Filmat: Keith Schembri se jixhed l-Erbgħa

Read in English.

  • Keith Schembri ma jitfaċċax il-Qorti minkejja li kien skedat biex jixhed. Jinħareġ mandat ta’ arrest. Keith Schembri jgħid li ma kienx notifikat mill-Qorti u li sar jaf mill-midja onlajn. Se jixhed għada l-Erbgħa.
  • Yorgen Fenech jgħid li ġieli kien ikun ma’ Keith Schembri u jgħidlu ‘ara bagħatli Arnaud’.
  • L-Ispettur Keith Arnaud jgħid meta li ltaqa’ ma’ Keith Schembri għall-ewwel darba waqt briefing f’Kastilja dwar l-assassinju ta’ Daphne. Dan kien qabel l-arresti ta’ Diċembru 2017.
  • Arnaud spjega li hu beda jitkellem direttament ma’ Keith Schembri meta l-Qorti ordnat it-tneħħija mill-każ tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.
  • Arnaud isemmi min kien ikun hemm għall-briefings f’Kastilja.

Aqra minuta b’minuta xi ntqal fil-Qorti llum

12:26 Grazzi talli segwejtuna. Nerġgħu nkunu magħkom għada fl-10.30am fejn mistenni jixhed Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.


12:37 Keith Schembri joħroġ bi tbissima mill-Qorti. Mistoqsi mill-ġurnalisti hu qal biss li dak li għandu jgħid se jgħidu għada filgħodu fil-Qorti.


12:24 Spettur jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda u jispjega li qed jippreżenta filmat b’evidenza tal-movimenti ta’ Yorgen Fenech meta kien qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija.


12:15 Jidħol Dr Gatt fl-awla u tkellem f’isem Keith Schembri. Spjega li Schembri ma setax jattendi llum u li jinsab lest li jitla’ l-Qorti meta hemm bżonn. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli għada, bix-xhieda ta’ Keith Schembri.


12:14 Keith Schembri jintlemaħ dieħel il-Qorti minn għadda ta’ ġurnalisti. Qalilhom li sar jaf mir-rapporti onlajn li kellu jitla’ l-Qorti.


12:13  Tasal fi tmiemha x-xhieda ta’ Arnaud. L-avukati qed jiddiskutu mal-Imħallef.


12:11 Arnaud ġie mistoqsi dwar min kellu aċċess għal Theuma meta kien l-isptar. Arnaud spjega li żbalja meta ma qalx lill-isptar min jista’ jew min ma jistax iżur persuna taħt arrest. Qal li mhux ċert jekk kienx Theuma jew Fenech, “avolja ma naħsibx li Theuma ltaqa’ ma’ xi tabib speċifiku”. Arnaud qal li lest li jivverifika dan jekk hu importanti għall-każ.


12:08 Arnaud spjega li l-avukat Caruana Curran urielu ftehim għal maħfra presidenzjali. Arnaud qal li għad m’għandu l-ebda idea dwar kif dan il-ftehim spiċċa f’idejn l-avukat. Spjega li l-mowbajl ta’ Theuma għadu qed jiġi analizzat minħabba l-ammont kbir ta’ data.


12:05 Arnaud ġie mistoqsi jekk mill-investigazzjonijiet irriżultax li Theuma kien impjegat mal-Gvern. Arnaud qal li Melvin Theuma kkonferma magħhom li kien impjegat mal-Gvern imma li qatt ma mar għax-xogħol. Qalilhom li Fenech kien bagħtu Kastilja. Arnaud qal li staqsewh jekk l-impjieg ingħatalux bħala pagament ta’ sensar. Theuma qal li ma kellux idea għaliex ingħata l-impjieg imma li ma kienx il-pagament ta’ sensar fl-assassinju.


12:02 Arnaud insista li fl-aħħar sentejn, it-tim baqa’ persistenti. L-Imħallef staqsa jekk kienx hemm xi ħaddieħor li ġie investigat b’rabta mal-informazzjoni li bdiet toħroġ. Arnaud qal li f’Ottubru ta’ din is-sena, ġurnal lokali ħareġ informazzjoni importanti. Kien infurmat qabel ma ġie ppubblikat u kellu permess li jwaqqaf lill-ġurnal milli jippubblika. Stqarr li l-ġurnal ikkopera u kkollabora mal-Pulizija. Dan kien se jikxef isem Melvin Theuma u dettalji oħra importanti dwaru.


