Irridu nsibu soluzzjoni wara dak li kixef ir-rapport tal-Awditur – Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-Gvern irid isib soluzzjoni għal dak li sar ħażin, fid-dawl ta’ dak li kixef ir-rapport tal-Awditur dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, Fearne sostna li l-Gvern irid jaċċerta li l-affarijiet jimxu bis-serjetà, bi trasparenza, b’governanza tajba “u li dak kollu li nagħmlu, nagħmluh b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet tal-pajjiż”.

Chris Fearne enfasizza li r-rapport tal-Awditur Ġenerali indika li s-Segretarjat Parlamentari għas-Saħħa u l-players involuti llum huma ddikjarati nodfa minn dan il-proċess għax ma kinux involuti fil-proċess ta’ kif intgħażlet il-VGH.  

Filwaqt li fakkar li hemm proċess maġisterjali u ieħor fil-Qorti, hemm bżonn “li nkunu kapaċi nsibu soluzzjoni u r-rapport tal-Awditur Ġenerali jipponta lejn id-direzzjoni ta’ liema triq jeħtieġ li nieħdu”.

“Min jemmen fil-politika jrid jgħasses kontra t-tuffieħ imħassar”

Id-Deputat Prim Ministru stqarr li “jekk fil-qoffa jkollok tuffieħa mħassra, trid tneħħiha, inkella jeħel kulħadd. Min jidħol fil-politika jrid jagħmel dan biex iservi u mhux għal gwadann personali. Aħna rridu nkunu għassiesa biex ma jkollniex tuffieħ imħassar fostna. Jekk min jidħol fil-politika jagħmel dan biex jiggwadanja, hemmhekk iva se jibqa’ jkun hemm il-problemi. Wasal iż-żmien fejn inħarsu lejn x’għandu jiġbed u jattira lil persuna li tidħol għall-politika”.

“Id-dixxiplina tal-Maltin fil-Covid-19 l-għira ta’ pajjiżi oħra”

Mitlub jikkumenta dwar il-pandemija, il-Ministru Fearne qal li Malta għandha disa’ każijiet ta’ persuni li kienu pożittivi għal Covid-19, li jfisser li n-numru ta’ każijiet huwa żgħir hafna. “Madwar id-dinja qed ikun hemm ħafna aktar każijiet. Xorta rridu nibqgħu nżommu l-kawtela għax fid-dinja għad hawn”, kompla.

Fearne spjega li l-poplu Malti, tul il-pandemija, xejjen l-immaġni li aħna pajjiż li ma nafux inkunu dixxiplinati, u qal li dan kien parti mis-suċċess. Irrimarka li jekk wieħed iħares lejn x’ġara f’pajjiżi oħra, fejn il-poplu ma obdiex, kien hemm riżultati ħżiena. Huwa żied, li Malta f’numru ta’ każi, kienet l-għira ta’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari fil-mod kif il-poplu wera d-dixxiplina. “Tgħallimt li meta niġu għas-siegħa tal-prova, aħna poplu dixxiplinat. Din hija xi ħaġa li veru għamlitni kburi”, spjega Fearne.