Filmat: “M’għandux ikun hemm mument li niddeċiedu min jgħix u min le”

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi sostna li qatt m’għandu jkun hemm mument li fih xi bniedem jiddeċiedi min jista’ jgħix u min le.

Hu qal dan waqt l-omelija fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, waqt Quddiesa ċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Insista li l-Knisja u l-Insara huma favur il-ħajja umana u għalhekk jemmnu li l-ħajja għandha tiġi mħarsa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Qal li ma tistax toftom id-drittijiet ċivili mid-dritt tal-ħajja. “Iktar ma jkollna etika konsistenti favur il-ħajja, iktar inkunu qed nibnu soċjetà li tirrispetta l-bniedem, hu min hu, hi min hi,” qal Mons. Galea-Curmi.

“Irridu naħdmu bis-sħiħ għall-protezzjoni tal-ħajja”

L-Isqof Awżiljarju tkellem fuq diversi aspetti ta’ kif wieħed jista’ jipproteġi l-ħajja. Sostna li dawk li huma favur il-ħajja, huma favur dawk kollha li huma dgħajfa u vulnerabbli. Fosthom semma lil dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba l-mard jew xi kundizzjoni oħra. Qal li hemm min ilu snin f’qiegħ ta’ sodda u li “jitolbu attenzjoni u azzjoni li ttaffilhom it-toqol tal-ħajja u turihom bil-fatti li huma maħbuba u l-ħajja tagħhom hi għażiża.”

Semma wkoll lill-immigranti li jispiċċaw bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom kenn u ma jisparixxux taħt l-ilma għal dejjem.

Insista li persuna li hi favur il-ħajja tara li l-ġenerazzjonijiet futuri mhux biss ikunu jistgħu jitnisslu u jitwieldu, iżda jkollhom ukoll ambjent xieraq fejn jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom. Qal li hemm bżonn ħidma sħiħa għall-ħarsien tal-ħolqien, arja nadifa u li jkun għad fadal natura li tista’ titgawda fil-pajjiż.

“Il-ħarsien tal-ħajja ma jiddependix fuq it-tendenzi taż-żmien”

L-Isqof Awżiljarju rrimarka li -ħarsien tal-ħajja qatt ma għandu jiddependi mill-kunsens popolari jew mit-tendenzi taż-żmien.

“Jekk il-ħidma tagħna favur il-ħajja f’kull waqt tagħha toħroġ l-identità tagħna l-Maltin, ma jkollniex diffikultà li nibqgħu ngħożżu dan il-prinċipju wkoll jekk pajjiżi oħrajn jaħsbuha mod ieħor,” insista Mons. Galea-Curmi.

Intnat irrimarka li wieħed jitkellem favur il-ħajja mhux biżżejjed, iżda hemm bżonn li tittieħed azzjoni konkreta ta’ solidarjetà ma dawk li jsibu ruħhom f’diffikultà, bħal dawk li għandhom problema biex jaċċettaw ħajja ġdid. Hawn semma l-inizjattiva tal-Life Network Foundation li fetħet ‘Dar Tgħanniqa ta’ Omm’ li tipprovdi kenn għall-ommijiet li jeħtieġu għajnuna fit-tqala u li diġà għenet biex ikunu salvati diversi trabi waqt li l-ommijiet ikunu rċevew is-sapport meħtieġ.