12:00 Arnaud spjega li meta marru għand it-tabib, ma fetaħx il-bieb immedjatament. Spjega li setgħu telqu u ħallew twissija mill-Qorti imma baqgħu jippersistu. Stqarr li kien lest jifqa’ l-bieb tad-dar kieku ma fetaħx


11:57 Arnaud spjega li Theuma qalilhom li kieku kellu xi konverżazzjonijiet ma’ Schembri, kif jirrekordjahom ukoll, bħalma għamel bit-telefonati ma’ Fenech. Camilleri tistaqsi kif il-Pulizija għażlet ix-xhieda ta’ Melvin u mhux il-kontenut tal-ittra. Arnaud spjega li f’sentejn ta’ investigazzjonijiet, isem Schembri qatt ma tfaċċa. Spjega li meta l-Pulizija staqsiet lil Yorgen fuq l-istess ittra, hu kkorrabora l-informazzjoni li ta Melvin. Kompla jispjega li waqt l-investigazzjonijiet, meta kien hemm ‘tip off’ ta’ involviment ta’ xi ħadd, bħal pereżempju t-tabib Vella, marru jarrestawh minnufih, għalkemm kien tard billejl.


11:50 Dr Camilleri staqsiet dwar l-interċettazzjoni tal-mowbajl ta’ Yorgen li bdiet fl-2018. Staqsiet kif inhu possibbli li ħadd ma infurmah dwar il-ħbiberija bejn Fenech u Schembri. Arnaud insista li ħadd ma nfurmah. Staqsiet ukoll jekk waqt l-investigazzjonijiet tal-assassinju telax isem xi ħadd li kien impjegat jew kellu rabtiet mal-MSS. Il-Qorti ma ħallitux iwieġeb.

“Melvin tak raġuni għala kiteb l-ittra?” Staqsiet Dr Camilleri. Arnaud wieġeb li iva, u li Melvin spjega li Yorgen u Keith kellhom ħbiberija f’saħħitha. Qal li kien qed jibża’ għal ħajtu. Camilleri spjegat li Arnaud qed jgħid li Melvin Theuma ta spjega dwar l-ittra. Spjegat ukoll li l-ittra tikkontradixxi dak li Melvin Theuma qal lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet. Arnaud qal li lil Melvin kellmuh sitt darbiet qabel ma ngħata l-maħfra. Kienu jsemmgħu r-rikordings biċċa biċċa, u Melvin jispjega x’kienu jfissru l-konverżazzjonijiet. Arnaud qal li l-ittra u dak li qal Melvin jgħidu l-istess ħaġa u m’hemmx diskrepanzi.


11.48 Arnaud stqarr li mhix korretta l-frażi ‘feeding information b’rabta mal-laqgħat li kien involut fihom Keith Schembri. Għal-laqgħat f’The Heague u pajjiżi oħra, Arnaud spjega li kien hemm diversi persuni jakkumpanjawh fosthom l-Avukat Ġenerali nnifsu. L-Imħallef staqsa jekk il-Europol kinux preżenti għal-laqgħat f’Kastilja. Arnaud qal li qatt ma kienu preżenti imma li hu kien jinfurmahom bihom u jgħidilhom xi jkun ġie diskuss.


11.41 L-avukat f’isem l-Avukat Ġenerali intervjena u qal li Arnaud kien imġiegħel għall-istess mistoqsijiet għal siegħa u nofs. Arnaud spjega li kien hemm diversi stadji tal-investigazzjoni. Spjega li kien hemm preżenti għal uħud mil-laqgħat, membri tas-Servizzi Sigrieti. Madanakollu, hu qatt ma kien involut direttament f’laqgħat dwar il-ħidma tas-Servizzi Sigrieti.  Arnaud ġie mistoqsi jekk Keith Schembri qattx informa lill-Pulizija li pprovda impjieg lil Melvin Theuma. Arnaud wieġeb ‘le’. “Qatt qallek kemm kien qrib ta’ Fenech?” Arnaud jwieġeb mill-ġdid ‘le’.


