Aġġornata: Qatel lil zitu fil-Għargħur wara li staqsiet “Tgħid induna?”

12:55 Id-difiża tiċċara li mhux se tkun qed titlob għall-ħelsien mill-arrest. Però, saret talba biex l-akkużat jinżamm fl-isptar Monte Karmeli. Il-Qorti qalet li se tirrakkommanda dan lid-direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

12:45 L-akkużat iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

12:41 Id-difiża titlob biex jinħatar psikjatra indipendenti biex jevalwa lill-akkużat. L-avukata tirreżerva wkoll d-dritt tagħha biex tikkontesta t-teħid u l-validità tal-istqarrija li l-akkużat ta lill-Pulizija.

12:40 Dakinhar tad-delitt, l-akkużat qal li sema’ liz-zija tiegħu tgħid, “Tgħid induna?”. U dak il-ħin qabad sikkina u beda jagħtiha d-daqqiet. Hi mietet fuq il-post. Imbagħad dar għal fuq ommu li mietet l-isptar Mater Dei.

12:39 Il-Pulizija tgħid li l-akkużat beda jissuspetta li ommu u z-zija tiegħu kienu qed jitfgħulu xi sustanza fil-kafè tiegħu. Qal li dawn is-sustanzi kienu qed iġielgħuh iħossu għajjien. Spjega li kellu kwistjonijiet oħra ma’ ommu inkluż meta pprova joħroġ ma’ tfajla għax kienet tipprova tikkontrollah.

12:37 Il-Pulizija tgħid li l-akkużat ittieħed l-isptar Monte Karmeli fejn psikjatra ssuġġerixxa li għandu jinżamm hemm għall-osservazzjoni u għall-kura. Wara, ġie ċċertifikat li jista’ jiġi interrogat.

12:33 Il-Pulizija tgħid li nhar it-Tnejn li għadda rċeviet telefonata mill-akkużat stess jgħid li kien għadu kif qatel lil ommu u lil zitu. L-akkużat ċempel ukoll għal ambulanza. Meta marru fuq il-post il-pulizija, l-akkużat fetħilhom il-bieb.

12:32 L-akkużat jgħid li jixtieq avukat tal-istat għall-assistenza legali

Ir-raġel li qed jiġi akkużat li qatel żewġ nisa waqt argument fil-Għargħur mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.