Filmat: “Ġurnata ta’ festa u sagrifiċċju” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li llum hija ġurnata ta’ festa u sagrifiċċju fejn kulħadd huwa mitlub li jibqa’ d-dar. F’Ħadd il-Għid, il-PM reġa’ għamel appell lill-pubbliku biex iġib is-saħħa tiegħu u ta’ nies oħra madwaru bħala prijorità.

Huwa qal li f’każ li l-Professur Charmaine Gauci aktar tard tħabbar li nstabu numru żgħir ta’ każijiet pożittivi, xorta waħda l-pubbliku għandu jibqa’ d-dar. Huwa fakkar kif hemm għadd ta’ persuni li m’għandhomx il-privileġġ li jieklu mal-familja għaliex għandhom sigħat ta’ xogħol twal biex jaħdmu fil-qasam tas-saħħa jew tal-forzi tal-ordni.

Qal li dawn qed joffru sogru għall-ħajjithom u l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li nikkoperaw mad-direttivi u nibqgħu id-dar.

“Nikkundanna kliem b’mibiegħda razzjali”

Il-Prim Ministru qal li jikkundanna kwalunkwe kliem li jista’ jinċita mibiegħda razzjali. Mingħajr ma għamel referenza għall-każ tal-Kap tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti, il-Prim Ministru saħaq li d-deċiżjoni tal-għeluq tal-portijiet ma kinitx waħda razzjali.

Huwa qabbel id-deċiżjoni li ħadet Malta biex tagħlaq il-portijiet mad-deċiżjoni li ħa aktar kmieni l-Gvern li jwaqqaf il-vjaġġi mhux essenzjali bejn Malta u Għawdex u viċeversa.

Saħaq li d-deċiżjoni li Malta ma tiggarantix spazju għall-immigranti kienet deċiżjoni iebsa għaliex huwa qal li jifhem li f’pajjiżhom hemm gwerra.

Qal iżda li l-Gvern ta prijorità lis-saħħa tal-Maltin u Għawdxin.

Spjega li din lanqas kienet deċiżjoni egoistika iżda deċiżjoni li kellha tittieħed fl-interess nazzjonali

“Bid-dixxiplina noħorġu ma ndumux”

Dwar l-impatt ekonomiku, il-Prim Ministru qal li jekk kulħadd iżomm id-dixxiplina fuqu nnifsu ma ndumux ma noħorġu.

Stqarr ukoll li kif isir hekk, Malta tkun lesta biex taħrab tiġri ‘l quddiem fil-qasam ekonomiku.

“F’dan l-Għid nagħtu prijorità lill-familja”

Dwar l-ikla tal-Għid il-Kbir, il-Prim Ministru qal li din is-sena aktar minn snin oħra qed nagħtu prijorità tal-valur tal-familja. Huwa qal li kulħadd irid jaħseb f’dak li jista’ jiġri lil ħaddieħor li forsi jkun aktar vulnerabbli minna.

Dwar il-vittmi tal-coronavirus, il-PM ta l-kondoljanzi lill-qraba tat-tliet persuni Maltin li tilfu ħajjithom minħabba l-coronavirus. Huwa qal li Malta tinsab preparata għaliex il-preparamenti bdew minn kmieni iżda kollox jiddependi minn kemm se jikkoperaw in-nies.