11.37 Arnaud jerġa’ jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda. Jispjega li l-mowbajl ta’ Yorgen kien interċettat fl-2018. Huwa qal li qatt ma’ sema’ telefonati ta’ Yorgen. Stqarr li l-ħbiberija bejn Fenech u Schembri ħarġet fid-deher waqt l-investigazzjonijiet. Spjega li kien hemm nies apposta biex jisimgħu t-telefonati u jirrappurtaw dwar partijiet tal-konverżazzjoni. Dr Camilleri qalet li għaldaqstant seta’ kien hemm parti mill-konverżazzjonijiet li jindikaw il-ħbiberija bejn Schembri u Fenech, imma dawk responsabbli setgħu ma nfurmawhx dwar dan. L-Imħallef jgħid li m’hemmx lok għall-ispekulazzjonijiet.


11:30 Ġurnalisti tal-MaltaToday jilmħu lil Keith Schembri ħiereġ mill-villa tiegħu fil-Mellieħa, hekk kif ftit qabel marru għalih il-Pulizija u uffiċjali tal-Qorti. Huwa qal li qatt ma ġie nnotifikat u li beda jilbes hekk kif sar jaf mill-midja onlajn li kellu jixhed illum. Għaldaqstant bħalissa jinsab fi triqtu għal Qorti. L-Imħallef spjega li l-Qorti trid tara fi xħin jasal biex ikun jista’ jixhed, jekk fuq kollox imur il-Qorti.

Posted by MaltaToday on Tuesday, December 17, 2019

11:18 Waqfa għal ftit ħin.


11:15 L-avukati jersqu lejn il-bank tal-ġudikatura fuq talba ta’ Dr Buttigieg. Jitkellmu minn taħt l-ilsien.


11:10 Dr Camilleri staqsiet lil Arnaud jekk kienx infurmat bl-impjieg fantażma ta’ Theuma. Arnaud jgħid li hu ma kienx involut u li hu kemm għadda r-rikordings relatati. Dr Camilleri staqsietu wkoll jekk kienx jiddiskuti l-ħajja personali tiegħu ma’ Schembri, meta kien ikun qed jistenna biex jidħol għal briefing. “Iva, waqt li nistennew, konna nitkellmu fuq il-futbol, it-tfal eċċ”. Żied jgħid li ma kinux issemmew impjiegi għal nies.


10:55 “Ma kienx hemm bżonn li jiġi arrestat,” qal l-ispettur tal-pulizija b’referenza għal Schembri. “Wara li Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali, Fenech biddel il-verżjoni tiegħu u qal li hu kien taħt pressjoni u mmanipulat minn Schembri. Fenech qalilna li Schembri kien wiegħdu l-maħfra presidenzjali,” spjega Arnaud.

Waqt l-interrogazzjoni, Fenech kien ħareġ żewġ biċċiet karti, skont Arnaud. “Fenech spjega li hu kien ta verżjoni falza ta’ dak li ġara għax Schembri wiegħdu l-maħfra. Hu kien qalilna li kien Dr Adrian Vella li allegatament tah il-karta,” spjega Arnaud.

“Inti kellimtu lil Schembri? X’kien l-involviment ta’ Dr Vella?” staqsiet Dr Camilleri.

Hu u jitkellem dwar Keith Schembri, Arnaud qal li wara li kien irnexxielhom isibu lil Dr Vella, hu spjega li kien għadda xi noti bejn Fenech u Schembri. Arnaud qal li Dr Vella ġie mistoqsi jekk kienx ħares lejn in-noti. Vella qal lill-pulizija li Yorgen kien ippanikkjat u beda jikteb fuqhom. Arnaud qal li Dr Vella ma fetaħs il-bieb mill-ewwel u kien beda jitkellem mal-pulizija wara li ġie arrestat.

“Le ma konniex bgħatna għal Schembri imma konnha arrestajnih,” Arnaud qal fil-Qorti. Hu spjega li ma setgħux isibu r-residenza ta’ Schembri u kellhom jistaqsu lill-ġirien.


