Filmat: Ifakkru dawk li mietu għax fittxew ħajja aħjar

Diversi organizzazzjonijiet illejla ltaqgħu fil-Port ta’ Marsamxett biex ifakkru dawk in-nies kollha li tilfu ħajjithom meta ddeċidew li jaqsmu l-Baħar Mediterran.

Fost il-mijiet preżenti kien hemm delegazzjoni mill-Partit Laburista, il-Membri Parlamentari Karol Aquilina u Godfrey Farrugia, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, kif ukoll numru ta’ membri tal-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika. Kien hemm ukoll il-Kaptan tal-Lifeline, u l-Mons. Alfred Vella, id-Delegat tal-Arċisqof fil-qasam tar-refuġjati u l-immigranti.

Dalgħodu Maria Pisani mill-Fondazzjoni Integra ddeskriviet il-baħar ta’ madwar Malta bħala qabar b’referenza għan-nies li qed jitilfu ħajjithom.

Fil-jiem li għaddew, il-Gvern Malti ħabbar li vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi bħal Lifeline mhux se jitħallew jidħlu Malta, minkejja li bastimenti bħal dawn jieħdu sehem f’40% tal-ħidmiet ta’ salvataġġ skont kif kien kwotat il-Kap tal-Frontex.

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra diversi immigranti tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran.

Is-Sibt li ġej, se ssir velja oħra fis-1pm il-Belt Valletta, quddiem il-Qorti, bl-isem Sea Bridge. F’din l-inizjattiva, l-NGOs Maltin se jingħaqdu man-netwerk SEEBRUCKE li jorganizza numru ta’ manifestazzjonijiet ta’ din ix-xorta fi Spanja u fil-Ġermanja.