Filmat: “Is-saħta tinbidel f’barka” – l-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=0YU9g0oTBSA]

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna kif il-Mulej, bit-tixrid tad-demm tiegħu biddel simbolu ta’ saħta f’wieħed ta’ barka.
Dan qalu waqt l-omelija tal-Pontifikal fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù, fil-festa ta’ Korpus.
Waqt l-omelija, l-Arċisqof silet l-istorja ta’ Mosè mill-ktieb tal-Eżodu fejn it-tixrid tad-demm kien intuża bħala simbolu ta’ saħta. Madanakollu, sostna li meta fl-aħħar ċena, Ġesù wassal il-barka li ġejja mill-ħniena tiegħu fuq il-bnedmin.
Saħaq li d-demm ta’ Ġesù huwa l-ħajja, u taħt l-ispeċi tiegħu hemm Ġesù sħiħ, bħalma hemm fil-ħobż.
Fakkar ukoll fid-diskors ta’ Papa Ljun meta f’omelija kien fakkar li d-dinjità tal-bniedem ġejja mill-fatt li l-bnedmin ġew meħlusa u maħsula mid-demm ta’ Kristu.
“San Ġorġ Preca: Sabiħ li sikwit ninħaslu bid-demm ta’ Kristu fil-Qrar”
Irrefera wkoll għall-kliem ta’ San Ġorġ Preca li kien iħobb jgħid kemm hi ħaġa sabiħa li sikwit ninħaslu bid-demm ta’ Kristu fil-qrar.
Irrimarka li l-Ewkaristija hija l-qawwa ta’ Ġesù li ssalva lill-bnedmin. Spjega li jekk Ġesù kapaċi jfejjaq pesuna li messet biss mal-mantar tiegħu, aħseb u ara l-fejqan li jista’ jagħti lil dawn kollha li jirċevuh.
Temm billi talab sabiex il-Mulej isaffi lill-Knisja u s-saċerdoti bil-ġisem u d-demm tiegħu.
Filmat: Knisja f’Malta