10:44 Arnaud qal li saru investigazzjonijiet sabiex jinstab min kien qed jikxef l-informazzjoni.

“Kienu investigati l-persuni involuti fil-laqgħat?” staqsa Dr Camilleri.

“Ikkunsidrajt il-leak bħala prijorità?” kompliet Dr Camilleri

Yorgen Fenech daħaq meta Arnaud uża parti minn dikjarazzjoni informali.

Arnaud qal li huma investigaw kemm il-leak, kif ukoll l-irwol ta’ Schembri.

Fenech, li jinsab bilqiegħda n-naħa l-oħra tal-Awla deher jiġġestikola u jidħak meta Arnaud tkellem dwar l-investigazzjoni fuq Schembri.

Fenech kellem lill-pulizija għal madwar siegħa u nofs fil-25 ta’ Novembru, skont Arnaud, fejn tkellem dwar l-involviment ta’ Schembri.

“Meta Yorgen Fenech semma lil Keith Schembri, inti infurmajt lil Schembri li kont se tinterrogah?” staqsiet Dr Camilleri. F’dan il-punt, Dr Buttigieg oġġezzjona għall-mistoqsija diretta ta’ Camilleri. L-Imħallef Mintoff talab lil Camilleri tibdel l-istruttura tal-mistoqsija.

Dr Camilleri staqsiet x’kien ġie ssekwestrat mid-dar ta’ Fenech. Arnaud wieġeb li huma kienu ħadu l-apparat elettroniku. Arnaud qal li nstabet ukoll ittra miktuba bl-idejn minn Theuma. Qal li ma jiftakarx jekk din instabitx fl-20 jew fil-21 ta’ Novembru.

Skont Arnaud, kemm Theuma kif ukoll Fenech ikkorroboraw l-ittra ta’ Theuma.


10:34 Arnaud qal li filwaqt li l-mobile ta’ Theuma kien tapped hu ma kienx jissemma’ r-rekordings kollha. Hu qal li mill-ftit li sema’ Schembri ssemma darba biss. “Melvin kien vera rrabjat għal Yorgen u kien tkellem ħażin fil-konfront tiegħu u ta’ dak li sejjaħlu sieħbu, Keith Schembri,” qal Arnaud.

Qal li Theuma u pesuni oħrajn kellhom min qed jissemma’ t-telefonati tagħhom jew oħrajn li kienu qed jiġu ssorveljati.

“Dak li ġara wara l-14 ta’ Novembru kont ixxukkjat kif kulħadd kien jaf,” qal Arnaud fil-Qortu. Hu qal li huma għamlu minn kollox biex ħadd ma jsir jaf.

“L-informazzjoni kienet qed tinħareġ minn xi ħadd matul l-investigazzjoni?” staqsiet Camilleri.

“Iva,” wieġeb Arnadu, “sal-14 ta’ Novembru aħna konnha biss wara Theuma u Fenech,” kompla jgħid.

Hu mbagħad spjega li l-avukati ta’ Theuma kellhom bżonn ftehim iffirmat mill-Prim Ministru li jiggarantixxi maħfra fis-16 ta’ Novembru. Fl-istess waqt, il-Pulizija bdew jissemmgħu r-rekordings.

“L-ewwel nett, Schembri ssemma ħafna waqt ir-rekordings ta’ Theuma,” spjega Arnaud. Hu qal li hemm irrealizzaw kemm informazzjoni sensittiva kienet qed toħroġ. F’wieħed mir-rekordings ta’ Theuma, Fenech qal li “Schembrikellu lil Valletta u lil Arnaud jinfurmawh,” imbagħad kienu jitkellmu “max-Xiħ”.

Arnaud sostna li minħabba l-kwantità ta’ informazzjoni li kienet qed toħroġ fil-pubbliku, il-persuni li l-aktar kienet fil-periklu kien hu.

Arnaud qal li beda jħossu fil-periklu għax ħafna mill-persuni li kienu involuti fl-assassinju kienu qed isiru jafu dak li kien qed jagħmel. Hu żied jgħid li meta seħħ ir-rejd tal-Marsa, hu kien l-ewwel persuna li daħlet fit-tinda tal-patata.


