Filmat: Il-vjolenza domestika tgħolli rasha waqt il-pandemija – Audrey Friggieri

L-imxija tal-pandemija tal-coronavirus ma fissritx sfidi kbar mill-aspett mediku, soċjali u ekonomiku iżda ġabet diffikultajiet kbar għal persuni li huma vittmi ta’ vjolenza domestika.

Sostniet dan Audrey Friggieri, il-Kummissarju responsabbli għall-ħarsien mill-vjolenza domestika. Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, hija qalet li fejn diġà kien hemm problemi fil-familji, il-fatt li rridu nibqgħu ġewwa, speċjalment fejn hemm nuqqas ta’ spazju, dan jista’ joħloq sitwazzjonijiet aktar serji.

Anke f’ċirkostanzi normali, din ir-realtà ġdida tista’ ġġib magħha aktar stress akbar mis-soltu fuq l-adulti u l-ulied, hekk kif wieħed irid isib bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħtiġijiet tad-dar u l-attenzjoni li jeħtieġu t-tfal. Friggieri tispjega li l-fatt li ninsabu magħluqin, se tikber il-problema tal-vjolenza domestika, speċjament fejn persuni jgħixu fi spazju ristrett.

Sitwazzjoni oħra li tista’ tiggrava minħabba ċ-ċirkostanzi attwali hija dik fejn għandek persuni b’mard mentali jew fiżiku, hekk kif ma jistgħux isiru numru ta’ attivitajiet fil-miftuħ li ssoltu jagħtu ftit ta’ wens. Friggieri spjegat li f’dan il-kuntest, “vantaġġ kbir huwa fejn hemm familji li jafu jieħdu ħsieb xulxin u jafu jirrispettaw lil xulxin, u lilhom infushom.” Madankollu, hija fakkret li biex “tkun kapaċi tieħu ħsieb tiegħek innifsek u tal-oħrajn mhux li tlesti platt ikel fuq il-mejda biss,  imma jeħtieġ li nuru affezzjoni ma’ xulxin. 

Sfida oħra li qamet waqt id-diskussjoni hija dik dwar il-ħila meħtieġa biex wieħed jimmaniġġja l-istress. Hija sostniet li t-tfal ukoll iħossu d-dwejjaq minħabba n-nuqqas ta’ sħabhom, nuqqas ta’ logħob barra, diffikultajiet fix-xogħol tal-iskola u anke frustrament ta’ kif se jimlew ġurnata twila d-dar. “Ġurnata skola ma tistax tkun sostitwita bil-kompjuter, żiedet il-Kummissarju, u għaldaqstant “irridu ngħallmu lil uliedna jimmaniġġjaw l-istress u d-dwejjaq tagħhom billi nqattgħu ħin ta’ kwalità magħhom”, nitkellmu, nilagħbu, nisimgħuhom u niċċajtaw – dan hu kif nuruhom li nħobbuhom”. Hija fakkret kif anke jekk it-tfal ma jesprimux direttament is-sentimenti tagħhom, huma jkunu qed jassorbu r-realtà kollha ta’ madwarna.

“Jekk ikun hemm il-bżonn, il-mara għandha toħroġ minn fejn tgħix”

Il-Kummissarju qalet li r-realtà attwali waslet biex aktar nisa jispiċċaw jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar. Madankollu, fiċ-ċirkostanzi kollha, Friggieri appellat li ebda ċirkostanza m’għandha tkun ġustifikata minn abbuż. Hija tkellmet dwar xenarji fejn hemm nisa dipendenti fuq l-irġiel tagħhom għal dħul li jista’ jkun milqut ħażin jekk tilef l-impjieg jew għandu dħul ridott. Dan m’għandux jiġġustifika l-vjolenza u jekk hemm bżonn, il-mara għandha toħroġ minn fejn tgħix u tfittex residenza alternattiva. Hija fakkret li l-Awtorità tad-Djar għandha skemi li jgħinu lil dawn l-individwi. Hemm ukoll diversi programmi u residenzi li joffru għajnuna f’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet.

Hija fakkret fin-numri tat-telefown 179 jew 112 fejn wieħed – kbir jew żgħir – jista’ jitlob għajnuna anke f’każ ta’ problemi psikoloġiċi.

Audrey Friggieri appellat biex anke jekk insiru nafu bi vjolenza jew abbuż ieħor fil-familja jew ġirien, hu dmir li nirrappurtaw. Iżda ħafna drabi tiġi mill-persuna li qed tbati l-vjolenza: “l-ewwel pass hu li naċċettaw li għandna problema. Minn hemm nistgħu nfittxu l-għajnuna”, temmet tgħid il-Kummissarju.

Audrey Friggieri, il-Kummissarju għal Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, titkellem ma’ Jesmond Saliba waqt Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart.