Filmat: ‘Unur għalina li nsalvaw il-ħajjiet’ – Il-Fundatur ta’ Lifeline

Il-fundatur ta’ Mission Lifeline, Axel Steier, qal lill-Qorti li huwa ta’ unur għalihom li jsalvaw il-ħajjiet. Illum kompla l-każ fil-konfront tal-Kaptan tal-bastiment Lifeline, Claus Peter Reisch.

Steier spjega fid-dettal kif inxtara l-bastiment mingħand l-għaqda mhux governattiva tal-ħidma u salvataġġ Sea-Watch. Waqt il-kontro-eżami l-prosekuzzjoni saqsiet dwar ir-reġistrazzjoni tal-bastiment li ġie mniżżel bħala pleasure craft. Steier saħaq li r-reġistrazzjoni hi korretta, hekk kif il-ħidma tagħhom issir fil-ħin liberu tagħhom mingħajr l-ebda skop kummerċjali. Spjega li għalihom huwa ta’ unur li jsalvaw il-ħajjiet tal-persuni mill-għarqa.

Steier spjega kif meta nxtara l-bastiment dan inxtara bil-bandiera b’kollox. Kompla jispjega kif huma għamlu kuntatt mal-Aġenzija biex jibdlu s-sid fuq id-dokument meta l-bastiment inxtara.

Fix-xhieda tiegħu Steier ippreżenta ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-bastiment ġdid li huma rċievew meta kien għaddej il-każ. Dan iċ-ċertifikat kien mibgħut mill-awtoritajiet Olandiżi u li fih ma kienx hemm indikat il-bandiera tal-MV Lifeline, li sa dakinhar kien għadu rreġistrat b’bandiera Olandiża.

Is-seduta temmet billi ġie deċiż li fl-14 ta’ Mejju se tkun qed jiġi deċiż il-każ.

L-avukati Cedric Mifsud, Neil Falzon u Gianluca Cappitta dehru għall-Reisch.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Live Blogg:

12:56 Il-Kaptan Reisch jgħid li jixtieq jgħid lill-Qorti dwar il-Pulizija stazzjonati mal-bastiment, li ma għandhom l-ebda tojlit, u lanqas fejn jixorbu, u li qed jiġbed l-attenzjoni minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Il-Maġistrat qal li jaf imma qed jagħmlu xogħolhom.

12:46 Il-prosekuzzjoni saqsiet dwar ir-reġistrazzjoni tal-bastiment. Steier jispjega li huma jagħmlu l-ħidma tagħhom waqt il-ħin liberu tagħhom, għalhekk m’għandha l-ebda skop kummerċjali. Saħaq li huwa pjaċir tagħhom li jsalvaw in-nies. Sostna li kieku kien għal skop kummerċjali kienu jirreġistraw il-bastiment bħala wieħed kummerċjali.

Wara diskussjoni sħiħa, il-Maġistrat jgħid li d-deċiżjoni se tingħata fl-14 ta’ Mejju.

Il-Maġistrat b’ċajta jgħid lil Reisch biex jestendi l-vaganzi tiegħu u jmur Għawdex.

12:22 Jitla jixhed Axel Steier minn Dresden, il-fundatur ta’ l-għaqda mhux governattiva Mission Lifeline.

Steier spjega l-ħidma ta’ Mission Lifeline li tagħmel operazzjonijiet ta’ ħidma u salvataġġ fil-baħar Mediterran. Huwa spjega li l-bastiment imur fil-baħar u jgħin f’każ ta’ emerġenza. Spjega li huma jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet.

Steier jispejga li dokumenti juru li l-bastiment huwa ta’ Mission Lifeline li għandu bandiera Olandiża.

L-avukat Cedric Mifsud saqsa dwar min hu is-sid tal-bastiment u dwar il-bejgħ tal-bastiment. Steier jispjega li l-vapur inxtara minn Mission Lifeline mingħand l-għaqda Sea Watch.

Il-fundatur ta’ Mission Lifeline jippreżenta l-kuntratt tal-bejgħ tal-bastiment li nxtara bil-bandiera b’kollox.

Mifsud isaqsi x’ġara wara li nxtara l-bastiment. Steier jispjega li ladarba xtraw il-bastiment huma setgħu jżommu l-bandiera u l-MMSI, iżda kellhom jibdlu l-isem ta’ fuq id-dokumenti. Steier jispjega li huma għamlu kuntatt mal-Aġenzija Olandiża biex ibidlu l-isem tas-sid fuq id-dokumenti. Il-fundatur spjega li taw kopja tar-reġistrazzjoni tal-għaqda, kopji tad-dokumenti tal-identità, u għamlu l-ħlas dovut.

Steier qal lill-Qorti li l-Ambaxxata Olandiża saret taf minn Twitter li r-reġistrazzjoni tal-bastiment ma għadiex valida.

12:17 Tiġi preżentata t-traduzzjoni mill-Ingliż għal Malti tax-xhieda tal-Kaptan Claus Peter Reisch.

11:48 Ninsabu f’Awla 25 fejn se jkompli l-każ tal-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline, Claus-Peter Reisch, li f’Ġunju daħal fir-Rampa tal-Isla b’234 persuna qed iffittxu l-ażil abbord.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li dalwaqt ikompli jinstema l-każ iżda beda billi ta l-kondoljanzi lill-Kaptan hekk kif ommu mietet iktar kmieni dis-sena.

Reisch, Ġermaniż ta’ 57 qed jidher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wara li ġie interrogat mill-Pulizija. Huwa qed jiġi akkużat li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani li jikkordinaw il-ħidmiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran, li talbuh imur lura fil-Libja, li saq bastiment mhux reġistrat u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin.

AQRA: “Il-vapur tħalla jidħol fuq bażi umanitarja” – AFM

L-avukati Neil Falzon, Cedric Mifsud u Gialunca Cappitta qed jidhru għal Reisch.