​Filmat: Iċedi ħajt tal-foss taċ-Ċittadella

Ċeda ħajt tal-foss taċ-Ċittadella.
Skont is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi jidher li waqa’ minħabba xogħolijiet fuq żvilupp li jmiss miegħu.
Fi kliem is-Sindku “dan huwa diżastruż”. Qal li jispera li d-Dipartiment tal-Artijiet u s-Sovritendenza tal-Bini Kulturali juru ż-żelu propizzju kif jafu juruħ fejn iridu u kif ma rawhx meta ħallew għaddejj tiċrit fil-ħajt biex jippermettu ftuħ fuq il-foss ta’ twieqi u bieb.”
Il-foss ingħalaq għall-pubbliku.

Lukanda boutique fi Pjazza Indipendenza, fir-Rabat Għawdex, magħrufha aħjar bħala it-Tokk, mistennija jkollha aċċess għall-foss taċ-Ċittaddella, b’żieda ta’ sular fuq il-bejt eżistenti.
B'dawn il-bidliet kienu se jinfetħu żewġ twieqi u bieb mill-ħajt tal-foss għal-lukanda.
L-Għaqda Wirt Għawdex kienet qalet li fi tmien ġranet biss, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bidlet fehmtha bfejn filli qalet li l-iżvilupp se jħalli impatt ħażin fuq il-monument storiku taċ-Ċittadella u wara qalet li ma hemmx perikli evidenti.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma' Newsbook.com.mt li ħadd ma weġġa' f'dan l-inċident.
Stqarrija tal-Ministeru għal Għawdex
Fi stqarrija, il-Ministeru għal Għawdex ikkonferma li ġġarraf parti mill-foss. Qal li b’mod immedjat ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex iż-żona milquta tingħalaq għall-pubbliku.
Il-Ministeru ħabbar li "se jittieħdu passi biex min kien responsabbli mill-ħsara li twettqet iġorr ir-responsabbiltà dovuta."
Infetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ.
Il-PA tordna li jieqaf kull tip ta' xogħol
L-Awtorità tal-Ipjjanar (PA) ordnat biex jieqaf kull tip ta’ xogħol fis-sit inkwistjoni. Appuntat lill-Perit Herman Bonnici biex jissorvelja x-xogħolijiet neċessarji biex s-sit jiġi restawrat. Il-PA se tkun qed tressaq ittra ta’ prosekuzzjoni għall-ħsarat ikkawżati lil dan is-sit ta’ Wirt Dinji.
Ritratti u filmati: Beppe Galea, PA