Filmat: “Jekk Alla jrid din il-ġlieda nirbaħha” – Fr Martin dwar il-kanċer

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, wera determinazzjoni li jirbaħ il-ġlieda kontra l-kanċer.

Waqt intervista ma’ Jes Saliba fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart, Fr Martin spjega li nhar it-Tnejn se jibda t-trattament għall-kanċer li ħakmu, li t-tobba qalulu li jista’ jitfejjaq.

Huwa emozzjona ruħu waqt l-intervista live, hu u jirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tas-solidarjetà li wera miegħu u tal-għexieren ta’ messaġġi ta’ kuraġġ li rċieva. Sakemm jieħu t-trattament u jirkupra minn din il-marda, Fr Martin se jieħu pass lura mit-tmexxija tad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin spjega kif il-pandemija tal-coronavirus affettwat lid-Dar. Stqarr li beża’ fil-bidu tal-pandemija minħabba li ma kienx jaf x’se jiġri, meta beda jisma’ bi djar simili barra minn Malta fejn mietu ħafna residenti. Għalhekk, bdew pjan ta’ kontinġenza billi, pereżempju, bdew jieħdu t-temperatura tal-ħaddiema, jitolbuhom jinżgħu ż-żraben u jbiddlu ħwejjiġhom meta jaslu.

Il-voluntiera ma setgħux iżuru d-dar aktar, lanqas il-ġenituri tar-residenti. Fr Martin stqarr li din kienet l-aktar ħaġa iebsa, imma l-ġenituri fehmu li dan kien għall-ġid ta’ wliedhom stess. Ġiet installata perspex sabiex il-qraba jkunu jistgħu jaraw lir-residenti minn warajha.

Il-pandemija affettwat lid-Dar tal-Providenza finanzjarjament ukoll, billi nxtraw smartphones biex ir-residenti jżommu kuntatt ma’ qrabathom u billi ġie organizzat servizz ta’ trasport għall-ħaddiema, sabiex dawn ma jużawx it-trasport pubbliku. Dan sewa lid-Dar ammont sostanzjali ta’ flus.

Billi l-ħruġ waqaf, kellhom jiġu organizzati aktar attivitajiet sabiex jitgħolla l-morall tar-residenti. Tħassru bosta attivitajiet li jsiru s-soltu, bħall-kunċert tal-pulizija u l-maratona tal-volleyball, li kieku ssir f’dan il-perjodu. Minkejja li d-donazzjonijiet naqsu drastikament, Fr Martin appella lill-pubbliku biex issa li l-ħajja qed terġa’ taqbad ritmu normali, jiftakar fid-Dar tal-Providenza. F’dawn l-aħħar jiem id-Dar tal-Providenza nediet l-inizjattiva Sabiħ Li Tagħti.

Tista’ tagħmel id-donazzjoni tiegħek billi żżur dan is-sit.