Filmat: Alex Muscat u Karol Aquilina dwar il-kuntratt tal-isptarijiet

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kienu l-mistiedna ta’ Fr Joe Borg fil-programm Newsbook Hour biex jiddiskutu l-kuntratt tal-bejgħ tal-isptarijiet.

Id-deputat Karol Aquilina stqarr li l-Gvern għandu dritt li jħassar il-kuntratt għax ma ġiex onorat minn Steward Healthcare. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Oppożizzjoni għażlet timing żbaljat immens għaliex spjega li l-Gvern bħalissa impenjat biex jilqa’ għal din l-imxija tal-pandemija tal-coronavirus.

“Xejn mhu eskluż” – Alex Muscat

Alex Muscat qal li għalkemm l-attenzjoni tal-Gvern hija fuq il-coronavirus, xejn mhu eskluż dwar il-kuntratt tal-isptarijiet. Huwa qal li l-Gvern Laburista wiret tliet sptarijiet li kienu f’livell abbandunat fl-2013.

Muscat kompla jgħid li l-Oppożizzjoni kienet kontra kull investiment barrani dirett f’Malta. Semma l-eżempji tal-investimenti li saru mill-Università Amerikana f’Malta, Shangai Electric, Electrogas u Crane Currency. Qal li dan b’differenza għas-snin passati tal-PN fil-Gvern fejn taħt il-PM Eddie Fenech Adami kienu saru għadd ta’ investimenti barranin f’Malta.

Karol Aquilina wieġeb għall-kritika li l-Oppożizzjoni hija kontra l-investiment dirett barrani. Huwa qal li l-eżempju kollha li semma kienu eżempji ta’ investimenti korrotti. Stqarr li l- Università Amerikana f’Malta ngħatat il-bini u m’għandhiex studenti u l-Electrogas huwa xempju tal-korruzzjoni għaliex wassal għal qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bis-sid tal-Electrogas jinsab il-ħabs akkużat bil-mandat tal-qtil ta’ Caruana Galizia.

“Kuntratt pubbliku jrid jiġi ppubblikat” – Karol Aquilina

Karol Aquilina qal li dan huwa kuntratt ta’ propjetà pubblika u servizz pubbliku u għalhekk saħaq li għandu jkun magħruf pubblikament. Stqarr li dak kollu li l-Oppożizzjoni taf fuq il-kuntratt huwa permezz tal-midja.

Alex Muscat qal li l-kuntratt kien ippubblikat iżda nġibditlu l-attenzjoni waqt il-programm li ħafna mill-paġni huma mogħtijin bl-iswed. Saħaq ukoll li Malta ma tixirqilhiex li jkollna tliet sptarijiet abbandunati. Stqarr li l-Oppożizzjoni trid li l-isptarijiet li ngħataw lil VGH u wara lil Steward Healthcare jingħalqu.