Il-Kummissarju jgħid li ma semax ir-rekordings kollha ta’ Theuma

Read in English.

Dalgħodu hemm seduta oħra fil-każ kostituzzjonali li fetaħ is-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech kontra l-Ispettur Keith Arnaud. Arnaud qed imexxi l-investigazzjonijiet fl-assassinju.

F’din is-seduta ħareġ li:

  • Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jgħid li kien minn tal-ewwel fuq il-post fil-Bidnija
  • Huwa jikkonferma li Keith Schembri kien preżenti għall-briefings dwar il-każ f’Kastilja
  • Il-Kummissarju Cutajar jgħid li ma semax ir-rekordings kollha ta’ Melvin Theuma
  • Il-Kummissarju kkonferma li isem Keith Schembri deher għall-ewwel darba meta l-Pulizija kellmu lil Yorgen Fenech
  • L-Ispettur Keith Arnaud jikkonferma li l-Pulizija ma talbux l-assistenza tal-FBI
  • Arnaud qal li kien għamel laqgħa mat-Times of Malta biex jikkonvinċihom ma jippubblikawx storja li stegħet tipperikola l-investigazzjoni.
11:55 L-Imħallef Mintoff ta ġimgħa ċans lill-partijiet biex jindikaw lil min kienu se jtellgħu bħala xhieda.

Is-seduta ġiet aġġornata għall-11 ta' Frar fid-9am.
Beppe Galea
11:49 L-Imħallef Mintoff ġab kopja tal-istqarrija tal-Ambaxxata Amerikana li kienet ġiet ippubblikata fis-16 ta' Ottubru 2019 u staqsa jekk il-Pulizija talbitx l-assistenza tal-Ambaxxata biex jinstab il-mowbajl ta' Schembri.

"Eh…Naf dwar din l-istqarrija imma l-kwistjoni tal-mowbajl ta' Schembri kienet għadha ma seħħitx dakinhar", Arnaud wieġeb.

L-Imħallef jgħid, "Imma offerta mill-FBI tibqa dejjem offerta mill-FBI".

"Il-kwistjoni tal-mowbajl mitluf qed tiġi investigata ma' kumpanija lokali tal-mowbajls u oħrajn. Imma aħna għidna le, sostna Arnaud.

Arnaud kompla jgħid li "l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fuq il-qtil, il-leaks, ix-xogħol fantażma…".

Arnaud stqarr li "sa issa, għadna ma ħadnix l-offerta tal-Ambaxxata Amerikana".

"Inkun korrett jekk ngħid li intom ma eskludejtux din l-offerta?"

Arnaud wieġeb u qal "iva u żgur".
Beppe Galea
11:44 L-Ispettur Arnaud qal li huwa dejjem tkellem ma' Fenech fil-preżenza tal-Avukati tiegħu ħlief għal żewġ okkażjonijiet meta ltaqa' ma' Fenech fil-lock-up.

"Aħna dejjem investigajna l-informazzjoni li Fenech kien għaddielna b'mod informali u min-naħa tagħna dejjem żammejnih infurmat", Arnaud qal filwaqt li żied jgħid li l-investigazzjonijiet dejjem saru bħala tim.

"L-ebda isem ma kien issemma fil-lock-up. L-unika darba li l-isem ta' Schembri kien issemma kien waqt li staqsejnih informalment quddiem l-avukati tiegħu.

"It-tieni darba li tkellimt ma' Fenech kien meta hu kien tielaq mil-lock-up u kien sejjer id-dar. Kont għidtlu li se ninvestigaw dak kollu li kien qalilhom."
Beppe Galea
11:40 Dr Buttigieg staqsiet dwar id-dati tal-arresti li jissemmew fir-recordings u fil-leaks.

Arnaud spjega li Spetturi mid-diviżjoni tal-kriminalità ekonomika kienu qed jinvestigaw il-leaks u x-xogħol fantażma.
"Kont tajthom kompja tax-xogħol li konna għamilna".

"Sa fejn naf jien, l-investigazzjoni dwar leaks għadha mhux lesta. Iżda mhux aħna qed ninvestigawhom."

"Qabel Ottubru li għadda konna għamilna i żewġ laqgħat mal-familja ta' Caruana Galizia dwar il-proċeduri dwar it-tliet akkużati bit-twettieq tal-assassinju." Huwa żied jgħid li ta aġġornament lill-familja wara s-16 ta' Ottubru 2019.

"Niftakar lil Matthew jirrimarka u kont kuntent li rrimarka minħabba li kienet dwar l-investigazzjoni li konna qed nagħmlu."

