Filmat: L-Indipendenza tfakkarna fis-solidarjetà – L-Arċisqof Scicluna

Ir-responsabbiltà li ġabet magħha l-Indipendenza biex ngħixu s-solidarjetà ma’ popli oħra, bejnietna, u ma’ dawk li ser jiġu warajna kienet it-tema li ikkaretarizzat l-omelija ta’ Mons Arċisqof Charles Scicluna fl-okkażjoni tal-festa tal-Indipendenza. Mons Arċisqof qaddes fil-Konkattidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

L-Arċisqof qal li l-poplu Malti kellu jimxi triq twila biex jikseb il-ħolma antika li pajjiżna jkun indipendenti. Huwa qal li l-Indipendenza tfisser awtonomija u sovranita ta’ stat li fl-istess ħin ikun interdipendenti ma’ stati oħra. Huwa fakkar li l-fundaturi tal-Unjoni Ewropea fehmu “li jekk kulħadd imur għal rasu, naslu biex fl aħħar mill aħħar inkissru lil xulxin”. Huwa qies li hemm bżonn li din il-ħaġa niftakruha llum għax  “ħafna popolazzjonijiet fl Ewropa u madwar id-dinja donnha tagħti aktar valur l-interess individwali u nazzjonali milli  l-interess komuni tal familja tal ġnus”.

Preżenti għall-Pontifikal kien hemm il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, bosta Ministri u Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra.

Tliet tipi ta’ solidarjetà

L-Arċisqof Scicluna tkellem dwar tliet tipi ta’ solidarjetà: bejn stati differenti; fil-politika soċjali interna tal-istat; u bejn il-ġenerazzjonijiet.

Dwar l-ewwel tip ta’ solidarjetà l-Arċisqof qal li l-Gvern Malti bir-raġun jappella għas-solidarjetà mill-istati fl-UE biex fejn tidħol l-immigrazzjoni “l-piż jitqassam, jeħfief” għax  inkella “il-kriżi fis-solidarjetà thedded il-pedament li fuqu hija mibnija l-Unjoni Ewropea, thedded ukoll lill istess soċjetà tal-ġnus.” Huwa fakkar li meta nuru solidarjetà mal-immigranti nkunu qed nuruha ma’ min qiegħed fi bżonn urġenti ta’ għajnuna għaliex qiegħed jaħrab minn ambjent kiefer u  minn destin aħrax ta’ skajvitù, u saħansitra tortura u mewt.

Solidarjetà fil-ħajja tas-soċjetà Maltija

L-Arċisqof qal li sinjal ta’ din is-solidarjetà hija l-politika soċjali li ilu jħaddan l-Istat Malti sa minn qabel l Indipendenza, Bħala eżempju ieħor ta’ din is- solidarjetà  l-Arċisqof semma il-koperazzjoni u l-għajnuna li l-Istat Malti dejjem ta lil dawk li  li jippromwovu ħidma soċjali fosthom il-Knisja, li kienet pijunira f’dawn l-oqsma,  u ma’ diversi gruppi fis-soċjetà li issa qed jagħmlu ħidma simili. Huwa semma li l-faqar ġdid li nibet fostna jitlob minna lkoll risposti ġodda ta’ solidarjetà.

Solidarjetà mal-ġenerazzjonijiet futuri

L-Arċisqof fakkar fil‑ħtieġa, li huwa iddeskriviha bħala urġenti’ ta’ solidarjetà bejn il‑ġenerazzjonijiet. Kien il‑Papa Franġisku li saħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà li tħares ukoll lejn l‑effett li d‑deċiżjonijiet tal‑ġenerazzjoni tagħna se jkollhom fuq il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet futuri li għadhom ma twildux. Bħala eżempji l-Arċisqof semma id‑deċiżjonijiet li jaffettwaw il‑patrimonju ambjentali,kulturali, storiku, arkitettoniku u arkeoloġiku għax dawn jaffettwaw il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet futuri.

Għall-omelija sħiħa għafas hawn.