Filmat: ‘It-triq ta’ lockdown faċli; l-iebes bdejnieh issa’

Read in English.

Id-Direttur fi ħdan il-WHO Dr Natasha Azzopardi Muscat qalet li d-deċiżjoni politika dwar il-lockdown kienet id-deċiżjoni l-faċli. Spjegat li t-triq diffiċli bdiet issa fil-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Dr Azzopardi Muscat qalet dan waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt tlett ijiem wara li bdiet il-kariga ġdida tagħha bħala Director Country Health Policies and Systems mal-uffiċċju Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Dr Azzopardi Muscat qalet li f’Malta s-saħħa publika hija b’saħħitha ħafna. Tħossha kburija b’dak li rnexxielha tagħmel meta kienet fit-tmexxija hi.

In-nisa fit-tmexxija fis-saħħa pubblika

Tifakar li meta bdiet fil-Ministeru tas-Saħħa meta kellha 25 sena tiftakar uffiċċju mimli rġiel. L-affarijiet issa nbiddlu u n-nisa qed imexxu l-affarijiet fis-saħħa pubblika. Fost il-kollegi tagħha semmiet lill-Professur Charmaine Gauci – is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika. It-tnejn kibru u studjaw flimkien. Però fid-dipartimenti kliniċi s-sitwazzjoni hija bil-maqlub. Dr Natasha Azzopardi Muscat tgħid li hawn wieħed ma tantx jara wisq nisa.

Spjegat li kienet deċiżjoni diffiċli għaliha li taċċetta din il-kariga l-ġdida peress li se jkollha tqatta’ ħafna ħin Copenhagen fid-Danimarka. It-tfal u r-raġel tagħha jgħixu Malta. Temmen li għad hemm min jagħmel distinzjoni bejn il-karriera ta’ raġel u mara. Temmen li l-aħjar riżultati jiġu meta jkun hemm rappreżentanza varja fuq it-timijiet.

WHO – Copenhagen

Mhux il-coronavirus biss hemm

Għalkemm id-dinja qed taffaċċja pandemija, ix-xogħol tal-WHO ma jieqafx biss mal-coronavirus.

“Waħda mill-prijoritajiet hija li ngħinu lill-pajjiżi jerġgħu jqajmu s-sistema tas-saħħa fuq saqajha u li l-pubbliku jkollu l-kunfidenza li jista’ jiġi ‘l quddiem u jieħu l-kura neċessarja li għandu bżonn għal kundizzjonijiet oħra,” qalet Dr Natasha Azzopardi Muscat.

Min hi Dr Azzopardi Muscat?

Dr Natasha Azzopardi Muscat hija tabiba li speċjalizzat fis-saħħa pubblika. Kienet iċ-Chief Medical Officer ta’ Malta, il-President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika (EUPHA) u issa laħqet Direttur mal-Għaqda Dinja tas-Saħħa, il-WHO, fl-uffiċċju Ewropew.

L-intervista xxandret ukoll waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn