Filmat: Fuq 103: Malta dieħla fit-tieni mewġa?

“Irridu noqogħdu attenti, li jiġri x’jiġri l-virus għadu magħna u r-riskji qegħdin hemm. Kull miżura li tiġi komunikata u suġġerita ssir bil-għan li nkunu ċerti li s-saħħa ma tiġix perikolata, għax ekonomija b’saħħitha teħtieġ pajjiż f’saħħtu. Dan qalu l-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmara meta kien qed jieħu sehem fil-programm Newsbook Hour fuq 103.

“In-numri, meta preżentati ġimgħa b’ġimgħa, juruk li kellek numri simili għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat. Fl-aħħar tliet ġimgħat in-numru ta’ każijiet kienu baxxi. L-aħħar jumejn, madankollu kellna numru li huwa ogħla mill-medja li kellna fil-jiem ta’ qabel. X’jista’ jiġri ‘l quddiem? Jekk se jibqa’ jkollna sitt każijiet, seba’ każijiet kuljum, allura jista’ jkun li nkunu deħlin għat-tieni fażi, liema fażi madanakollu tista’ tkun waħda iktar flat minn dik preċedenti. Wieħed irid joqgħod attent u japplika kawtela għax anke każ wieħed jista’ jwassal għal tixrid tal-virus. Inserrħu rasna meta ma jkollniex każijiet ġodda rapportati għal perjodu twil”, żied jgħid l-istatistiku. 

Dr Marmara qal li meta wieħed iħares lejn in-numru f’kuntest ta’ ġurnata jew jumejn biss ma jagħmilx sew. Fisser li n-numri jridu jiġu mfittxija mgħarbla u analizzati ġimgħa b’ġimgħa għax jista’ jkollna sitwazzjonijiet partikolari li b’xi mod jinfluwenzaw l-andament tal-istatistika u n-numri u dawn ma jkunux korretti. Wieħed irid jieħu n-numri, meta jinterpretahom, f’kuntest ta’ ġimgħa u perjodu relattivament itwal minn ġurnata waħda.

Saħaq li dak li qed jiġi rapportat din il-ġimgħa se jkun kruċjali biex nifhmu l-effett tal-miżuri ta’ rilaxxament li ġew introdotti fil-ġimgħat li għaddew. Dan huwa wkoll marbut mal-fatt li l-perjodu li l-effetti tal-Covid-19 jimmanifestaw ruħhom fuq min ikollu s-sintomi jew il-virus jieħdu ħmistax.

Il-peak f’Malta ntlaħqet fil-ħames ġimgħa

Dr Marmara spjega li l-peak f’Malta ntlaħqet fil-ħames ġimgħa, fejn kellna każijiet ħafna iktar għolja mill-ġimgħat preċedenti u sussegwenti.  Jista’ jkollna t-tieni mewġa, żied jgħid, però tkun aktar flat minn dik li kellna. 

Mistoqsi jekk wieħed jistax jagħmel paraguni mal-pajjiżi l-oħra, b’mod partikolari mal-Ġermanja, hekk kif wara li bdew il-miżuri ta’ rilaxxament kien hemm żieda fir-rata tal-infezzjonijiet, huwa qal li issa għandna kuntest ġdid, minħabba li s-sitwazzjonijiet inbidlu minħabba li issa hemm miżuri ġodda ta’ rilaxxament ta’ miżuri restrittivi.

Il-miżuri ta’ rilaxxament minn elementi ta’ restrizzjonijiet ġew introdotti nhar it-Tnejn li għadda u għalhekk meħtieġa sebat ijiem biex naraw l-effetti tagħhom. B’mod konservattiv, l-ewwel ġimgħa mhux indikattiva ta’ x’ kien l-effett. Insista li t-tieni ġimgħa se tkun kruċjali biex naraw x’kien l-effett tal-miżuri.

Dr Marmara qal li Malta ħadet deċiżjonijet għaqlin meta introduċiet ċerta miżuri qabel ittieħdu minn pajjiżi oħra. Kruċjali kien hemm l-għeluq tal-iskejjel fl-ewwel ġimgħa, kumparat ma’ pajjiżi oħra li damu xahar biex ħadu dan il-pass.  

Mistoqsi dwar x’qed iħasseb lin-nies, Marmara spjega li fl-ewwel ġimgħat l-ikbar issue kienet il-Covid-19. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, is-sitwazzjoni apparti s-saħħa, l-inkwiet tan-nies kien qed ikun ukoll imlissen dwar il-qagħda ekonomika. Il-miżuri ta’ restrizzjoni jridu jibdew jitnaqqsu wara li jkun hemm analiżi fuq perjodu ta’ żmien biex jara jekk hemmx riskju li r-rata ta’ tixrid titla’ għal iktar minn wieħed. Jekk in-numri jindikaw li dawn in-numri ser jiżdiedu għal iktar minn wieħed, wieħed irid iħares lejn kif jiġu mneħħija l-miżuri.

Huwa saħaq “li ħafna drabi psikoloġikament il-miżuri li jiġu rilaxxati jwasslu għal sitwazzjoni fejn ikun hemm nuqqas ta’ dixxiplina fuq kif naġixxu. Irridu noqogħdu attenti, li jiġri x’jiġri l-virus għadu magħna u r-riskji qegħdin hemm”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn