arnaud u jsirlu l-kontro-eżami.

Minuta b’minuta

14:17 Grazzi talli segwejtuna. Il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech tkompli nhar it-Tnejn 23 ta' Diċembru.
Charmaine Attard
14:16 Il-Maġistrat Montebello tgħid li fit-18 ta' Diċembru ġiet sottomessa applikazzjoni għall-ħelsien mill-arrest ta' Yorgen. Il-Maġistrat qalet li tiddeċiedi dwar dan fis-seduta li jmiss.
Charmaine Attard
14:14 Jitla' jixhed kuntistabbli ieħor mill-istess taqsima. Kien involut ukoll fit-tfittxijiet fid-dar ta' Fenech f'Portomaso. It-tfittxija bdiet mill-boardroom, sab kuntratt, payslips ta' Theuma, ritratt tal-kulur u nota miktuba bl-idejn. Sab ukoll fotokopja ta' Visa card u dokumenti bil-Franċiż f'cabinet fl-uffiċċju tas-segretarja. It-tfittxija kompliet f'uffiċċju iżda ma elevaw xejn minn hemmhekk.
Charmaine Attard
14:11 Jitla' jixhed kuntistabbli tal-Pulizija mit-Taqsima ta' kontra l-Ħasil ta' Flus. Jgħid li fil-21 ta' Novembru ngħata struzzjoni biex jassisti fit-tfittxija f'Portomaso. Qal li f'Level 21 ma sab l-ebda dokument interessanti, imma l-kollegi tiegħu sabu. Fit-tieni indirizz, sab dokumenti f'folders tal-plastik u li ġew ukoll ippreżentati fil-Qorti.

Mistoqsi x'kien fihom id-dokumenti, l-uffiċjal tal-Pulizija qal li kien fihom tranżazzjonijiet finanzjarji u li d-dokumenti kienu bil-Franċiż.
Charmaine Attard
14:09 Uffiċjal ieħor tal-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Kriminali jitla' jixhed. Dan kien assista lil Keith Vella fit-tfittxijiet f'Portomaso fil-preżenza ta' Fenech innifsu. Fittxew għal xi dokumenti finanzjarji. L-uffiċjal sab il-flipcharts li kienu juru strutturi finanzjarji li dehru 'interessanti'.
Charmaine Attard
14:03 L-Ispettur preżenta diversi oġġetti li ġabar minn postijiet differenti. Jgħid li t-tfittxija bdiet għall-ħabta ta' nofsinhar u baqgħet għaddejja sat-3.30pm. Il-Pulizija kkonfiskat flip charts, kuntratt, payslips f'isem Melvin Theuma, ritratt tal-kulur u nota li alleatament inkiteb bl-idejn minn Theuma. Mill-uffiċċju, il-Pulizija elevat aktar dokumenti, li wħud minnhom kienu bil-Franċiż. Dokumenti oħra nstabu f'cabinet fl-uffiċċju tas-segretarja.
Charmaine Attard
14:02 Jitla' jixhed l-Ispettur Keith Vella li hu stazzjonat fit-Taqsima tar-Reati Kriminali. Spjega li hu ngħata struzzjoni biex jagħmel tfittxijiet fir-residenza u fl-uffiċċju ta' Yorgen Fenech f'Portomaso.
Charmaine Attard
14:00 Il-Maġistrat Montebello tistaqsi dwar ir-rikordings li bħalissa jinsabu għand il-Europol. Arnaud informa lill-Qorti li d-data għadha ma ġietx elevata kollha, u li d-data tat-tlestija ta' dan il-proċess hija bejn nofs u l-aħħar ta' Jannar. Sakemm ir-rikordings ikunu lesti, ix-xhieda ta' Melvin Theuma se tkun aġġornata.
Charmaine Attard
13:43 Waqfa għal ftit minuti
Sephora Francalanza
13:41 Wara dan, Azzopardi staqsa dwar l-ammont ta' flus imħallas għall-assassinju. Qal li skont ma Theuma qal lill-Pulizija, l-ammont hu ta' €450,000.

Dr Caruana Curran qal li din l-informazzjoni ħarġet kollha minn Keith Schembri, u jkun aħjar jekk jistaqsu lilu.

Dr Azzopardi staqsa dwar mozzjoni li għaddiet fil-Parlament fuq estensjoni mogħtija lill-casino ta' Dragonara, u jekk din hix qed tiġi investigata. Arnaud wieġeb li għadha mhix tiġi investigata.
Sephora Francalanza
13:38 L-avukat staqsa jekk il-Pulizija aċċessatx il-geodata location, u Arnaud wieġeb li ma kellhomx aċċess. L-avukat kompla billi staqsa dwar fejn hu Ferdinand's Bar. Arnaud spjega li dan qiegħed is-Siġġiewi, u li hu kien investiga rapport li sar il-Belt Valletta b'allegazzjoni li Alfred Degiorgio u Chris Cardona kienu Ferdinand's flimkien il-lejl ta' qabel ir-rejd fit-tinda tal-patata.

Azzopardi kompla jaqra l-ittra, u staqsa dwar David Gatt li jissemma fl-ittra wkoll. Arnaud qal li kkonfermaw li Gatt kien l-avukat, għalkemm ma ssemmiex bit-titlu "Dr." Qalu li hu kien ikun fit-tinda tal-patata ta' sikwit.
Sephora Francalanza
13:27 Azzopardi rrefera għall-ittra li ngħatat lil Yorgen Fenech mit-tabib tiegħu. Staqsa lil Arnaud jekk l-imsemmi "Toni l-Iblah" huwiex Anthony Sammut. Arnaud wieġeb li iva, u dan jaħdem mal-Ministeru għall-Ekonomija.

