Filmat: “Ma nistgħux ngħixu bħal aħwa jekk ma naħfrux lil xulxin” – L-Arċisqof

Read in English.

Il-bnedmin ma jistgħux jgħixu bħal aħwa jekk ma jaħfrux lil xulxin. Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tiegħu hu u jiċċelebra l-Quddiesa fil-festa liturġika ta’ Kristu Re, fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.

L-omelija tal-Arċisqof Scicluna kienet iddominata minn riflessjoni fuq id-dokument tal-Papa Franġisku Fratelli Tutti, jiġifieri “aħna lkoll aħwa”. Dan id-dokument kien ippubblikat fit-3 ta’ Ottubru fejn il-Papa Franġisku ħass li kellu jagħti profezija fuq il-fratellanza, biex jurina li aħna lkoll aħwa taħt l-istess missier. Irrimarka li l-Papa qed jara firdiet kbar fid-dinja, hemm nuqqas ta’ tama u kultura tal-iskart. Irrimarka kif fid-dinja tal-lum hemm bnedmin li jitqiesu ta’ inqas valur mill-oħrajn u jistgħu jiġu mormija skont kif wieħed jaqbillu.

L-Arċisqof insista li l-Papa hawn mhux qed jitkellem biss dwar l-abort. Sostna li l-ħajja mhix biss it-tnissil u l-mewt. Insista li rridu nieħdu ħsieb lil xulxin fl-intervall bejn it-tnissil u l-mewt.

Fl-omelija, l-Arċisqof irrifletta fuq kif il-Papa Franġisku sostna li l-politika hija responsabbli wkoll minn dan il-bżonn ta’ fratellanza. Qal li hemm bżonn li l-istat ikun dak li jiffaċilità l-għożża bejn il-bnedmin. Qal li l-Papa qed jippromwovi, jbierek u jinkoraġġixxi kull attentat biex ikollna solidarjetà konkreta. Irrimarka kif il-Papa semma li l-Politika tajba tikkonsisti f’ħames punti:

  • Qiegħda hemm għas-servizz tal-ġid komuni – jiġifieri ta’ kulħadd;
  • Ma tfittixx biss kif ħa tiżgura li ġġib il-voti – għax jekk il-politiku jaqa fit-tentazzjoni li jrid jogħġob lil kulħadd mhux bilfors jagħmel id-dover tiegħu;
  • Il-politika tajba tgħin lill-persuni jikbru;
  • Tippromwovi ekonomija b’risq id-diversità produttiva u l-kreattività intrapreditorjali – jiġifieri dak li jkun jitħalla jpoġġi idea tajba għall-benefiċċju tas-soċjetà; u,
  • Taħseb b’viżjoni wiesgħa u tinkludi djalogu bejn id-diversi dixxiplini – jiġifieri li tagħti servizz b’moħħ miftuħ.

L-Arċisqof sostna dan li qed jgħidilna l-Papa għandu jħajjarna biex naqbdu d-dokument u nirriflettu fuqu. Qal li l-Papa jgħid li meta wieħed jiddjaloga fl-ambjent soċjali jfisser li joqrob lejn ħaddieħor, jesprimi ruħu, iħares lejn ħaddieħor, isir jaf iktar lil ta’ madwaru u jipprova jifhem lil ta’ madwaru.

Il-Papa tkellem ukoll dwar il-mod kif il-pubbliku juża l-midja soċjali, b’mod li ħafna drabi jweġġa’ lil ta’ madwaru. Jgħid li ħafna drabi ngħaġġlu biex niskreditaw u numiljaw lil ħaddieħor. “Kemm hemm bżonn nuru iżjed rażan meta nitkellmu fuq xulxin u nikkummentaw fuq ir-realtajiet li jolqtuna. Ma nistgħux ngħixu bħal aħwa jekk ma naħfrux lil xulxin,” insista l-Arċisqof fir-riflessjoni tiegħu.

L-Arċisqof temm jgħid li fl-aħħar moment tal-ġudizzju, il-Mulej se jiġġudikana fuq l-imħabba u se jfakkarna t-tajjeb li għamilna.