Fuq 103: Said u Zammit Lewis jiddiskutu t-tibdil propost għar-riforma ġudizzjarja

Kull demokrazija li hija ħajja u attiva tevolvi, u minn żmien għal żmien terġa’ tara kif dawn l-istituzzjonijiet jirrelataw ma’ xulxin.  Għandna kostituzzjoni li l-bażi tagħha hija l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza, u li issa għandha 55 sena u għal diversi raġunijiet jeħtieġ li tiġi aġġornata.

Dan l-aspett kien trattat f’diskussjoni li fiha ħadu sehem il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u x-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali Chris Said.

Għall-Ministru Zammit Lewis, il-proposti li ġew sottomessi lill-Kummissjoni Venezja, huma passi li juru element ta’ kuraġġ u huma neċessarji u kien hemm il-bżonn li jintbagħtu biex il-proċess jinbeda. Minn naħa tiegħu Said qal li kien ikun aħjar li kieku l-Gvern kien imur quddiem il-Kummissjoni ta’ Venezja b’numru ta’ proposti li jgħid li ġew rikonoxxuti mill-Gvern u l-Oppożizzjoni wara konsultazzjoni wiesgħa.

Dr Said qal li f’dawn l-aħħar seba’ snin xi istituzzjonijiet bdew jintużaw ħażin u bdew jiġu appuntati nies li qegħdin hemm biex ikunu paraventu għall-Gvern.

Il-Kummissjoni Venezja, fir-rapport tagħha ppreżentat stampa ċara tas-sitwazzjoni fejn il-pajjiż jeħtieġ li jieħu azzjoni. Minn naħa tagħha l-Oppożizzjoni ppreżentat għadd ta’ abbozzi ta’ liġi li huma intenzjonati biex jindirizzaw l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li saru.

Dr Said spjega li fil-bidu tad-diskussjoni ż-żewġ naħat telqu minn postijiet opposti għal xulxin , u filwaqt li kien hemm diskussjonijiet fid-dettall, u f’ċerti aspett bdejna nersqu lejn xulxin, bħal meta ġejna għal ħatra tal-Prim Imħallef, fejn kien hemm qbil fuq il-prinċipju. “Però dan kien l-uniku qasam li dħalna fih. L-oqsma l-oħra kollha li messet ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja, ma dħalniex fihom. Għalhekk konna sorpriżi meta l-Gvern bagħat il-proposti tiegħu lill-Kummissjoni ta’ Venezja, meta ma kienx hemm konsultazzjoni dwar il-maġġoranza tagħhom”.

Dr Said qal li llum għandek żewġ pożizzjonijiet, u filwaqt li hemm fejn nikkonverġu, hemm affarijiet li huma differenti u l-Oppożizzjoni taħseb li dak li qed tipproponi hi, imur ħafna aktar fil-linja ta’ dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja.”

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li kien hemm għadd ta’ emendi u miżuri li ġew introdotti tul is-snin bħalma hija l-introduzzjoni tal-Ombudsman u l-Kunsilli, l-liġi tal-whistle blower, dik dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, it-tneħħija ta’ preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni li jitwettqu mill-politiċi. “Imiss li jittieħdu miżuri iktar kuraġġużi. F’dan il-kuntest il-qbil dwar il-proċess tal-ħatriet tal-ġudikatura u l-qbil fuq il-ħatra tal-Prim Imħallef kienu passi importanti l-quddiem”, żied jgħid il-Ministru.

Zammit Lewis stqarr li l-fażi li jmiss teħtieġ li jkun hemm aktar diskussjoni dwar l-għoti ta’ aktar poteri lill-President ta’ Malta, li naraw jekk l-ambjent jingħatax status kostituzzjonali, affarijiet jeħtieġu aktar diskussjoni. Spjega li huwa ftiehem mal- Kummissjoni Venezja biex tagħmel aktar konsultazzjoni u tagħti l- opinjoni tagħha fuq dawn ir-riformi. “L-idea hi li nimxu ’l quddiem però ma humiex il-bidu u tmiem”, spjega Zammit Lewis.