Filmat: Il-PE jgħid li f’Malta kollox jgħaddi; il-Ministru jwieġeb xort’oħra

Illum fil-Parlament Ewropew kien hemm dibattitu dwar ir-rapport imħejji mill-Ewroparlamentari Ana Gomes, f'isem id-delegazzjoni ta' Ewroparlamentari mill-Kumitat PANA u l-LIBE li żaret Malta f'Diċembru li għadda.
Fid-dibattitu ħadu sehem bosta Ewroparlamentari, fosthom Gomes innifisha li fetħet u għalqitu, Sven Giegold, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, it-tliet Ewroparlamentari tad-delegazzjoni Nazzjonalista u anki Andrew Caruana Galizia.
L-ewwel ma tkellmet kienet l-Ewroparlamentari mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Ana Gomes li tkellmet dwar il-persuni esposti politikament f'Malta li baqgħu f'pożizzjonijiet għolja mal-Gvern Malti minkejja l-allegazzjonijiet li hemm kontrihom, u anki li kellhom strutturi fil-Panama biex jaħbu flushom.
Hija kienet qed tirreferi għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi.
Iżda semmiet ukoll lill-Eks-Kummissarju Ewropew, John Dalli, li għalkemm kien jifforma parti mill-partit politiku oppost għal dak Laburista, inħatar bħala konsulent għall-Prim Ministru, Joseph Muscat, minkejja li kellu jirriżenja mill-Kummissjoni Ewropea minħabba korruzzjonu u tixħim ta' flus, kif urew rappoti mill-OLAF u l-FIAU.

Tkellmet ukoll dwar l-eksuffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris, li talab biex jingħata l-istatus tal-whistleblower iżda ntalab l-ewwel biex jagħti l-informazzjoni lill-Gvern qabel tingħatalu.
Min-naħa tagħha intervjeniet ukoll Roberta Metsola, li sostnet li skontha hi tal-mistħija li l-Pulizija ta' Malta mhix tinvestiga rapporti ewlenin tal-FIAU, u rreferiet għal dik li sejħitilha "kultura ta' impunità".
Semmiet il-każ ta' meta l-kelliem tal-Prim Minsitru li kien qal li kollox qed jimxi skont ir-rubini. Metsola staqsiet kif jista' jkun li kollox fuq ir-rubini meta nqatlet ġurnalista.
Tkellem ukoll Sven Giegold mill-Grupp tal-Ħodor, li qal li mhux se joqgħod jirrepeti xi ntqal fir-rapport, iżda enfasizza bħal Gomes il-kultura ta' impunità li r-rapport tagħhom jagħti x'jifhem.
Semma l-kuntratt tal-Electrogas u l-bejgħ tal-isptarijiet lill-Vitals Global Healtchare. 
Qal li l-votanti qed jiġu influwenzati b'kuntratti pubbliċi mill-Gvern, li Nexia BT ma rrispettatx il-liġi Ewropea. Temm jgħid li dan kollu mhuwiex jiġi investigat f'Malta, u sejjaħ biex il-Kummissjoni Ewropea ssegwi dal-każi.
Żied jitlob lill-Ministru għall-Ġustizzja preżenti fil-Parlament, Owen Bonnici, biex jibagħtulhom bil-kitba xi ntqal bejn il-Gvern Malti u l-KE dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA/LIBE.
Warajh kien imissu David Casa li pprova jantiċipa x'se jgħid il-Ministru Bonnici meta jkun imissu jitkellem, u hawnhekk qal li Bonnici se jipprova jdawwar dan id-dibattitu daqs li kieku kulħadd konfoffa kontra Malta.
Temm jgħid li l-persuni politiċi li nqabdu bi strutturi fil-Panama għadhom hemmhekk, li dawk il-kumpaniji li ħolqu dawnl-istrutturi, Nexia BT, għadhom bil-liċenzja, u li l-Bank Pilatus li jintuża għall-ħsil tal-flus għadu jopera qisu xejn mhu xejn.
Intervjena wkoll Takis Hadjigeorgiou, li skontu din mhux problema ta' Malta iżda problema Ewropea.
Qal li f'Malta xejn mhux trasparenti, u tefa' dubju fil-Bank Pilatus, meta staqsa kif jista' jkun li dal-bank għandu 130 klijent biss, iżda jżomm ammonti kbar ħafna ta' flus.
