Filmat: “Kont niddeċiedi differenti” – Dalli dwar il-Panama Papers

EP

17:20 Jiġi organizzat “press point” dwar is-sessjoni.

17:15 Is-sedja tagħmel il-kummenti tal-għeluq tagħha. Is-sessjoni tintemm.

17:09 Dalli titfixkel meta tgħid li diġà għandha l-fidujċa tal-MEPs, però tinduna bl-iżball u tidħak. Tgħid li meta kienet iżżur l-iskejjel bħala Ministru, kienet tosserva kif it-tfal jinteraġixxu mingħajr deskriminazzjoni.

17:06 Jintemmu l-mistoqsijiet. Dalli tibda d-diskors tal-għeluq tagħha.

17:04 Tgħid li l-ewwel żjara tagħha se tkun f’settlement tar-Roma. Dan biex tkun taf aktar kif ikun l-aħjar biex taħdem favur dan il-grupp li jaffaċċja deskriminazzjoni.

17:03 “Qed niġu ppenalizzati sempliċiment għax aħna nisa” tgħid Dalli dwar id-diskrepanzi bejn il-pagi.

16:52 “L-indipendenza finanzjarja hija importantissima. Kull mara għandha tkun tista’ tappoġġja lilha nnifisha. Meta mara tkun indipendenti b’mod finanzjarju realtajiet oħra ma jiġrux.” Issemmi eżempju ta’ relazzjoni abbużiva fejn mara tkun tista’ titlaq għax ma tiddependix fuq xi ħadd ieħor fejn jidħlu l-finanzi.

16:44 Jistaqsuha dwar it-traffikar tal-immigranti nisa għall-esplojtazzjoni fis-suq tax-xogħol. Dalli tgħid li diġà hemm direttiva u li wieħed irid jara li tiġi implimentata. “Il-protezzjoni hemm qiegħda.”

16:36 L-MEP tal-PL Alex Agius Saliba jistaqsi lil Dalli dwar id-direttiva tal-work-life balance. Dalli tgħid li l-enfażi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni.

16:20 Jistaqsu lil Dalli dwar id-deskriminazzjoni tal-Kattoliċ fl-Ewropa. Tgħid li se tkun qed taħdem favur id-direttiva ta’ kontra d-deskriminazzjoni abbażi tal-età u reliġjon fost affarijiet oħra.

16:17 Helena Dalli tgħid li t-tfal għandhom bżonn il-protezzjoni meta jkun hemm il-vjolenza. Tgħid li lesta taħdem mal-Kummissarju għat-Tfal biex il-ħidma tagħha tkun ikkombinata mal-vjolenza kontra n-nisa.

16:11 Jistaqsu lil Dalli jekk hix se tuża veto jekk ikun hemm xi proposta li tkun ostaklu għall-ugwaljanza. Dalli twieġeb “iva”. Tgħid li lesta taħdem mall-grupp tad-diżabilitajiet u li trid djalogu miftuħ mal-PE.

16:03 Jistaqsu lil Dalli dwar il-vjolenza kontra n-nisa. Dalli tgħid li 1 minn kull 3 nisa jaffaċċjaw vjolenza abbażi tal-ġeneru tagħhom. Lesta bies tiltaqa’ mal-awtoritajiet biex ikun hemm qbil dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul. “Kif tista’ ma tgħidx: Iva ejja nirratifikaw din il-konvenzjoni?” tgħid Dalli.

15:53 Jistaqsu lil Dalli kif se tipproteġi persuni b’diżabilità. Dalli tgħid li hemm strateġija għas-snin 2010-2020. Qalet li l-evalwazzjoni ta’ din l-istrateġija għandha tgħin biex tinstab it-triq ‘il quddiem.

15:44 Casa jfakkar lil Dalli dwar l-iskandlu tal-Panama Papers. Qal li kien hemm kollegi ta’ Dalli li kienu se jirċievu €5,000 kuljum. Dalli qalet li hi dejjem ħadmet favur governanza tajba u favur ir-rispett lejn il-liġijiet.

15:41 L-MEP tal-PN David Casa jistaqsi lil Dalli dwar id-Direttiva tal-Work-Life Balance li ħadem fuqha fil-leġiżlatura li għaddiet. Dalli tgħid li din hija direttiva għal qalbha ħafna. Irringrazzjat lil Casa għax xogħol li għamel f’dan il-qasam.

