Filmat: Kjass fuq filmat ta’ pulizija imma Schembri u Mizzi għadhom barra – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-akbar kriminali baqgħu ma ġewx ikkastigati ta’ għemilhom, b’referenza għal Keith Schembri, filwaqt li Malta kollha qamet u rreaġixxiet għall-filmat tal-Kuntistabbli tal-Pulizija tiżfen li qajjem kwistjoni din il-ġimgħa.

Hu u jiġi intervistat minn Fr Joe Borg fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ż-żgħir jiġi kkastigat imma “min jikkorrompi, hu kompliċi f’assassinju” jitħalla jkompli b’ħajtu.

Delia tkellem fuq iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, li f’Novembru li għadda beda jissemma b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia meta ġie arrestat Yorgen Fenech, maħsub li hu wieħed mill-imħuħ wara l-assassinju. Keith Schembri kien beda jiġi investigat, iżda tħalla barra.

Huwa sostna li jekk il-Prim Ministru Robert Abela jixtieq isewwi l-ħażen li sar, għandu jneħħi lil Konrad Mizzi minn Membru Parlamentari u ma jibqax jitlob lil Joseph Muscat għall-pariri. Delia fakkar ukoll li Robert Abela kien konsulent legali ta’ Joseph Muscat, u issa, Muscat qed jagħti l-pariri lil Abela. Ċaħad dak li staqsieh dwaru Fr Joe Borg, li Abela jrid biss ineħħi lil Mizzi sabiex il-Gvern jibda mill-ġdid. Delia saħaq li issa Abela ilu erba’ xhur li nħatar Prim Ministru, u fihom m’għamilx wisq biex jiġġieled il-korruzzjoni. Semma kif il-kultura tar-riżenji ma teżistix f’Malta.

“Il-kriżi ekonomika għadha ħa tibda”

Mistoqsi dwar il-pandemija tal-coronavirus, Delia qal li l-kriżi ekonomika għadha se tibda f’Malta u fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jibdew jidhru l-effetti, primarjament min-nuqqas ta’ turiżmu li se jkollha Malta din is-sena.

Stqarr li bħalissa qed jaħdem ħafna aktar, peress li ma jkollux fejn imur allura biex jimla l-ħin jibqa’ għaddej bix-xogħol. Delia semma kif sabha iebsa biex ma jarax lill-ġenituri tiegħu, li huma nies vulnerabbli, u kienet iebsa wkoll għalih bil-preokkupazzjoni li se jiġrilhom xi ħaġa.

Huwa faħħar lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-ħidma kbira li wettqu, u qal li żgur ma kinitx faċli għalihom jagħmlu s-sagrifiċċji li jitbiegħdu minn familthom, pereżempju, biex jiġġieldu fil-battalja kontra l-coronavirus. Irringrazzja lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne “tal-ħidma kbira, effiċjenti u effikaċi li kiseb.”

Il-Kap tal-PN stqarr li baqa’ sorpriż bid-dixxiplina li wera l-poplu Malti billi mexa mar-regoli li taw l-awtoritajiet. Innota kif il-pajjiż ingħaqad fil-konfront ta’ din it-theddida nazzjonali.

Id-direzzjonijiet kunfliġġjenti ta’ Abela u Fearne

Ikkummenta wkoll dwar id-direzzjonijiet kunfliġġjenti tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, peress li tal-aħħar jitkellem bil-kawtela, mentri l-Prim Ministru huwa aktar laxk, u jinkoraġġixxi lin-nies biex joħorġu. Sostna li hu importanti li “la tbeżża’ imma lanqas tillaxka żżejjed qisu xejn mhu xejn.”

Meta l-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa li jkun hemm task force bejn iż-żewġ partiti minħabba l-coronavirus, xtaqu li jkun hemm konverġenza nazzjonali, spjega Delia, għaliex ħasbu li jkun għaqli li l-Oppożizzjoni u l-Gvern jaħdmu flimkien.

“Fil-politika ħafna drabi tħossok waħdek”

Adrian Delia qal li għalkemm fil-politika ħafna drabi tħossok waħdek, mhuwiex se jaqta’ qalbu, avolja stħarriġ wara ieħor juri li l-Partit Laburista għad għandu maġġoranza kbira. Saħaq li hu dejjem jipprova jikkonvinċi aktar nies biex jaraw għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa aħjar.

Mistoqsi dwar kif iħossu meta jiġi kritikat, Delia stqarr li ngħaqad mal-Partit Nazzjonalista għax il-partit kellu bżonn il-bidla, u huwa qed jara li din il-bidla ssir.

Temm jgħid li jemmen li eventwalment iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u n-nies jaslu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.