Filmat: “Xokk ta’ sena jew sentejn” – Prof. Josef Bonnici

F’dan il-mument partikolari li qegħdin ngħixu bħalissa l-kunċett tal-ġid komuni huwa kruċjali u essenzjali. Dan qalu l-Professur Josef Bonnici, Ċermen tal-Bank Malti għall-Iżvilupp meta kien qed jieħu sehem fi Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart. 

Il-Professur Bonnici spjega li l-kriżi li għandna hija waħda li qatt ma rajna bħala, mit-Tieni Gwerra.  “Hija kriżi differenti minn kriżijiet oħra ekonomiċi, għax kriżijiet oħra gew ikkawżati minn xi eċċessi. Din il-kriżi ġejja min sfida fuq is-saħħa tan-nies tad-dinja kollha u allura l-ewwel prijorità trid tkun is-saħħa tan-nies, għax jekk in-nies ma jkunux b’saħħithom ma jistgħux jgħixu l-ħajja normali tagħhom.

Iċ-Ċermen tal-Bank fisser li l-bank Malti ta’ Żvilupp inħoloq biex jikkumplimenta il-banek kummerċjali. “Mhux qiegħed jipprova jissostitwixxi, mhux jipprova jidħol min flokhom. Imma jippermetti l-banek kummerċjali jieħdu aktar riskju.”

Huwa spjega li bħalissa huma l-banek li qed jgħinu lin-negozji, qed jiggarantixxu għas-self li qed jipprovdu, fid-dawl tal-fatt  li dawn in-negozji qegħdin f’sitwazzjoni fejn ma tafx hux sejkollok dħul, jew meta se jkollok id-dħul illi jagħmel tajjeb għal dak is-self li jistgħu jieħdu. 

“Fi żmien ta’ inċertezza, il-Bank Malti ta’ Żvilupp alloka €350 miljun mogħtija mill-gvern, biex ħareġ element ta’ garanzija lil banek, fejn jiggarantixxi sa 90 fil-mija tas-self li jagħtu”, kompla l-Professur Bonnici. Żied jgħid li l-Bank ta’ Żvilupp irdoppja  din l-iskema. 

“Normalità differenti”

Prof. Bonnici qal li diffiċli tipprevedi x’se tkun in-normalità. “Ovvjament se tkun differenti milli kienet qabel. Anki jekk ikun hemm vaċċin, ċertu  xejriet fl-imġiba (behavioural trends) se jinbidlu. Kultant naħseb li se jinbidlu għat-tajjeb ukoll. 

Dwar il-Bank, Prof. Bonnici qali li kieku ma kienx hawn Bank ta’ Żvilupp kien ikun hemm sfida akbar għall-gvern u speċjalment b’mod partikolari liċ-ċivil. Ma hemmx istituzzjoni finanzjarja fiċ-ċivil li tista’ tuża din l-esperjenza bħal Bank ta’ Żvilupp li tkun tista’ tinnegozja mal-Kummissjoni Ewropea, dawn l-għajnuniet li qed jingħataw fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat (state aid rules) li kellhom jiġu adatti għall-ħtiġijiet tagħna.

Huwa spjega wkoll li l-Bank  talab biex ma jkunx hemm miżata ta’ garanzija (guarantee fee) li wieħed iħallas, liema talba ma kinitx aċċettata. “Però rnexxielna nnaqqsuha sewwa. Allura SME jkollu miżata ta’ garanzija (guarantee fee) ta’ xi 0.15% b’kollox”, spjega Bonnici.

Mistoqsi minn fejn ġejjin il-flus, Prof. Bonnici qal li dawn il-flus sa issa huma garanzija tal-gvern, jekk fi żmien sitt xhur ikun hemm it-telf fuqu l-Bank ta’ Żvilupp ikollu jiġbed fuq dik il-garanzija. Huwa fisser ukoll li l-gvern qiegħed jissellef aktar, qed juża wkoll il-flus tal-passaporti u “qed nużaw ukoll il-flus tal-banek, li huma finalment il-flus tal-poplu.”  

Il-mod kif wieħed jikkombina dawn ir-riżorsi huwa kruċjali biex id-dħul finanzjarju tal-Gvernma jkunx overwhelmed.  “Kif kulħadd jaf il-kriżi ma nafux kemm se ddum, u l-bżonnijiet ma nafux eżattament kemm se jkunu. Wieħed jista jagħmel stimi imma f’dawn iċ-ċirkostanzi l-istimi jridu jkunu prudenti għax mhux dejjem l-affarijiet se jseħħu kif wieħed jaħseb. Aħna naħsbu li bil-garanzija li tah il-gvern ta’ €350 miljun se nipprovdu kapaċità lill-banek li jużaw flus minn tagħhom biex jgħinu n-negozji. Issa ġaladarba n-negozji jieqfu fuq saqajhom, il-garanzija ma jkunx hemm bżonn tintuża”.

Kif tista’ tiġi affaċċjata din l-isfida?

Mistoqsi dwar kif wieħed għandu jiffaċċja din l-isfida, iċ-ċermen tal-MDB qal li kull negozju huwa differenti. Wieħed irrid ikun ottimist li din l-iskossjatura li ħadna se nsibu tarfha. Jien naħseb li wieħed irid jaġġusta x-xogħol tiegħu b’mod illi jista’ jirrazzjonalizzah fiċ-ċirkostanzi preżenti. Jara x’miżuri jista’ jieħu, u biex inaqqas l-ispejjeż tiegħu, biex jara dak li huwa essenzjali, u dak li mhux daqshekk essenzjali, irid jaħseb li jżomm numru ta’ ħaddiema li għandhom kwalitajiet li mingħajrhom ma jistax jaħdem, kemm l-assistenza u pagi li wieħed jagħti anki minn naħa tal-gvern. 

Dwar il-futur, il-Professur Bonnici spjega li l-Bank għandu skemi oħra fejn permezz tagħhom il-banek ikunu aktar lesti biex isellfu għal ċertu tip ta’ negozji ġodda li għandhom ċertu riskju magħhom bħall-qasam tal-diġitalizzazzjoni, fil-ħiliet tan-nies li jiżviluppaw programmi, investimenti li mhux f’makkinarju jew bini u li normalment il-banek isibuha diffiċli jassistu.

“Iċ-ċirkostanzi normali għad jerġgħu jirritornaw”

Huwa spjega li ċ-ċirkostanzi normali għad jerġgħu jirritornaw – in-normali jaf ikun ftit differenti, imma sadanittant irridu kemm jista’ jkun nimminimizzaw il-ħsara fil-kapaċità tal-pajjiż li jipproduċi. Mhux biss il-ħsara tas-saħħa imma wkoll ħsara fil-kapaċità – li jkollok negozji li jagħlqu, lukandi li jagħlqu u ma jerġgħux jiftħu, dawn huma affarijiet li jagħmlu ħsara fit-tul. Wieħed irid jipprova jevita dawn it-tip ta’ ċirkostanzi minħabba din il-kriżi ta’ dan il-virus. 

“Xokk ta’ sena jew sentejn”

“Għandna xokk qasir ta’ sena jew sentejn illi l-ekonomija u l-ħajja terġa’ tibda b’ritmu simili ta’ li kienet qabel. Wieħed irid ikun realistiku. Irridu naġġustaw biex inkunu lesti biex nerġgħunibdew nagħtu servizz, nerġgħu nħaddmu lin-nies, noħolqu l-ġid, nipproduċu prodott li sejkun hemm domanda għalih xorta waħda”, temm jgħid Bonnici. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn