Filmat: “Tħallux lil min imexxi jibqa’ jagħmel l-iżbalji” – attivista liż-żgħażagħ

Ifakkru lil Daphne fil-Belt Valletta Aktar dettalji: https://bit.ly/2Lh2866

Posted by Newsbook.com.mt on Monday, July 16, 2018

F’għeluq id-disa’ xahar minn meta nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tfajla Maltja qrat diskors imqanqal li fih għamlet appell liż-żgħażagħ bħalha biex ikunu attivi u ma jħallux lil min imexxi jagħmel l-iżbalji.

Qalet li ħafna żgħażagħ jaħsbu li mhux qed jiġu affettwati mill-iżbalji li jagħmel il-pajjiż. Hija spjegat li minħabba f’hekk, ħafna jaħsbu li d-drittijiet tagħhom ma jiġux affettwati jekk fil-pajjiż ma jkunx hemm qasma fil-poteri bejn l-eżekuttiv, il-leġislattiv u l-ġudikatura.

L-attività saret fejn il-monument tal-Assedju l-Kbir li għal dawn l-aħħar xhur serva ta’ mafkar għal Daphne b’eluf jinġabru wara protesti li ġew organizzati u għal velji li saru kull 16 tax-xahar minn wara mewtha.

Għadd ta’ attivisti oħrajn, irħewlha għal Pjazza Kastilja fejn poġġew ritratti u messaġġi oħra mal-bieb tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja.

Il-grupp #occupyjustice ħareġ stqarrija fejn qalu li wara 9 xhur, Malta għadha ma tafx min ordna l-qtil tal-ġurnalista. Il-grupp qal li qed juri l-karta l-ħamra lil Muscat, Mizzi u Schembri għax tefgħu r-reputazzjoni ta’ Malta l-baħar.

#Occupyjustice appellat biex dawn it-tlieta jaqbżu l-barra qabel ikun tard wisq.