Azzopardi qara parti min-nota dwar l-allegat frame-up fuq il-Ministru Chris Cardona.

Arnaud kien kellem lil Fenech dwar il-libelli ta' Cardona kontra Caruana Galizia. Fl-ittra hemm miktub, "CC, Fredu u Toni kienu jiltaqghu il-Ferdinand’s." In-nota tgħid ukoll li kien hemm żewġ persuni li kellhom il-ħsieb joqtlu lil Caruana Galizia – wieħed mill-individwi mejjet u l-ieħor huwa Chris Cardona.

Arnaud żied jgħid li l-investigaturi ċċekkjaw id-dettalji kollha b'rabta mal-każ tal-burdell, il-libell, eċċ.
Sephora Francalanza
13:25 L-avukat staqsa lill-Ispettur fuq ir-rikordings ta' Melvin Theuma. Arnaud qal li Theuma qalilhom li jekk jiġrilu xi ħaġa, dawn kienu se jispiċċaw id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, għand il-Kummissarju tal-Pulizija, għand il-Pulizija u l-avukati. Meta ġie arrestat staqsa għall-Kummissarju, u "kien iffissat li se joqtluh."
Sephora Francalanza
13:21 Azzopardi kompla l-kontro-eżami billi staqsa dwar il-konverżazzjoni bejn Yorgen Fenech u zijuh il-lejl qabel ma ġie arrestat, meta ssemma ġurnalist. Arnaud ikkonferma li jaħseb li Fenech qal xi ħaġa dwar ġurnalist li infurmah b'li kien qed jiġri. Żied jgħid li ma ssemmewx ismijiet b'rabta mal-identità ta' dan il-ġurnalist.
Sephora Francalanza
13:17 Dr Jason Azzopardi jagħmel il-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.

Azzopardi beda billi staqsa fuq meta ġie arrestat Keith Schembri, jekk l-arrest sarx jum wara li Schembri rreżenja minn Chief of Staff tal-Prim Ministru. Arnaud wieġeb li ma jafx.

Meta l-pulizija marru d-dar ta' Schembri, fetħitilhom martu. Huma talbu lil Schembri jagħtihom il-mowbajl u qalilhom, "Ma nafx fejn għamiltu, ma nafx fejn għamiltu, naħseb tliftu."

Il-Maġistrat staqsiet lil Arnaud jekk reġgħux staqsewh għall-mowbajl. Arnaud stqarr li lil Schembri talbuh il-mowbajl waqt l-interrogazzjoni u qalilhom li tilfu. L-Ispettur qal, "Sal-lum għadu ma nstabx, għadna qed infittxu."

Meta mistoqsi, Arnaud qal li hu ma kienx konxju tal-laqgħa li kellhom Keith Schembri u l-Prim Ministru fid-dar tal-Prim Ministru f'Burmarrad.
Sephora Francalanza
13:12 Camilleri staqsiet meta Fenech issemma waqt dawn il-laqgħat, u jekk Schembri kienx preżenti. Arnaud qal li Fenech beda jissemma għall-ħabta ta' Awwissu u Settembru tal-2018. Ir-rikordings u r-rabta possibbli mal-qtil ta' Daphne kienu jissemmew dak iż-żmien. Arnaud qal li Schembri kien ikun preżenti imma qatt ma qal li hu ħabib ta' Fenech.

L-Ispettur qal li l-investigazzjoni fuq Keith Schembri ma ngħalqitx u l-Pulizija għadha qed tfittex il-mowbajl tiegħu. Schembri qed jiġi investigat fuq omiċidju, fuq żvelar ta' informazzjoni, fost affarijiet oħra.

L-avukatessa staqsiet lill-Ispettur għaliex qed jinvestigaw dan kollu b'mod separat mill-assassinju ta' Daphne, u hu weġibha li mhux minnu. Qal li l-Pulizija għandha tim kbir ta' investigaturi li qed jaċċertaw li jkopru t-truf kollha.

Arnaud ikkonferma li l-impjieg fantażma ngħata qabel il-qtil, xi ġimagħtejn qabel tħabbret l-elezzjoni tal-2017, wara li kien intlaħaq qbil fuq l-assassinju.
Sephora Francalanza
13:02 L-avukatessa Dr Marion Camilleri staqsiet lill-Ispettur jekk sarux jafu li kien hemm xi informazzjoni mill-investigazzjoni li bdiet toħroġ. Arnaud qal li ntebħu b'dan meta fetħu l-kaxxa ta' Theuma. Qal li kien ixxukkjat b'dan. Din l-informazzjoni, qal l-Ispettur, kieku kienet tingħata waqt il-laqgħat ta' Kastilja.

Camilleri staqsietu kienx jaf li l-informazzjoni beda joħroġha Keith Schembri. Arnaud wieġeb li Fenech qallu iżjed tard li ġab l-informazzjoni mingħand Schembri, u anke Theuma kien qal li kiseb informazzjoni mingħand Schembri. Qal li Schembri ġie investigat b'rabta ma' dan, ta' żvelar ta' informazzjoni sensittiva mill-investigazzjoni.

Arnaud qal li Schembri ċaħad li żvela xi informazzjoni.
Sephora Francalanza
12:58 L-avukat kompla billi staqsa lill-Ispettur jekk kienx hemm xi ħin li kellem lil Fenech waħdu l-lock-up. Qal li kellmu malli wasal fit-8pm wara li ġie arrestat. Id-drabi l-oħra li kellmu kien hemm l-avukati preżenti. Imbagħad reġa' kellmu darba waħdu qabel ma nħeles.

Mistoqsi x'qallu, Arnaud wieġeb li l-ewwel qallu fuq il-mina mdallma li kien dieħel fiha, u inkoraġġieh biex jgħid il-verità. Spjega li juża frażijiet bħal dawn meta jkun qed ikellem lil suspettati.

L-avukat staqsa lill-Ispettur jekk wissiex lil Fenech fuq x'għandu jgħid u biex ma jsemmix lil Schembri. Arnaud qal li la hu u lanqas Fenech ma semmew lil Schembri.
Sephora Francalanza
12:54 Caruana Curran jistaqsi jekk il-Prim Ministru ġiex infurmat li Keith Schembri beda jissemma fl-investigazzjoni. Arnaud qal li lill-Prim Ministru infurmawh fl-istess żmien li kien hemm il-kwistjoni tat-talba għall-maħfra presidenzjali ta' Yorgen Fenech.

L-avukat imbagħad irrefera għal rapport fil-midja fuq laqgħa tard billejl bejn Schembri u l-Prim Ministru fid-dar tiegħu f'Burmarrad.
Sephora Francalanza
12:40 Dr Caruana Curran jistaqsi lill-Ispettur kif kien jikkomunika ma' Schembri, u dan jgħid li permezz ta' WhatsApp. L-avukat jgħidlu li jassumi li hu żamm il-messaġġi kollha bħala Spettur. Il-Maġistrat tgħid li mhux se tippermetti mistoqsijiet ta' din ix-xorta.

L-avukat jistaqsi jekk il-Pulizija ħadux il-mowbajl ta' Keith Schembri. L-Ispettur jgħid li ma nstabx, iżda ġabru l-apparati elettroniċi kollha, anke l-laptops ta' wliedu. Lill-Pulizija Keith Schembri qalilhom li tilef il-mowbajl.

L-avukat jgħid li d-Difiża qed tinsisti għal kopja tal-informazzjoni minn Europol. Arnaud jgħid li l-informazzjoni qiegħda għandhom iżda għadha mhix kompluta.
Sephora Francalanza
12:30 Saret referenza għall-aġġornamenti f'Kastilja dwar il-każ, meta sar qbil fuq tliet dati meta se jsiru l-arresti. Arnaud qal li Schembri kien preżenti.

Il-weekend ta' qabel l-arresti kien hemm laqgħa fis-Servizz Sigriet ta' Malta, meta ntlaħaq ftehim fuq id-data finali. Imbagħad kien hemm iżjed laqgħat Kastilja lejn tmiem April. Dak iż-żmien, l-arranġamenti kienu jsiru minn Silvio Valletta. Arnaud kien jattendi għall-assistenza. Wara li Valletta ma baqax jaħdem fuq din l-investigazzjoni, Arnaud kien jiftiehem fuq dawn il-laqgħat ma' Schembri.

Id-Difiża staqsiet lil Arnaud dwar il-frekwenza ta' dawn il-laqgħat u dwar min kien ikun preżenti. Arnaud wieġeb: "Meetings jien u Keith qatt ma saru, f’gieħ il-Bambin."

Dr Caruana Curran staqsa lil Arnaud, "U jekk ngħidlek li l-qraba tal-ġurnalista assassinata kienu semmew lil Schembri?" Arnaud qal li qrabatha kienu tawhom motivi possibbli. L-avukat jgħid li kien hemm il-qraba li semmew lil Schembri, Theuma u Fenech ukoll. Staqsa lil Arnaud jekk meta hu u Schembri kienu qed jiftehmu għal-laqgħat, Schembri semmilux l-impjieg fantażma ta' Melvin Theuma u li Yorgen Fenech ħabib tiegħu.

Il-Maġistrat tintervjeni biex tistaqsi meta kienet l-aħħar laqgħa f'Kastilja.

L-Ispettur iwieġeb li kienet fi tmiem Ottubru u l-bidu ta' Novembru ta' din is-sena.

Wara li spjega kif ġew interċettati l-mowbajls, Arnaud qal li ma għamilx it-talba biex il-mowbajls ta' Theuma u ta' Fenech jiġu interċettati hu.

Qal li isem Melvin issemma f'laqgħa f'April tal-2018, meta Fenech kien għadu ma bediex jissemma.

Arnaud jgħid li f'dak il-perjodu l-laqgħat kienu għadhom iffukati fuq il-loġistika u ma kienx hemm żviluppi lil hinn mir-rikordings.
Sephora Francalanza
12:16 Il-kontro-eżami jitkompla minn Dr Marion Camilleri.

Dr Camilleri staqsiet dwar il-kaxxa bir-ritratti u r-rikordings li kien ħalla Melvin. Lil Arnaud tistaqsih ukoll jekk il-fatt li Schembri jista' jgħin lil dawn in-nies jiksbu l-ħelsien mill-arrest ġegħilhomx iħossu li jridu jinvestigaw lil Schembri.

Arnaud wieġeb li Keith Schembri qed jiġi investigat.

Meta mistoqsi jekk investigawx lil Kenneth Camilleri, Arnaud qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Żied li Theuma qal li Kenneth Camilleri kien mar għandu u għamel it-telefonata li wasslet għall-wegħda tal-ħelsien mill-arrest u miljun kull wieħed.

Kenneth Camilleri qal lill-Pulizija li hu minnu li ltaqa' ma' Melvin Theuma, iżda mhux fuq il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest.

Dr Caruana Curran staqsa liema struzzjonijiet kien qed jobdi Kenneth Camilleri meta ltaqa' ma' Melvin Theuma.

Il-Maġistrat Montebello tgħid li Kenneth Camilleri għandu jixhed ukoll, u Arnaud jgħid li se jixhed.
Sephora Francalanza
12:05 L-ittra ta' erba' paġni ġiet esebita fil-qorti.

Dr Brincat qed jitkellem mal-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra.

Dr Caruana Curran jistaqsi lil Arnaud jekk ikunx korrett jekk jgħid li l-verżjoni li Theuma ta lill-Pulizija hi differenti mill-ittra li ħalla Melvin f'każ li jiġrilu xi ħaġa. Arnaud wieġeb li f'din l-ittra, Theuma qal li kien hemm żewġ imħuħ wara l-assassinju, u li Fenech bagħtu biex jirranġa l-qtil.

Il-Maġistrat tistaqsi lill-Ispettur jekk Keith Schembri kienx issemma qabel ma nstabet din l-ittra.

Arnaud jwieġeb li Schembri ssemma meta kien hemm ir-ritratt tiegħu ma' Theuma. Theuma semmieh ukoll b'rabta mal-impjieg fantażma.

L-Ispettur żied jgħid li dan ġara meta kien hemm interrogazzjoni iżjed fid-dettall. Qal li f'dan il-punt, staqsew "biżibilju mistoqsijiet." Qal li meta baqgħu jippersistu, Theuma qalilhom li semma lil Schembri fl-ittra għax beża' li Fenech għad jixba' minnu, għad jixba' jagħtih il-flus, u għalhekk idur għal Schembri biex jgħinu jeħles minnu.
Sephora Francalanza
12:05 Dr Caruana Curran jirrimarka li kien hemm numru ta' similaritajiet fil-verżjoni tal-ittra (tal-font kbir) u x-xhieda ta' Melvin Theuma. Arnaud jwieġeb li mhux jara s-similaritajiet li qed isemmi l-avukat.

Il-Qorti ordnat li aktar mistoqsijiet jistgħu jsiru ladarba l-ittra tiġi esebita fil-Qorti.

Dr Caruana Curran qal li 'quddiem il-klijent tiegħi, Keith Schembri kien qisu puppet master tal-maħfra presidenzjali‘. Fenech qal lill-Pulizija li kien ingħata verżjoni oriġinali dwar maħfra presidenzjali minn Keith Schembri.
Charmaine Attard
12:02 Arnaud ġie mistoqsi jekk l-istqarrija ta' Theuma kinitx differenti mill-ittra li nstabet fit-tfittxijiet fid-dar ta' Fenech. L-ittra nstabet fil-21 ta' Novembru.

"Theuma dejjem qal lill-Pulizija li ltaqa' darbtejn ma' Keith Schembri. Theuma ma tkellem xejn qabel ma ngħata l-maħfra. L-ewwel darba ta l-verżjoni tiegħu mingħajr ir-rikordings".

Il-Maġistrat Montebello staqsa jekk issemmietx l-ittra qabel ma nstabet.
Charmaine Attard
11:56 L-avukat Gianluca Caruana Curran jibda jagħmel il-kontro-eżami lill-Ispettur Keith Arnaud.

Dwar li Yorgen Fenech ipprova jaħrab, Dr Caruana Curran staqsa jekk il-VHS kienx mixgħul. Arnaud spjega li l-kaptan u Fenech kienu t-tnejn fuq id-dgħajsa. Il-kaptan qal lill-Pulizija li riedu jieħdu l-jott Pozzallo għall-manutenzjoni. Il-kuntatt mal-boatyard sar aktar kmieni u li kien kollox sew biex jieħdu l-jott Sqallija.

Dr Caruana Curran staqsa jekk il-kaptan staqsiex jekk jistax joħroġ mal-awtoritajiet tal-port, u jekk il-GPS u l-AIS tagħhom kinux mixgħula. Arnaud qal li filwaqt li ma kienx ċert jekk iċċekkjawx, kemm il-kaptan u Fenech qalu dan. Żied jgħid li l-kaptan ma kienx arrestat għax il-verżjoni tiegħu ma wasslet għall-ebda dubju. Il-kaptan kellu jirritorna Malta bil-vapur, imma l-pjanijiet ta' Fenech ma kinux magħrufa.

Dr Caruana Curran staqsa jekk Theuma staqsiex għall-għajnuna medika. Arnaud qal li hu ttieħed l-Isptar Mater Dei imma ma talabx biex jara tabib partikolari. Theuma ttieħed l-isptar qabel ma ngħata l-maħfra presidenzjali.

Dr Caruana Curran staqsa b'liema kundizzjonijiet inżamm l-isptar, u jekk inżammx logbook tat-tobba u l-infermiera li rawh.
Charmaine Attard
11:39 It-tabib telaq mill-farmhouse. Ftit ħin wara, l-aħwa Fenech irritornaw Malta.