15:40 Jintemm l-ewwel round ta’ mistoqsijiet.

15:39 Tgħid li se taħdem mal-Kummissarju għas-Saħħa favur is-saħħa reproduttiva tan-nisa.

15:36 Dalli ssemmi l-iskema taċ-childcare b’xejn f’Malta u li minħabba f’hekk aktar nisa marru jaħdmu. Tgħid li hemm bżonn miżuri ta’ childcare li wieħed ikun jiflaħ iħallashom.

15:22 Dalli tgħid li l-gender reassignment mhix ħaġa faċli. Temmen li persuni mhux se jgħaddu minn dan il-proċess biex jikkompetu kontra n-nisa fl-isport jew biex jidħlu fuq xi bord.

15:17 Dalli tgħid li hija favur liġijiet li joffru bidla fis-sess ta’ persuna. Tgħid li tkellmet fa’ familji li għandhom tfal li huma transgender jew intersex li qalulha kemm ibatu.

15:05 Dalli tgħid li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet umani. Tgħid li jridu jintlaħqu l-miri tal-ġnus magħquda b’rabta mal-kura sesswali u reproduttiva u tal-ippjanar tal-familji.

15:01 Dalli tgħid li l-gender strategy tkun tinkludi trasparenza dwar il-pagi u l-vjolenza kontra n-nisa. Tgħid li jkun għalxejn jekk ikun hemm il-liġijiet mingħajr bidla fil-kultura.

14:59 Dalli tiddeskrivi lil Caruana Galizia bħala “ġurnalista”. Tgħid li dan kien reat brutali u li ċirkostanzi straordinarji jkollhom bżonn miżuri straordinarji. Tfakkar li ġew arrestati 3 persuni b’rabta mal-qtil. Tgħid li ma taqbilx ma’ dak li sar rigward il-Panama Papers u tgħid li kienet tagħmel l-affarijiet differenti.

14:57 L-ewwel mistoqsija hija dwar l-assassinju tal-ġurnalista assassianta Daphne Caruana Galizia. Isaqsu wkoll dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

14:57 Dalli ttemm id-diskors tagħha. Jibdew il-mistoqsijiet minn dawk preżenti.

14:54 Tagħmel referenza għall-work-life balance, għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, u l-ugwaljanza. Tgħid li ħadet sehem f’ħafna diskussjonijiet dwar l-ugwaljanza mal-Kunsill li għadhom fuq l-ixkaffa.

14:52 “Se nagħmel il-ġlieda Ewropea għall-ugwaljanza l-ġlieda tiegħi”

14:49 Dalli tibda telenka diversi statistiċi. Tgħid li 50% tal-persuni b’diżabilità m’għandhomx aċċess għal xogħol.

14:47 Dalli tgħid li dejjem ħadmet għall-benefiċċju tan-nies. Tgħid li l-bidla l-vera ssir jekk il-politiċi jkollhom il-kuraġġ li jimplimentaw il-bidliet f’kull livell.

14:44 Dalli tgħid li lesta taħdem mat-taskforce dwar l-ugwaljanza u mas-soċjetà ċivili. Mhux se tkun qed tipponta swaba.

14:43 “Dak li jgħaqqadna huwa ferm akbar minn dak li jifridna”

Filmat: EU 2019

14:42 Dalli tibda d-diskors tagħha. Tibda titkellem bil-Malti mbagħad taqlem għall-Ingliż.

Dalli mistennija tidher quddiem żewġ kumitati speċifiċi, il-kumitat li jitratta d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tal-ġeneru kif ukoll il-kumitat dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali.

S’issa żewġ kummissarji nnominati mir-Rumanija u l-Ungerija ma ġewx approvati mill-parlament ewropew. L-approvazzjoni ta’ kandidati teħtieġ zewġ terzi tal-voti.

Qabel kull smigħ, il-kandidati huma mitluba jwieġbu bil-miktub ħames mistoqsijiet dwar is-settur li ġew innominati għalih.

Il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen ħabbret li Helena Dalli mistenni tieħu f’idejha l-portafoll tal-Ugwaljanza. F’nofs Ottubru jkun jmiss lil Von der Leyen innifisha li tiffaċċja vot fil-plenarja dwar il-kummissjoni kollha.

Helena Dalli illum tidher quddiem il-parlament Ewropew