Filmati: ‘Funeral’ tal-Lifeline quddiem il-Qorti

Il-Kaptan Claus-Peter Reisch wara sedutaAktar dettalji: http://bit.ly/2w76rbi

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, August 23, 2018

Il-Qorti tiskuża ruħha li nġab għalxejn illum.

Dalgħodu attivisti mill-għaqdiet non-governattivi Sea-Watch, Sea-Eye u Lifeline waslu l-Qorti flimkien mal-Kaptan Claus Peter Reisch b’funeral simboliku. Il-Kaptan qed jaffaċja akkużi li meta salva daqs 235 ħajja fil-baħar Mediterran, għamel dan mingħajr ir-reġistrazzjoni meħtieġa biex juża l-bastiment tiegħu b’dan il mod. 

Il-“kortew” funebri beda minn quddiem Kastilja. Mal-wasla tagħhom quddiem il-qorti poġġew tebut bil-bandiera tal-Unjoni Ewropea quddiem il-Qorti.

Il-Qorti ġiet infurmata li ntbgħatu ittri rogatorji lill-Awtoritajiet Olandiżi iżda dawn intbgħatu lura għax ma kienux fuq il-format mixtieq mill-Awtoritajiet. L-avukat tad-difiża Cedric Mifsud qal li l-Avukat Ġenerali kellu jkun infurmat dwar il-format użat mill-Awtoritajiet Olandiżi u jibgħathom b’mod korrett. B’kawża ta’ dan l-iżball, il-kaptan ġie Malta għalxejn, għax il-każ se jkollu jitkompla nhar il-11 ta’ Settembru fl-10.30

12:10 L-avukat tad-difiża Cedric Mifsud jgħid li sadanitant li l-bastiment MV Lifeline għadu maqbud f’Malta u dan qed ikun ta’ spiża għall-organizazzjoni. L-avukat Mifsud jgħid li l-Avukat Ġenerali kellu jkun infurmat dwar il-format użat mill-Awtoritajiet Olandiżi u jibgħathom b’mod korrett.

Il-każ se jkompli nhar il-11 ta’ Settembru fl-10.30.

12:04 Il-Qorti ġiet infurmata li ntbgħatu ittri rogatorji lill-Awtoritajiet Olandiżi iżda dawn intbgħatu lura għax ma kienux fuq il-format mixtieq mill-Awtoritajiet. Il-Prosekuzzjoni tgħid li l-ittra intbgħatet fuq il-format il-ġdid ilbieraħ. Il-Maġistrat jgħid li kieku l-Prosekuzzjoni infurmat il-Qorti kienet tinforma lill-Kaptan tal-Lifeline u jiddeferixxi l-kawża minflok niżel Malta għalxejn.

Stqarrija m’għand Sea-Watch u Missjoni Lifeline

L-attivisti bagħtu stqarrija fejn saħqu li l-funeral simboliku kien rappreżentazzjoni tal-mewt tad-drittijiet umani fl-Ewropa. Dan għaliex il-Kaptan qed jitressaq il-Qorti fuq akkużi li huma ddeskrivew bħala mod biex Malta tagħmel eżempju mil-Lifeline biex tiddiskoraġġi NGOs oħra ħalli jieqfu jsalvaw in-nies.

Huma saħqu li eżempju ieħor ċar ta’ dan il-ħsieb huwa l-fatt li l-bastiment Sea-Watch 3 u l-ajruplan Moonbird, ukoll intużati għal raġunijiet ta’ salvataġġ, qed jinżammu Malta mingħajr m’hemm raġunijiet legali, skont l-attivisti. Peress li Malta qed tagħmel hekk, iktar nies qed imutu fil-Mediterran.

Huma komplew jgħidu li dan il-funeral m’huwa xejn ikkumparat mal-madwar 1500 li sfaw mejta fil-Mediterran minn Jannar li għadda, s’issa.

Risposta tal-Avukat Ġenerali dwar l-ittri li ntbagħtu lill-Olanda

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali stqarr li l-ittra b’talba ntbagħtet skont il-liġi. Però, l-awtoritajiet fl-Olanda infurmaw li ittri b’talba m’għadomx jiġu aċċettati mindu nbidlet il-liġi Ewropea, biddlu l-liġi tal-Olanda. Malta immedjatament bagħtet l-ittra fil-format li suppost, skond l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Huma żiedu jgħidu li hija komuni li l-liġi tal-pajjiżi tvarja, u li l-awtoritajiet Maltin irċivew u bagħtu numru ta’ ittri b’talba li ġew onorati.