Arnaud tkellem dwar l-arrest ta' Schembri – ċaħad l-ittra imma kkonferma li tkellem ma' Fenech fuq it-telefown lejlet li ġie arrestat. Schembri ċaħad l-involviment jew għarfien li Yorgen kien qed jipprova jaħrab. Arnaud qal lill-Qorti li Schembri ċaħad li għadda xi noti.
Charmaine Attard
11:32 Wara li nħeles it-Tabib Vella, huwa reġa' ntalab imur il-Kwartieri tal-Pulizija għal iżjed interrogazzjoni.

"Aħna staqsejna lit-tabib jekk kienx hemm attentat biex jgħin lil Fenech jaħrab il-weekend qabel ġie arrestat." It-tabib qalilhom li għenu, iżda Keith Schembri ma kellux x'jaqsam. Meta Theuma ġie arrestat, Fenech ċempel lit-tabib biex iżuru. It-tabib issuġġerixxa lil Fenech biex imur fid-dar tiegħu f'Għawdex. "Mur hemm għall-kwiet," qallu Vella.

Huma marru Għawdex u baqgħu fil-karozza tat-tabib, anke meta kienu fuq il-vapur għal Għawdex. Franco Fenech mar jiltaqa' magħhom hemm. Waħda mill-ideat li ssemmiet bejniethom kienet dgħajsa li tmur Tuneż u minn Tuneż tmur Dubaj.

Arnaud qal li ma setax jiftakar sew, il-mara ta' Yorgen jaf żaritu Għawdex. Arnaud qal li t-tabib ftakar lil Yorgen jgħid xi ħaġa bħal "Jekk ħa jegħreq hu, ħa jniżżel lil Keith miegħu."

L-Ispettur ma setax jifhem meta ntqal dan.
Sephora Francalanza
11:30 Fis-26 ta' Novembru Fenech inħeles mill-arrest għax kienu skadew it-48 siegħa.

Arnaud qal li ċ-ċirkustanzi kienu li fil-midja diġà kien hemm artiklu fuq sensar u negozjant. Ladarba sar magħruf li Theuma kien arrestat, il-midja rrappurtat li dan aktarx kien qed ikellem lill-pulizija u kien se jitlob għal maħfra presidenzjali. Arnaud spjega li kien ovvju x'kien qed jiġri u għalhekk kien ċar li Fenech se jipprova jaħrab.

Fil-mowbajl ta' Fenech instabet konverżazzjoni bejnu u bejn zijuh Ray, li fiha Ray bagħat ħolqa bl-intervista mal-Prim Ministru fuq il-maħfra presidenzjali. Ray bagħatlu screenshot ta' sajjetta. Arnaud qal, "Fil-konverżazzjoni ssemma wkoll ġurnalist, naħseb, li qallu li kien hemm għajdut li kienu qed isusu warajh." Arnaud qal li dan il-kontenut instab wara li Fenech kien ġie arrestat. Fil-konverżazzjoni tiegħu ma' zijuh, Yorgen qallu biex joħodlu ħsieb uliedu. Zijuh qallu biex joqgħod attent u biex ma jużax il-kard jekk imur Franza.
Sephora Francalanza
11:27 L-ewwel dokument kellu evidenza li taqbel mal-verżjoni ta' Fenech. It-tieni sett ta' noti wkoll kellhom evidenza taqbel ma' dak li qal Fenech lill-pulizija qabel ma biddel il-verżjoni tiegħu.

Arnaud qal li l-arrest ta' Fenech ma kienx pjanat għal dakinhar. "Li ġara kien li kien hemm xi kummenti fuq Facebook li 'ġejjin il-problemi.'" Żied jgħid li fil-bidu, il-midja ma rrappurtat xejn, imma eventwalment ħareġ isem Melvin Theuma. Dan tellef ix-xogħol tal-pulizija u kellhom jikkonċentraw fuq Fenech. Il-pulizija ssuspettaw li Fenech se jagħmel xi manuvra suspettuża. L-uffiċjali tal-pulizija kienu stazzjonati l-ajruport, kien hemm pulizija barra Portomaso, mal-portijiet, eċċ. Il-pulizija talbu wkoll l-assistenza tal-AFM.
Sephora Francalanza
11:20 Arnaud qal fil-qorti li t-tabib għall-ewwel ma riedx jikkopera, u beda jipprova jevita li jwieġeb il-mistoqsijiet hu u jiġi interrogat. L-Ispettur qal li ladarba arrestaw lil Vella, dan imbagħad beda jikkopera. Ikkonfermalhom li kien għadda nota lil Fenech.

Il-pulizija sabu 140,000 file fuq il-mowbajl ta' Fenech, u kellhom ifittxu l-iscreenshot li semmielhom waqt l-interrogazzjoni. Fenech qal lill-pulizija li hu kien staqsa lil Schembri, "Jaqaw qegħdin warajja?" f'messaġġ. Schembri wieġeb, "Leeee." Huma u jfittxu fil-files, il-pulizija sabu stampa b'"Leeee."
Sephora Francalanza
11:14 Arnaud qal lill-Qorti li kellhom żewġ biċċiet xogħol fuqiex jaħdmu: li jinvestigaw lit-Tabib Adrian Vella u l-iscreenshots fuq il-mowbajl. Xi pulizija marru jfittxu lit-tabib fir-residenza tiegħu f'San Pawl il-Baħar. Il-pulizija stennew bejn 45 minuta u siegħa barra daru. Arnaud tahom l-ordni li jisgassaw il-bieb jekk hemm id-dawl ġewwa. Vella mbagħad ittieħed fil-kwartieri għall-ħabta ta' nofsillejl.