L-Avukat tal-Istat tistaqsi lil Arnaud jekk il-familja qattx gergret kontra l-investigazzjoni.

Arnaud jwieġeb: Meta konna arrestajnihom, Dr Peter Grech…skużawni Dr Peter Caruana Galizia kien faħħar il-ħidma tagħna."
Beppe Galea
11:36 L-Imħallef iwaqqaf is-seduta għal ftit ħin.
– Se nkomplu naġġornawkom LIVE dalwaqt.
Beppe Galea
11:11 L-Imħallef Mintoff staqsa dwar il-laqgħat li saru fl-Uffiċċju tal-PM f'Ottubru 2019. Arnaud qal li kien għamel laqgħa mat-Times of Malta biex jikkonvinċihom ma jippubblikawx storja li stegħet tipperikola l-investigazzjoni.

"Vincent Muscat qatt ma semma lil Yorgen Fenech", Arnaud qal lill-Qorti, "allura konna ffukajna fuq Melvin Theuma li kien is-suspettat ewlieni dak iż-żmien". L-eżistenza tar-recordings ħarġet mit-tapping tal-mowbajl ta' Theuma.

"Naħseb Yorgen Fenech kien issemma fil-laqgħat (briefings) fl-OPM, imma aħna ma konnix nafu l-kontenut tar-recordings allura ma konnix nafu l-involviment tiegħu", spjega Arnaud.

L-Imħallef Mintoff staqsa jekk kienx hemm aktar briefings fl-OPM wara li ġie ppubblikat l-artiklu.

"Iva, aġġornajna lill-Maġistrat ukoll. L-istorja tat-Times ħarġet wara li kkuntattjajna lill-Europol bil-pjan tagħhom li jieħdu r-rotta tal-ħasil tal-flus. Ikkuntattjajna l-gazzetta u għidnielhom li se jipperikolaw l-investigazzjoni", Arnaud qal.
Beppe Galea
11:00 L-Avukat tal-Istat staqsiet lil Arnaud dwar l-interrgazzjoni li saret mat-tabib Adrian Vella.

Arnaud spjega li Dr Vella qalilhom li huwa għadd ittra waħda biss lil Fenech waqt li kien bil-Police Bail u ċaħad li għadda ittra qabel l-arrest.

Fenech jidher iqum għal diversi drabi biex jitkellem mal-avukati tiegħu. Jinstema' wkoll jgħid Le f'diversi ħinijiet waqt ix-xhieda ta' Arnaud.

L-ispettur qal lill-Qorti li Fenech ingħata l-evidenza li kienu ġabru kontrih u tħalla jisma' recording wieħed. Arnaud stqarr li kienu qed jiġru wara l-ħin.
Beppe Galea
10:56 Arnaud qal li wara li Theuma ngħata l-maħfra Presidenzjali, l-verżjoni ta' Fenech inbidlet u ħarġet informazzjoni ġdida. Qal iżda li mill-investigazzjonijiet tagħhom ma setgħux isibu provi li jikkonfermaw dak li kien qed jgħid Fenech.
Beppe Galea
10:41 L-Investigatur ewlieni spjega li semmgħu r-recordings lil Fenech, bl-avukat ta' Fenech jiġbed l-attenzjoni li kien hemm "recording".

Fenech jidher qed ikellem lill-avukat tiegħu.

Arnaud qal li waqt l-arrest, huma staqsew lil Fenech dwar l-ittra ta' Theuma u Keith Schembri. L-avukat ta' Fenech jerġa' jwaqqaf lil Arnaud u jgħid hekk: "Le, żgur li mhux f'dik il-ġurnata".

L-Ispettur qal li jista' jkun li kienet fil-ġurnata ta' wara iżda skontu "żgur li qabel ma' Theuma ngħata l-maħfra Presidenzjali".

Arnaud qal li meta deher għall-ewwel darba isem Keith Schembri huma investigawh skont ma' qalilhom Melvin Theuma. L-Ispettur instema' ftit anzjuż waqt li qal li lil Theuma l-Pulizija staqsew diversi mistoqsijiet dwar Schembri. Huwa enfasizza li dawn is-sessjonijiet ma' Theuma kienu rrekordjati.

"Ma stajnix narrestawh (lil Schembri) malli sibna r-ritratt. Imma staqsejna l-mistoqsijiet lil Theuma. Komplejna nistaqsu lil Theuma dwar Schembri. Jien ma nistax narresta persuna u ma nkunx naf fuq xhiex se nkellimha."

