Filmat: Vittma ta’ vjolenza domestika u binha l-ħabs; issa residenta f’appartament tal-Gvern

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iżur is-sit ta' kostruzzjoni tal-housing soċjali f'Birkirara. Fuq dan is-sit se jkun hemm total ta' 73 appartament u 55 garaxx.

Posted by Roderick Galdes on Friday, April 24, 2020

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay irrakkonta stejjer ta’ persuni li bħalissa qed jagħmlu użu mill-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern. Fosthom tkellem dwar mara li għaddiet minn vjolenza domestika, binha issa qiegħed il-ħabs, u b’hekk ġiet bżonn għajnuna biex ikollha saqaf fuq rasha.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-housing tal-Gvern kellu jibqa’ għaddej għax il-problemi tal-housing ma jistennew lil xejn u lil ħadd. Dan qalu waqt li kien qed iżur ix-xogħol li hemm għaddej fuq l-akkomodazzjoni soċjali li għandu l-gvern f’Birkirkara.

Galdes spjega li dalwaqt se jibda l-finishing fuq l-appartamenti. Qal li dan huwa wieħed mill-akbar siti ġodda tad-djar tal-Gvern. Se jkun hemm total ta’ 73 appartament fuq total ta’ 55 garaxx.

Qal li sabiex jitkompla x-xogħol ta’ kostruzzjoni, raw li jittieħdu l-miżuri kollha ta’ sabiex is-saħħa tal-ħaddiema ma titpoġġiex f’periklu. Galdes sostna li qed jara li mhux biss tintlaħaq il-mira ta’ 1,700 unit ġdid, iżda biex tingħata aktar għajnuna soċjali lil kull min għandu bżonn.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, sostna li bħalissa, verament qed tiġi indirizzata l-waiting list tal-Awtorità tad-Djar. Qal li sa dalgħodu, il-lista ta’ stennija tal-awtorità għall-housing soċjali hija ta’ 2,602 persuni. Qal però li biex wieħed jindirizza l-problemi tal-Awtorità tad-Djar, hemm skemi preventivi li jistgħu jsiru u qed isiru sabiex wieħed jipprevjeni li persuna tispiċċa fuq din il-lista ta’ stennija.

Il-Ministru Galdes qal li matul l-aħħar xhur, il-lista ta’ stennija għall-housing soċjali tnaqqset bi 300 persuna.

McKay tkellem dwar l-istorja wara l-persuni li qed jingħataw il-postijiet tal-allokazzjoni. Qal li l-persuni li qed jingħataw dawn il-binjiet qed jingħataw għal persuni li huma verament u ġenwinament fil-bżonn. Tkellem dwar omm li għaddiet minn vjolenza domestika, u t-tifel tagħha qiegħed il-ħabs. Qal li din il-persuna kienet qed tgħix f’dar fejn il-kera kienet għolja u issa, mix-xahar li għadda, il-mara bdiet tgħix f’appartament tal-Gvern.