Vella kien jaf lil ġenerazzjonijiet differenti tal-familja Fenech. Iltaqa' ma' Keith Schembri meta dan kien marid, u kien Yorgen Fenech li introduċiehom.

Mill-istqarrijiet ta' Vella lill-Pulizija, ħareġ illi fl-24 ta' Novembru, Vella mar id-dar ta' Schembri biex jiġbor dokument. Fenech qal lit-tabib, "Agħmilli pjaċir, mur għand Keith, iġbor xi dokument." Schembri qallu, "Ħudli dan għand Yorgen."

Dr Vella qal li d-dokument ma rahx, imma ħadu għand Fenech fir-residenza tiegħu f'Portomaso, fejn kien hemm ħuh u l-avukat tiegħu. Vella qal lill-pulizija li Fenech u Schembri tkellmu permezz tal-mowbajl tiegħu.

It-tabib ħassar kollox mill-mowbajl tiegħu qabel ma ġie arrestat.
Sephora Francalanza
11:06 Arnaud spjega kif il-pulizija staqsewh kellux xi jżid. Il-pulizija baqgħu jinvestigaw dak li qalu Theuma u Fenech. Fil-25 ta' Novembru, Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali.

L-Ispettur qal li fil-25 ta' Novembru fit-3pm u fis-7pm, Fenech tkellem mal-avukati tiegħu u reġa' talab għall-maħfra presidenzjali.

Qal li fl-24 ta' Novembru, Dr Vella mar jara lil Fenech u tah xi noti. Dan kien dak li żied mal-istqarrijiet tiegħu. Fenech kien qal lill-pulizija li d-dokument kien twil wisq, u ma kompliex bl-istorja għax kienet kumplikata żżejjed. Arnaud qal li Fenech stqarr lill-pulizija li ġie mwiegħed li jinħeles mill-arrest jekk iżomm ma' din il-verżjoni.

L-Avukat Gianluca Caruana Curran għadda dawn in-noti lill-pulizija. L-ewwel tliet paġni kellhom il-kitba bl-idejn ta' Yorgen Fenech.

Kien hemm sett noti separati, żewġ paġni, li ngħataw lil Fenech minn Dr Vella fil-lock-up.

Arnaud qal li l-pulizija ma kinux jafu li Vella kien jaf kemm lil Fenech u anke lil Schembri. Lejlet l-arrest tiegħu, Fenech kellu telefonata ma' Schembri u kien hemm xi messaġġi bejniethom. Fenech allegatament qal lill-pulizija li qatt ma żamm screenshots, imma dak il-lejl ħa screenshots tal-konverżazzjoni.
Sephora Francalanza
11:01 Yorgen Fenech ġie arrestat kmieni fl-20 ta' Novembru. Meta ta l-ewwel verżjoni tiegħu, it-48 siegħa kienu se jiskadu, u kellu jinħeles mill-arrest.

Fenech qal lill-pulizija, "Li kelli ngħidilkom għidthulkom."

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest u rritorna d-dar fit-22 ta' Novembru fl-10.30am. Bi qbil mal-avukati tiegħu, Fenech kellu l-pulizija f'daru.

Fot-22 ta' Novembru, huwa ma ddaħħalx il-Kwartieri Ġenerali immedjatament, imma fl-4.30pm. Kien tkellem mal-avukat tiegħu. Fit-23 ta' Novembru kellu siegħa mal-avukati tiegħu, imma f'12.05pm ġie riferut Mater Dei mit-Tabib Adrian Vella. "Jekk niftakar sew kien hu li talab għal Dr Adrian Vella, u Vella rreferieh għal Mater Dei," qal Arnaud lill-Qorti.

"Fit-2.55pm inħeles u ngħata nota li tgħid li mhuwiex f'qagħda tajba biex jiġi interrogat għal 24 siegħa. Hemmhekk inħeles mill-arrest sal-24 ta' Novembru." Arnaud żied jgħid li lil Fenech żaruh l-avukat tiegħu u ħuh meta kien id-dar. Huwa rritorna l-Kwartieri tal-Pulizija fl-24 ta' Novembru għall-ħabta tal-4.30pm.
Sephora Francalanza
10:58 Yorgen Fenech tkellem mal-pulizija informalment darbtejn. Meta ġie arrestat, Fenech talab għall-maħfra presidenzjali. Id-darbtejn li kien tkellem mal-pulizija informalment kienu qabel ma Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali.

Waqt dawn iż-żewġ konverżazzjonijiet, dak li qalu Theuma u Fenech kien jaqbel. Imbagħad Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali. Kien hemm li l-mod kif Fenech kien jirreferi għal Keith Schembri nbidel. Fenech qal lill-pulizija li dan minħabba li hu kien ġie mwiegħed il-maħfra presidenzjali.
Sephora Francalanza
10:50 Arnaud kompla jitkellem fuq ir-rikordings li għamel Theuma. Ħareġ illi ħafna mir-rikordings kienu dwar kif se jingħataw il-ħelsien mill-arrest, x'mar ħażin, bi frażijiet bħal "Kif għaffiġha."

Qal li Theuma qalilhom li ltaqa' ma' Schembri darbtejn.