10:30 Dr Camilleri staqsiet jekk mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienx ħareġ li Fenech u Schembri kienu ħbieb.

“Melvin Theuma kien isemmi lil Yorgen Fenech,” qal Arnaud fil-Qorti. Qal li isem Keith Schembri ħareġ għall-ewwel darba wara li beda jinvestiga lil Fenech.

“Minħabba li kien hemm każ ta’ ħasil tal-flus ġie deċiż li jiġi arrestat Theuma,” qal Arnaud. Hu sostna li minkejja li hu kien mgħarraf bir-rekordings, huma ma kinux jafu jekk kienx se jirnexxielhom isibuhom. Hu żied jgħid li l-Economic Crimes Unit kienet intervjeniet u wettqet l-arrest ta’ Theuma.


10:21 Camilleri staqsiet jekk il-mowbajl ta’ Theuma kienx ġie tapped f’dan il-perjodu. Arnaus qal li Theuma kellu żewġ mowbajls, wieħed personali u ieħor li kien juża’ għal affarijiet illegali. Hu spjega li ma kienx involut fl-interċettar tat-telefonati. Qal li lejn nofs l-2018, it-tim investigattiv fehem li Theuma kien qed jirrekordja l-konverżazzjonijiet li kellu ma’ Fenech. “Il-każ kien iddominat minn dawn ir-rekordings,” qal Arnaud.

Dr Camilleri staqsiet jekk dan kienx ġie diskuss ma’ Schembri. Hu wieġeb jgħid ‘le’. Qal li ċempillu sabiex jorganizza laqgħa biex jaġġorna lill-Prim Minsitru dwar l-iżviluppi. Sostna li hu ma kienx se jċempel lill-Prim Ministru hu stess.

Arnaud spejga li waqt il-briefings huma ma kinux jiddiksutu l-pjanijiet għall-investigazzjoni. L-eżistenza tar-rekordings kienet ħarġet f’Settembru tal-2018.

“Jiena qatt ma kont preżenti għal-laqgħat tas-Servizzi Sigrieti,” qal Arnaud.


10:14 Silvio Valletta kien ta n-numru tal-mowbajl ta’ Schembri lil Arnaud. Dr Camilleri staqsiet dwar il-mod kif Arnaud kien jikkomunika ma’ Schembri. Arnaud qal kien hemm ftit telefonati imma aktar tard bdew jużaw WhatsApp. “Qatt ma użajt Signal,” qal Arnaud fil-Qorti. Mistoqsi dwar jekk żammx il-messaġġi, Arnaud qal li hu jħassar il-messaġġi u li kien anke biddel il-mobile tiegħu. Arnaud sostna li hu juża’ WhatsApp ta’ kuljum.

“Sa Mejju tal-2018, qatt ma ċempiltu u lanqas ma kont norganizza laqgħat miegħu. Kont nitlob lis-superjuri tiegħi jagħmlu dan,” qal Arnaud fil-Qorti.

Qal li seħħew numru ta’ laqgħat f’the Hague fin-Netherlands, f’Malta u xi postijiet oħrajn sabiex tiġi deċiża t-triq ‘il quddiem.

Arnaud spjega li mill-irwol ta’ Theuma hu kien fehem li Fenech seta’ kellu x’jaqsam, imma huma ma kienux ċerti 100%. “Theuma kien dejjem isemmi lil Yorgen u lil Yorgen biss,” qal Arnaud fil-Qorti. Hu qal li din l-informazzjoni ġiet mill-investigazzjonijiet u s-smigħ tat-telefonati. Arnaud qal li Theuma kien tkellem ma’ żewġ persuni oħrajn.


10:12 Il-Qorti ordnat li ma jiġux ippubblikati d-dettalji tat-talba għall-maħfra presidenzjali ta’ Vincent Muscat.


10:04 Arnaud spjega li sar briefing ieħor fis-Servizzi Sigrieti ta’ Malta. Dan wara li ġie pressat biex jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar id-data tal-arresti. Mistoqsi dwar min kien hemm preżenti dakinhar, Arnaud qal li kien hemm numru kbir ta’ nies fosthom membri tal-Korp tal-Pulizija, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Hu qal li meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar ir-rejd la l-Prim Ministru u lanqas Keith Schembri ma kienu preżenti.