Arnaud qal lill-Qorti li Fenech ikkorrabora dak li qal Theuma fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni.
Beppe Galea
10:37 L-Ispettur Arnaud jgħid li t-tim investigattiv ma kienx jaf x'fihom ir-recordings. Arnaud ġie mistoqsi dwar jekk il-Maġistrat Inkwirenti semax ir-recordings, b'Arnaud jiċħad.

Huwa spjega li minflok, huma semmgħu r-rekordings fil-preżenza ta' Theuma filwaqt li Theuma ntalab jispjega pass pass x'kien ried ifisser b'dak li qal fir-recordings.
Arnaud qal li dan il-proċess beda madwar it-18 ta' Novembru u baqa' għaddej sakemm ingħata l-maħfra Presidenzjali.
Beppe Galea
10:31 L-Ispettur Arnaud jgħid li kien hemm għadd ta' possibilitajiet li l-investigaturi setgħu jieħdu.

Qal iżda li imbagħad kienu qed joqorbu biex jaslu għall-każ ta' Melvin Theuma. Arnaud spjega li kien hemm ħafna diskussjonijiet dwar id-diversi xhieda ġuramentata li setħgu saru. Huwa spjega aktar dwar dak li seta' jiġu "li kieku" u l-possibilitajiet li setgħu joffru.
Beppe Galea
10:24 Arnaud jiġi riferut għall-istqarrija tal-Ambaxxata Amerikana dwar l-offerta tal-Gvern Amerikan li jgħin fl-investigazzjoni.

L-Imħallef jgħid lil Arnaud li l-istqarrija kienet riċenti. Huwa jwieġeb billi jgħid li ma kienx jaf b'din l-istqarrija riċenti u stqarr li kien qed jixhed fuq xi ħaġa differenti.

L-Imħallef iwieġbu u jgħidlu hekk: "L-istqarrija kienet kullimkien. Il-PDF kien fuq Twitter. Għandek bżonn li taraha minħabba li tikkonċerna l-investigazzjoni".
Beppe Galea
10:18 Jibda jixhed l-Ispettur Keith Arnaud.
Għall-mistoqsija tal-Avukat tal-Istat, huwa qal li l-investigazzjoni kienet immexxija minn tim.
Beppe Galea
10:16 L-Avukat Camilleri staqsiet dwar il-Board tal-Għażla bir-rappreżentanta tipproduċi l-kompożizzjoni tal-Bord.
Beppe Galea
10:11 Tixhed rappreżentanta ta' Infrastructure Malta.

Hija tispjega kif ġiet stabbilita din l-aġenzija tal-Gvern u kif jiġu ngaġġati l-impjegati.

Hija qalet li l-proċess għal post speċifiku tħalla f'idejn JobsPlus. Qalet li taħt l-ewwel parti kien hemm 7 persuni eleġibbli iżda ħadd ma applika filwaqt li taħt it-tielet parti żewġ persuni applikaw.

Hija qalet li ż-żewġ kandidati kellhom interview u wieħed minnhom ġie impjegat.
Beppe Galea
10:09 L-Avukat Caruana Curran jistaqsi jekk fl-istess dokument hemmx miktub il-ħinijiet li l-Ispettur Keith Arnaud mar iżur lil Fenech fil-lock-up.

"Ma nistax ngħidlek b'mod speċifiku, imma hemm ir-rimarki kollha", sostna l-Pulizija.
Beppe Galea
10:04 Jixhed is-Surġent li huwa stazzjonat fil-lock-up.

Huwa ġab kopja tad-dokument li juri meta Fenech kien qed jinżamm taħt arrest fil-lock-up.

L-uffiċjal tal-Pulizija qed jgħid il-ħinijiet ta' meta Fenech daħal u ħareġ mil-lock-up. Dawn mhumiex il-ħinijiet tal-arresti.

20 ta' Novembru 9.30pm – 21 ta' Novembru 8.30pm
22 ta' Novembru 4.05pm – 23 ta' Novembru 10.20
24 ta' Novembru 4.05pm – 26 ta' Novembru 3.07pm
27 ta' Novembru 11.05am – 29 ta' Novembru 10.52am
30 ta' Novembru 9.15am – 30 ta' Novembru 7.50pm (aktar tard tressaq il-Qorti)
Beppe Galea
09:56 Bħalissa l-avukati qed jiddiskutu jekk Melvin Theuma għandux jerġa' jixhed hekk kif l-Avukat tal-Istat qalet li x-xhieda tiegħu fil-każ kriminali se tiġi esebita fil-Qorti.

