Mewt Tim: L-akkużat jagħti isem falz lill-Pulizija

Dalgħodu l-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li qed jiġi akkużat li b’negliġenza kkawża l-mewt taż-żagħżugħ Olandiż Tim Scholten ta isem b’ieħor lill-Pulizija.

Il-Qorti semgħet ukoll kif iż-żagħżugħ ma kienx fuq il-post imma sabuh miexi. Meta staqsewh x’jismu, huwa wieġeb Ġorġ Pace iżda ma kinux konvinti għalhekk ħaduh l-Għassa għall-interogazzjoni. Fil-kontro-eżami mill-avukat tad-difiża Joe Giglio, l-avukat saqsa jekk l-akkużat ġiex iċċertifikat li qiegħed f’istat tajjeb biex jissottometti ruħu għall-interrogazzjoni. Fix-xhieda ħareġ li l-akkużat ittieħed lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana minħabba xi grif li kellu iżda din kienet parti mir-rutina.

Wieħed mill-kuntistabbli li kien xehed dalgħodu rrakkonta kif kien għadu kif spiċċa mill-ħidma u kien fit-triqtu lejn id-dar meta ra daħna kannella. Wara li l-persuni mweġġgħa ttieħdu l-isptar permezz ta’ ambulanza, il-Pulizija marru jfittxu s-sewwieq tal-karozza li sabuh bejn San Ġiljan u Birkirkara.

Il-każ se jkompli jinstema’ fil-5 ta’ Settembru quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

10:35 Il-kawża ġiet deferita għal 5 ta’ Settembru fid-9.30am.

10:25 Imiss issa kuntistabbli ieħor mill-għassa ta’ San Ġiljan, il-Pulizija Edmond Fenech. Huwa jgħid li 4.50 tas-6 ta’ Lulju kien għadu kif temm ix-shift tiegħu, huwa u nieżel minn Triq Borg Olivier ra daħna kannella li bilkemm setgħa jara xejn. Huwa nnotta persuna tiġri lejh tgħajjat biex tieqaf, eżatt malli waqaf, nara dil-persuna mal-art bid-demm ħiereġ minn ħalqu. Huwa qal li minnufih ċempel l-ambulanza u informa l-għassa ta’ San Ġiljan. Huwa qal li apparti minn din il-persuna mal-art, kien hemm persuna oħra b’rasha maqsuma u sitt persuni ippanikjati u bi grieħi. Huwa qal li wasal fuq il-post ftit sekondi wara li seħħ l-inċident bil-karozza personali tiegħu. Huwa saqsa lil dawk fuq il-post min kien ix-xufier, wara li ħadd ma wieġeb u ma tax wisq każ sakkem waslet l-ambulanza fuq il-post. Wara li l-ambulanza ħadet il-persuni l-isptar, iċċekkjaw mal-għassa lil min kienet tgħajjat il-karozza. Flimkien ma’ Pulizija oħra huma bdew iduru fl-akwati bejn San Ġiljan u Birkirkara.

Fenech qal ukoll li kien persuna qed tati CPR lill-persuna f’nofs tat-triq li kienet ukoll qed issofri xi ġrieħi, wara niżlet persuna oħra tatih CPR sakkem waslet l-ambulanza.

10:16 Jibda jixhed il-kuntistabbli Alfred Bray li se jkun qed jixhed bil-Malti li kien stazzjonat fl-għassa ta’ San Ġiljan. Huwa qal li fil-5am rċevew telefonata dwar inċident li seħħ fit-Triq Borg Olivier. Malli waslu sabu persuna f’nofs tat-triq fejn kien hemm persuna oħra qed ittih is-CPR.

Ix-xufier ma kienx fuq il-post u sabuh fit-triq San Ġiljan San Ġwann saqsejnih x’jismu qalilna Gorg Pace. Meta ż-żagħżugħ kien mistoqsi fejn sejjer, skont ix-xhieda tal-kuntistabbli, l-akkużat qal li kien sejjer id-dar għax kien għajjien. Dan ma konvinċix lill-Pulizija u ħaduh l-Għassa. Huwa kompla jgħid li ċċekkjaw fis-sistema u sabu li l-karozza kienet tal-akkużat.

Fil-kontro-eżami l-avukat tad-Difiża Joe Giglio saqsa jekk l-akkużat ittieħidx l-isptar għall-kura. Il-kuntistabbli kkonferma li ttieħed l-Polyclinic fil-Furjana minħabba xi ġrieħi li kellu.

L-avukat Giglio qal li jifhem li din hi parti mill-proċedura normali, iżda huwa saqsa dwar jekk qabel l-akkużat ma ġie interrogat ġiex iċċertifikat l-istat liema kien fih.

10:05 Beda jixhed is-Surġent Mark Cremona, li kien xogħol mill-5am sas-1.30pm. Huwa kien infurmat għall-ħabta tas-sitta dwar il-każ. Huwa spjega kif għalqu x-xena fejn seħħ il-każ fil-preżenza taż-żewġ pulizija oħra. Il-kollega tal-Pulizija li qed jixhed għamel l-breathalyser fuq iż-żagħżugħ. Huma stennew lill-esperti tal-Qorti jaslu fuq il-post. Wieħed mill-bankijiet kien imfarrak u arblu tad-dawl li nqala’ minħabba d-daqqa. Is-surġent kompla jgħid li kien hemm żraben fit-Triq Borg Olivier.

L-Ambaxxata tar-Renju Unit kienet infurmata wara li ġiet stabbilita li weġgħu wkoll żewġ persuni li huma r-Renju Unit.

10:01 Tibda x-xhieda tat-tabib Luana Formosa li taħdem fl-isptar Mater Dei. Fix-xhieda tagħha Formosa tat dettalji mediċi dwar il-kundizzjoni ta’ Scholten meta ddaħħal l-isptar, hi temmet tgħid li Scholten ġie ċċertifikat bħala fil-periklu tal-mewt.

09:56 Applikazzjoni minn Gasan Mamo Insurance Ltd qed isaqsu l-Qorti biex jitlaħħaq surveryor minn Gasan Mamo. Il-Maġistrat tgħid li l-Qorti mhux se taċċetta li jiġi appuntat surveyor imqabbad minn Gasan Mamo filwaqt li tirriserva d-dritt li tikkonsidra l-allegazzjoni fl-applikazzjoni tal-kumpanija tal-insurance. Fl-applikazzjoni l-kumpanija qalet li jixtiequ jqabbdu surveyor tagħhom biex ikun stabbilit jekk il-magna kinitx imbabsa. Il-Maġistrat saħqet li mhux se tkun qed tappunta esperti tekniku għalissa sakkem jitlesta r-rapport mill-Maġistrat Inkwirenti.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena, qed jiġi akkużat li b’negliġenza kkawża l-mewt taż-żagħżugħ ta’ 19-il sena, Tim Scholten. Il-każ seħħ f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju. Caruana Turner qed jitħalla joħroġ mid-dar bejn it-8 ta’ filgħodu u 8 ta’ filgħaxija wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Trevor Micallef. Il-Qorti hi preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Għal parte civili qed jidhru l-avukati Marion Camilleri and Franco Debono. Filwaqt li Joe Giglio qed jidher għall-akkużat.