Dr Camilleri staqsiet lil Arnaud jekk hu għaddiex informazzjoni lil Keith Schembri.

Arnad qal, “Le. Mort Kastilja għall-ewwel darba f’ħajti għall-ewwel laqgħa. Keith Schembri kien hemm imma lanqas biss kellimtu. Dawn il-laqgħat ma kinux organizzati minni, imma minn Silvio Valletta.”

Arnaud spjega li hu beda jitkellem ma’ Schembri meta l-Qorti ordnat it-tneħħija ta’ Valletta.

“Meta Vincent Muscat beda jikxef id-dettalji, Valletta organizza l-laqgħa,” qal Arnaud.


09:59 Arnaud qal li għall-ewwel briefing, huma ma kellhomx data għal meta kienu se jseħħu l-arresti. Hu qal li għal dan l-ewwel briefing kien hemm preżenti hu, Silvio Valletta, il-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u ma kienx ċert jekk preżenti kienx hemm ukoll l-Avukat Ġenerali. Kompla jgħid li din kienet l-ewwel darba li ra lil Schembri f’ħajtu. Qal li kien hemm ukoll xi Ministru imma mhux ċert.

Hu qal li qabel l-ewwel arresti saru żewġ briefings.


09:53 L-Ispettur Keith Arnaud jitla’ fuq il-pedina tax-xhieda. Arnaud qal lill-Qorti li hu ġie appuntant il-każ dakinhar li Caruana Galizia ġiet assassinata. Hu spjega kif kien imqassam it-tim investigattiv.

L-avukat Marion Camilleri staqsiet lil Arnaud kemm il-persuna ġiet arrestata b’mod effettiv b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Hu qal li apparti Fenech, hemm tliet irġiel oħrajn arrestati.

Arnaud spjega li kien hemm drabi meta jkun qed jinvestiga assassinji jew attentati ta’ assassinji oħrajn. Hu qal li beda jaħdem fuq dawn l-investigazzjonijiet f’Jannar tal-2018. Dawn jinkludu l-assassinju ta’ Lassana Cisse f’April tal-2019 li ħa tliet xhur. Id-delitti doppji ta’ Ħal Għaxaq u l-Għargħur. Hu mbagħad jirritorna jaħdem fuq l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Arnaud spjega li hu kien jiġi aġġornat bl-andament tal-investigazzjoni meta jirritorna.

Arnaud qal li l-briefings f’Kastilja ma kinux daqshekk frekwenti. Qal li l-ewwel briefing li Arnaud attenda għalih kien sar f’Novembru tal-2017, ftit qabel ma saru l-arresti. Arnaud irrimarka li din kienet l-ewwel darba li hu daħal f’Kastilja u ltaqa’ mal-Prim Ministru.


09:49 Fenech ġie mistoqsi dwar x’kienet l-informazzjoni li waslet għandu bejn l-2018 y l-bidu ta’ din is-sena. Hu wieġeb li ma rċeviex ħafna informazzjoni. Dr Buttiġeġ staqsietu ‘li kieku jkolli ngħidlek li din l-informazzjoni ħarġet minn briefings?’ Fenech irrisponda li hu qatt ma kien preżenti għal-laqgħat bejn Schembri u Arnaud, u allura, ma setax jikkonferma jekk Schmebri kienx qed jigdeb.

Hu ġie mistoqsi dwar il-ħbiberija tiegħu ma’ Schembri u jekk meta huma kienu flimkien, Schembri kienx irċieva xi messaġġi minn Arnaud. Fenech wieġeb “iva”. Qal li ġieli Schembri kien jgħidlu “ara, irċevejt messaġġ mingħand Arnaud.” Mistoqsi dwar il-kontenut tal-messaġġi, Fenech qal li ma jafx. Hawnhekk Dr Buttiġieġ issuġġeriet li Arnaud kien bagħat messaġġ lil Schembri biex jorganizza briefing.