File mħassar li nstab riċentament fuq il-mowbajl ta' Theuma u li ngħata lill-pulizija huwa rikording ta' Yorgen Fenech jagħti l-flus lil Theuma għal vaganza. Qallu, "Ħa ħu dawn… għax għandek bżonn break."

Arnaud iddeskriva kif Theuma kien iffissat li kien fil-periklu. Qal li Theuma ħaseb li ladarba kienu arrestati l-aħwa Degiorgio, kienu se joqtluh peress li huma ma kinux jafu fuq Yorgen. Skont ma qal Theuma lill-pulizija, Yorgen qatt ma heddu.

Melvin Theuma u Yorgen Fenech kienu jikkomunikaw fuq Signal – kellhom konverżazzjoni jumejn qabel u anke lejl qabel l-arrest ta' Theuma. Theuma talab lil Fenech għall-għajnuna biex ma jmurx il-ħabs, u anke biex is-sieħba tiegħu u bintha jitħallew barra minn dan kollu. Fil-konverżazzjoni, Theuma allegatament qal, "Ma rridx immur 18-il sena ħabs fuq money laundering." Fenech qallu, "‘Fuq waħda nista' ngħinek, fuq l-oħra ma nista' nagħmillek xejn."
Sephora Francalanza
10:45 Il-Europol kienet parti minn dan il-pjan ukoll. Arnaud spjega li t-Taqsima tal-Kriminalità Ekonomika għażlet is-16 ta' Novembru tal-2019 bħala d-data tal-arrest ta' Melvin Theuma. Stqarr li hu ma kienx involut, imma kien jaf bit-tħejjijiet fejn kienu se jsiru t-tfittxijiet.

Fl-14 ta' Novembru Theuma ntlemaħ jagħmel manuvra suspettuża, u Spettur tal-Pulizija mal-ECU avviċina lil Arnaud u marru fejn kien isir il-logħob tal-azzard illegali. Arnaud qal li l-Europol kienu għadhom ma waslux Malta u ma kinux preparati. L-Ispettur tal-Pulizija Nicholas Vella wassal għall-arresti ta' Theuma u s-sieħba tiegħu fost oħrajn.

L-apparat elettroniku kollu li nqabad ingħata lill-Uffiċjal tal-Europol f'Malta, li flimkien mat-tim, investiga d-data li nstabet.

Theuma ġie interrogat għal sitt darbiet. Huwa talab il-maħfra, li setgħet tingħata jekk hu jagħti l-informazzjoni lill-investigaturi biex tinkixef il-verità kollha.

Il-pulizija semgħu r-rikordings ma' Theuma. "Hemm smajna ismijiet li ssemmew għall-ewwel darba – dak ta' Keith Schembri u ta' Kenneth."
Sephora Francalanza
10:37 Arnaud spjega li l-investigaturi kellhom jaffaċċjaw dilemma kbira meta kellhom jiddeċiedu jekk jarrestawx lil Theuma. Dan għaliex li kieku kellhom jarrestawh u mbagħad ma jsibux ir-rikordings, kienu jirrovinaw ix-xogħol li jkunu wettqu sa dak il-punt.

Kompla jgħid li meta qabdu lil Theuma, indunaw li kien involut fil-logħob tal-azzard illegali. B'hekk l-investigaturi involvew it-Taqsima tal-Kriminalità Ekonomika u rriżulta li dan kien każ ta' ħasil tal-flus. L-Iskwadra tal-Omiċidji baqgħet involuta mat-Taqsima.

Arnaud żied li jekk toħroġ xi ħaġa ta' interess, lilhom kienu jinfurmawhom.
Sephora Francalanza
10:33 Arnaud beda jispjega kif l-investigazzjoni mbagħad imxiet għal fuq Melvin Theuma. Spjega li huma semgħu numru ta' telefonati.

Xi jum f'Marzu tal-2018, ħareġ illi Mario Degiorgio kellem lil Melvin Theuma. Arnaud qal li mill-konverżazzjonijiet li semgħu, intebħu li Theuma kien jinkoraġġixxi lill-irġiel arrestati u jwegħedhom li se jibagħtilhom l-ikel. "Innutajna li Theuma ħa interess kbir fl-aħwa Degiorgio. Kien imur għand Mario ta' sikwit biex ikellem lil Alfred jew George mill-mowbajl ta' Mario."

Kemm Alfred, kif ukoll George qegħdin fl-istess taqsima fil-ħabs, żied jgħid Arnaud. Qal li xi drabi jużaw il-pin ta' xulxin biex jagħmlu telefonata.

L-Ispettur qal li kien hemm punt meta Theuma beda jinstema' ppanikjat, u baqa' jgħid li għandu problema mal-akkużati. Kien lejn l-aħħar tal-2018 li l-investigaturi ndunaw li "din il-problema setgħet kienet relatata mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia." Arnaud semma kif saru jafu bir-rikordings, imma ma kinux għadhom jafu x'kien fihom dawn ir-rikordings.
Sephora Francalanza
10:27 Mill-investigazzjoni ħareġ li George Degiorgio kien spiċċalu l-kreditu fil-mowbajl, u talab lil ħabib biex jittoppjalu l-mowbajl. Degiorgio kellu l-mowbajl tiegħu, mowbajl finta u mowbajl ieħor u dawn it-tliet mowbajls kollha dehru jiċċaqalqu flimkien, spjega Arnaud.

L-Ispettur kompla jispjega li kien hemm numru mqabbad ma' mowbajl li kien juża Alfred Degiorgio. Meta ġew arrestati t-tliet irġiel, il-mowbajl instab ftit metri 'l bogħod minn fejn kien ġie arrestat Degiorgio.

Vincent Muscat li ġie arrestat mal-aħwa Degiorgio kellu numru tal-GO u numru li deher qrib il-Bidnija.

Il-mowbajl ta' George Degiorgio mmarka fil-Bidnija dakinhar tal-isplużjoni biss, filwaqt li l-mowbajls użati minn Alfred Degiorgio u Vincent Muscat kienu mqabbdin mas-cell towers. Għalhekk, l-investigaturi assumew li dawn it-tnejn kellhom isegwu kull pass ta' Daphne Caruana Galizia.

It-tliet mowbajls finti kienu jintużaw biex jikkomunikaw ma' xulxin. Il-mowbajl bin-numru ta' Muscat instab ukoll mitfugħ ġol-baħar fil-Marsa.
Sephora Francalanza
10:22 Irriżulta li n-numru li attiva l-bomba kien imqabbad ma' mowbajl li kien reġistrat personalment taħt George Degiorgio. Mill-investigazzjoni rriżulta li n-numri ċċaqalqu flimkien minn San Pawl il-Baħar għall-Marsa, u kienu mqabbdin ma' diversi networks qrib il-baħar, sakemm ma l-bomba ġiet attivata minn SMS li ġie decoded iżjed tard.

Ladarba kien intbagħat l-SMS, id-dgħajsa marret lura fil-port. Wara li l-bomba ġiet attivata, il-mowbajls finti ntfew kollha ħlief dak li dejjem kien jidher jiċċaqlaq fejn imur George Degiorgio. Dan ta aġġornament tal-post fejn kien minn cell tower qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa – dan il-mowbajl instab waqt ir-rejd fil-baħar.
Sephora Francalanza
10:10 Il-Maġistrat Rachel Montebello daħlet fl-awla. L-Ispettur Keith Arnaud se jixhed l-ewwel. L-Ispettur tal-Pulizija jgħid li jrid iżid max-xhieda tiegħu. Informa lill-Qorti li jrid jagħti n-numri tal-mowbajl b'rabta mal-apparat li attiva l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Numru minnhom beda jintuża fil-bidu tal-2017 u ntuża xi drabi qabel l-isplużjoni. Meta kien ikun qed jintuża, kien jirċievi messaġġi kontinwament. Dakinhar tal-assassinju, fis-16 t'Ottubru tal-2017, in-numru beda jintuża kmieni filgħodu. Il-post fejn kien jintuża kien dejjem il-Bidnija.

In-numru rċieva messaġġi minn numru ieħor li ġie attivat fl-istess żmien. Dan in-numru dejjem kien użat ma' mowbajl li kien jintuża minn George Degiorgio u ma' wieħed mill-mowbajls finti.
Sephora Francalanza
10:08 Il-Prosekuzzjoni u l-avukati parte civile jpoġġu bilqiegħda fil-bankijiet tagħhom.
Sephora Francalanza
09:55 Ninsabu LIVE minn Awla 9 biex tkompli tinstema' x-xhieda kontra Yorgen Fenech. Fenech daħal fl-awla u tkellem mal-avukati tiegħu Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.
Sephora Francalanza

X’ħareġ mill-aħħar seduta?

  • Melvin Theuma qal li ma jistax jgħid taħt ġurament li Keith Schembri xi darba tah xi flus jew kellmu fuq l-assassinju
  • Yorgen qallu li Schembri ma seta’ jagħmel xejn biex iġib il-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio
  • Kien jaf li Schembri u Yorgen kienu ħbieb kbar u beża’ li jitfgħuh il-ħabs jew joqtluh
  • Ir-ritratt ta’ Melvin ma’ Keith Schembri ħadu Sandro Craus
  • L-Ispettur Keith Arnaud qal li George Degiorgio jċempel spiss lil ħuh Mario mill-ħabs u jistaqsih “Iltqajt ma’ dak?” (b’referenza għal Melvin Theuma)
  • Li fir-rikordings issemmew l-ismijiet ta’ Keith Schembri u ċertu Kenneth (Camilleri)
  • Li meta ġie arrestat Melvin Theuma kien emozzjonat ħafna u nfaqa’ jibki, u qal li jrid jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne
  • Li meta marru biex jarrestawh kellu kaxxa tal-plastik li ried jiftaħha quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija. Kien fiha tliet mowbajls, voice recorder, karti u ritratt ta’ Melvin ma’ Keith Schembri f’Kastilja u ritratt ta’ mowbajl mixgħul bin-numru ta’ ċertu “Yorgen” fuqu
  • Li Melvin kien iffissat li jġib il-ħelsien mill-arrest lit-tliet allegati qattiela. Yorgen assigurah li se jkellem lil Keith Schembri.
  • Li f’konverżazzjoni ma’ Melvin, Yorgen qallu li mar għand Schembri biex jaġġornah. “Kif għedtlu kesaħ”, qal Yorgen lil Melvin.
  • Li fl-2018, Schembri attenda laqgħa mal-Prim Ministru u ma’ “Owen” f’Kastilja dwar l-assassinju, u Yorgen qal lil Melvin dwar x’ġara matul din il-laqgħa. Ir-rikordings oriġinali qegħdin f’idejn il-Europol. L-esperti qed jaħdmu biex jidentifikaw meta saru l-konverżazzjonijiet.