Francis Zammit Dimech imbagħad irrimarka li jħossu urtat għan-nuqqas ta' importanza li ta l-Gvern Malti għar-rapport tad-delegazzjoni li ġiet Malta f'Diċembru.
"Din mhix stampa reali li qed tagħtu ta' Malta" – Bonnici
Meta tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, beda billi qal li l-Ewroparlmanetari mhumiex ipinġu stampa reali tal-pajjiż.
Semma rapport tas-Sunday Times of Malta, meta din staqsiet lin-nies għandhomx fiduċja fl-awtoritajiet, fil-Pulizija u fil-Gvern, u r-riżutati kienu pożittivi.
Għadda għar-rapport tal-Kumitat PANA/LIBE, u qal li jidhirlu li r-rapport jisħaq fuq rakkomandazzjonijiet li huma antiki.
Bonnici saħaq li r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport il-Gvern Malti diġà wettaq minnhom.
Qal li l-allegazzjonijiet prinċipali qed jiġu indirizzati mill-ġudikatura, u enfasizza li Malta hi trasparenti.
Semma l-eliminazzjoni tal-preskrizzjoni, jiġifieri li politiku jista' jiġi investigat anki snin wara li jkun irtira mix-xena politika.
Dwar l-Att għall-Ħarsien tal-Whistleblower, Bonnici qal li Gomes mnhix tifhem kif taħdem is-sistema.
Spjega li biex xi ħadd jingħata l-protezzjoni jrid l-ewwel juri x'informazzjoni jrid jipproteġi.
Qal li Ferris irid l jkollu l-protezzjoni ta' whistleblower għax għandu f'moħħu li jkun protett minn prosekuzzjoni kontrih minħabba li kiser il-liġi li tgħid li l-informazzjoni mill-FIAU ma tistax tiġi ppubblikata.
Żied jgħid li hemm regoli u prinċipji li jgħidu li ma tistax tippubblika informazzjoni li hi kunfidenzjali, u għalhekk Ferris qed jipprova juża l-protezzjoni tal-whistleblower biex jikser dal-prinċipji.
Dwar jekk l-UE tapplikax Artiklu 7 fil-konfront ta' Malta, il-Ministru qal li kemm il-PM kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni jaqblu li huwa inaċċettabbli dal-ħsieb.
Jitkellmu tnejn mit-tliet ulied ta' Daphne Caruana Galizia
Fuq talba ta' Giegold, li ta ftit mill-ħin tiegħu, intervjenew l-aħwa Andrew u Matthew Caruana Galizia.
Sostnew li t-talba tagħhom għal investigazzjoni indipendenti biex jinstab min bagħat lill-qattiela qed tibqa' f'wiċċhom fuq insistenza tal-PM.
Andrew qal li huwa importanti li dak li kitbet ommu jibqa' ħaj fl-Ewroparlamentari, u ħeġġiġhom jibqgħu għaddejjin b'xogħolhom.
Irrimarka li xogħolhom itaffi ftit mill-uġigħ li għaddejja minnu bħalissa l-familja.
Qal li dan mhuwiex każ ta' partiġġjaniżmu, anzi jħoss li ebda miż-żewġ partit mhu jirrappreżentahom.
Kompla jgħid li din iżda hija kwistjoni ta' valuri bażiċi Ewropej, liema valuri mhumiex f'Malta, u talab lill-Ewroparlamentari biex ma jħallu lil ħadd iġegħelhom jaħsbu li dal-każ mhux affarihom.
Semma l-korruzzjoni, il-kriminalità, il-ħasil ta' flus u l-bejgħ tal-passaporti, li skontu f'Malta ssibhom kullimkien.
Temm jgħid li l-inkjesti maġisterjali jispiċċaw għand il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u jispiċċa ma jsir xejn, kif skontu dejjem jiġri.
Temmet id-dibattitu mill-ġdid Ana Gomes, li rrimarkat li l-kumitat se jiltaqa' mal-Kummissarju Ewropew Timmermans, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Enfasizzat li l-Kumitat PANA/LIBE, kif kien għadu kif wera x-xewqa iben Caruana Galizia, se jkompli bil-ħidma tiegħu.