09:43 Dr Buttigieg staqsiet dwar l-inċident meta hu kien ingħata l-police bail. “Inti kont għidtilna li Arnaud kien semma lil Keith Schembri,” qalet Buttigieg. Fenech wieġeb li hu kien semma lil Schembri u Arnaud qallu ‘iva’. Fenech stedinhom jaraw ir-rekordings.

Mistoqsi dwar liem dettalji ingħataw minn Schembri, Fenech qal li hu kien jinżamm infurmat dwar il-progress tal-investigazzjoni. “Per eżempju dak li Vincent Muscat kien qed jgħid lil Arnaud,” kompla jgħid Fenech.

“Hu qalli li wara li Muscat tkellem ma’ Arnaud, il-pulizija bdiet issegwi lil Melvin Theuma iktar mill-qrib u li kienu jħarsu lejn il-finanzi tiegħu. Qalli li kien se jsir rejd fuq Theuma b’rabta ma’ kriminalitajiet finanzjarji,” Fenech qal fil-Qorti.


09:39 Yorgen Fenech jibda jixhed f’kontro-eżami mill-avukat Victoria Buttigieg. Hi rreferietu għax-xhieda li kien diġà ta u staqsietu numru ta’ mistoqsijiet.

“Hu kien jgħidli li qallu Arnaud, imma ma kienx jgħidli minn fejn sar jaf,” qal Fenech.

“U jekk ngħidlek li sar jaf mill-briefings f’Kastilja,” qalet Buttigieg, filwaqt li Fenech ikkonċeda li seta’ kien il-każ.

Fenech qal li f’każ ta’ allegazzjonijiet li wieħed jissemma t-telefonati, ikun hemm bżonn warrant. Hu ġie mistoqsi dwar allegazzjonijiet fil-konfront ta’ mart Arnaud. Fenech qal li ma jistax jiftakar il-kliem eżatt li ntqalu imma li jaf li qal “irranġajtlu job għall-mara”.


09:37 Rappreżentant tal-JobsPlus jinsab fuq il-pedina tax-xhieda. L-avukat Marion Camilleri staqsiet lix-xhud jekk iridx jeżebixxi xi dokumenti fil-Qorti. Ir-rappreżentant intalab jippreżenta fil-Qorti d-dokumenti dwar l-impjieg ta’ persuna li l-isem tagħha qed jiġi protett mill-Qorti.


09:33 L-Imħallef Lawrence Mintoff jitħlof fl-awla. Hu ordna l-arrest tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri hekk kif dan ma tfaċċax fil-Qorti.

09:29 Yorgen Fenech li huwa suspetta bl-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia jiddaħħal fil-Qorti taħt sigurtà stretta. L-avukati ta’ Fenech u dawk li qed jirrappreżentaw l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali diġà kienu ħadu posthom fl-awla.


09:25 Newsbook.com.mt qed jirrapporta LIVE minn Awla 19.

Illum qed tkompli tinstema’ x-xhieda fil-każ kostituzzjonali li Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj fetaħ kontra l-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta tal-lum mistenni jixhed l-Ispettur Arnaud kif ukoll is-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma u rappreżentant ta’ JobsPlus.

Fl-aħħar sessjoni fil-Qorti, li saret fl-10 ta’ Diċembru, il-Qorti widdbet lill-avukati ta’ Yorgen Fenech dwar ħela ta’ ħin minħabba li l-unika xhieda li ressqu dakinhar kien rappreżentant ta’ Jobsplus li ppreżenta dokumenti dwar mara li isimha ma jistax jixxandar.

F’seduti li saru qabel, Fenech li qed jaffaċċa akkużi li ffinanzja l-assassinju, qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien jgħaddilu informazzjoni li tasallu mingħand Arnaud.

Fenech qal li Arnaud huwa viċin ħafna ta’ Schembri u ma jistax jinvestiga dan il-każ. Saħaq li Schembri żammu infurmat bil-progress tal-investigazzjoni inkluż li l-Pulizija kienet qed issegwih.

Fl-ewwel seduta, Fenech qal li Keith Schembri kitiblu x’għandu jgħid lill-Pulizija.

Filmat u ritratti: Miguela Xuereb