L-Imħallef qal li jekk isir hekk, id-difiża jkollha d-dritt li tagħmel kontro-eżami lil Theuma.
Beppe Galea
09:54 Cutajar spjega l-katina tal-kmand wara mistoqsija ta' Caruana Curran.

"Jiena ħassejt li l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurth Zahra kellhom jitkellmu mal-Assistent Kummissarju Mallia meta Valletta tneħħa," spjega Cutajar.
Nicole Borg
09:52 Cutajar ġie referut għall allegat rekording fejn is-sensar tal-assassinju, Melvin Theuma, jsemmi lil Kenneth minn Kastilja.

Hu qal li dan kien każ differenti għax it-tfittxijiet u l-arresti kienu diġà saru.
Nicole Borg
09:49 Dr Caruana Curran qal li minn meta sar l-arrest ta' Theuma sakemm ġie arrestat Fenech, il-briefings fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqgħu jsiru. Hu staqsa lil Cutajar jekk Schembri kienx infurmah li kien ħbieb mas-suspettat bl-assassinju.

"Le, le, le," wieġeb Cutajar. Hu spjega li l-laqgħat qabel l-2019 kienu jikkonċernaw it-talba ta' Muscat għall-maħfra presidenzjali. Qal li l-laqgħat l-oħrajn kienu jikkonċernaw il-Europol.

Cutajar qal fil-Qorti li hu ma daħalx fit-tapping tal-mowbajl ta' Fenech. Qal li din setgħet issemmiet waqt xi laqgħa tat-task force, imma hu ma daħalx fiha.
Nicole Borg
09:45 Il-Kummissarju tal-Pulizija Cutajar ġie mistoqsi dwar il-briefings tal-OPM. Hu ġie mistoqsi dwar meta isem Keith Schembri tfaċċa fl-investigazzjonijiet.

"Meta tkellimna direttament ma' Fenech," Cutajar qal fil-Qorti.

Dr Caruana Curran irreferieh għat-tapes ta' Melvin Theuma. Hu staqsieh għaliex Schembri ma ġiex investigat mill-ewwel, meta Theuma ġie arrestat qabel Fenech.

"Jekk niftakar sew, kienet waħda mit-telefonati li fiha nstema' l-kliem… 'għid lil sieħbek jgħinna'.." qal Cutajar fil-Qorti. Hu kompla billi jgħid li hu ma semax ir-rekordings kollha imma dawn instemgħu mill-investigaturi.

"L-investigaturi qatt ma qaluli li Schembri kien persuna ta' interess fl-investigazzjoni," qal Cutajar.
Nicole Borg
09:43 L-avukat Camilleri rrepetiet li hi ma kinitx qed tistaqsi dwar l-investigazzjoni fl-assassinju, imma min investiga l-informazzjoni li ħarġet fil-Qorti dwar il-leaks.

Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-informazzjoni ħarġet waqt interrogazzjoni li tmexxiet mill-ispettur Kurt Zahra.

Dr Camilleri staqsiet jekk Zahra kienx waħdu u jekk saritx investigazzjoni.

L-Imħallef Mintoff intervjena u staqsa "tista' tikkonferma iva jew le?"

Cutajar wieġeb: "le, ma nistax".
Nicole Borg
09:40 Il-Kummissarju kompla jirrepeti l-kliem 'ma rriżultalna xejn.'

Dr Camilleri rreferiet għax-xhieda ta' Fenech fejn qal li rċieva informazzjoni dwar l-investigazzjoni minn Keith Schembri liema informazzjoni qal li kienet ġejja mingħand Arnaud. Hi staqsiet jekk din l-allegazzjoni ġietx investigata.

Cutajar qal li l-Ispettur Keith Arnaud u l-Ispettur Keith Zahra investigaw il-leaks. "Il-maġġoranza tal-investigazzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Kurt Zahra sa fejn naf jiena," qal Cutajar.
Nicole Borg
09:37 Cutajar jixhed taħt kontro-eżami.

L-avukat Marion Camilleri qabżet mill-ewwel għall-punt u staqsiet dwar jekk hu kienx mgħarraf bil-leaks li kienu qed isiru lill-midja u terzi persuni.

"Waqt l-investigazzjoni, konna konxji tagħhom, imma ma stajniex insibu minn fejn kienu qed joħorġu," wieġeb Cutajar.

"Allura rriżulta fin-negattiv?" staqsiet Dr Camilleri b'referenza għal dikjarazzjoni ta' Arnaud meta qal lill-Qorti li kien qed jibża' għal ħajtu.

"Investigajna l-leaks, imma rriżulta fin-negattiv. Ħeq…ma wasalna mkien," qal Cutajar fil-Qorti.
Nicole Borg
09:34 Il-Kummissarju tal-Pulizija spjega li involva lill-Economic Crimes Unit sabiex jekk ma tinstab l-ebda evidenza relatata mal-assassinju, il-każ ikun jista' jipproċedi dwar ħasil tal-flus.

"Aktar tard ħareġ li kelli raġun għaliex nieħu din id-deċiżjoni," qal Cutajar. Hu żied jgħid li kien qed isofri l-konsegwenzi ta' deċiżjoni tat-tip.

Cutajar spjega li d-deċiżjonijiet kienu jittieħdu mit-task force immexxija mill-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, sakemm il-Qorti ddeċidiet li hu jitneħħa.

"Jien kont iddeċidejt li ngħin fl-investigazzjoni, speċjalment fejn tidħol il-loġistika," qal Cutajar.

"L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin," temm jgħid Cutajar.
Nicole Borg
09:32 "F'April tal-2019, kien hemm ftit dilemma, jekk isirux l-arresti u t-tfittxijiet dak iż-żmien, jew inkella nkomplu nistennew ftit oħra. Il-biża' kien li meta niġu għall-arrest ma nsibu xejn. Nista' ngħid li jiena erfajt ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni li fiċ-ċirkustanzi taż-żmien ma jsirux tfittxijiet u arresti qabel ma jkun hemm pjan," qal Cutajar.
Nicole Borg
09:29 "Jiena kont preżenti fil-briefings tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F'dan il-briefings kien hemm preżenti l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Avukat Ġenerali," qal Cutajar. Hu żied jgħid li ġieli kien ikun hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-ġustizzja Owen Bonnici.

"Dawn il-laqgħat kienu l-aktar dwar it-talbiet għall-maħfra presidenzjali ta' Vincent Muscat," Cutajar qal fil-Qorti.

Hu spjega li ġieli Arnaud kien ikun preżenti.

Żied jgħid li wara xi żmien, il-Prim Ministru kien infurmahom li kien ingħata l-parir biex ma jagħtix maħfra presidenzjali lil Muscat.

F'Diċembru tal-2018, il-Pulizija infurmat lill-Europol li t-talba għall-maħfra presidenzjali ta' Muscat ġiet irrifjutata.
Nicole Borg
09:26 Il-Kummissarju tal-Pulizija jitla' fuq il-pedina tax-xhieda. Hu ntalab jitkellem dwar il-każ tal-assassinju.

Cutajar spjega li l-ewwel li waslu fuq il-post kienu l-RIU, jew il-pulizija tad-distrett magħrufin bħala 'field officers'.

Hu spjega li meta jkun hemm każ kbir, ikun hemm tim ta' investigaturi mill-Iskwadra dwar l-omiċidji. Fil-każ tal-assassinju ta' Caruana Galizia qal li kien hemm l-involviment tal-FBI u l-esperti forensiċi min-Netherlands.

Hu spjega li fil-każ tal-assassinju ta' Caruana Galizia, hu kien l-ewwel wieħed li wasal fuq il-post.

Dak iż-żmien, kien qed jieħu ħsieb l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-Supretendent Michael Mallia kien qed jitkellem mal-Europol.
Nicole Borg
09:25 Min-naħa tagħha, l-Avukat tal-Istat Buttigieg infurmat lill-Qorti li llum se jkun qed jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija.
Nicole Borg
09:23 L-avukat Marion Camilleri qalet li min-naħa tal-klijent tagħha ma hemmx aktar evidenza x'titressaq fil-Qorti.
Nicole Borg
09:22 Is-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, jidħol fl-awla.

Jidħol fl-awla wkoll l-Imħallef Lawrence Mintoff.
Nicole Borg
09:19 Newsbook.com.mt jinsab jirrapporta LIVE minn Awla 19. Preżenti fl-awla hawn l-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran u l-avukat tal-Istat, Victoria Buttigieg.

L-Ispettur Keith Arnaud u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jinsabu preżenti fl-awla wkoll.
Nicole Borg

Fenech fetaħ din il-kawża sabiex jipprova jneħħi lil Arnaud minn dan l-irwol fit-tmexxija tal-investigazzjoni. Fi proċedimenti kriminali separati, Fenech qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista.

Il-każ qed jinstema mill-Imħallef Lawrence Mintoff. L-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Fenech.