Filmat: Coronavirus: Il-UĦM titlob laqgħa mal-Prim Ministru

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart

Read in English.

Il-UĦM – Voice of the Workers qed titlob laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela sabiex tinforza d-djalogu soċjali qabel ma jkollha tittieħed azzjoni industrijali fir-rigward tal-coronavirus.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella dalgħodu kien wieħed mill-mistednin fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart u fuq Newsbook.com.mt, ippreżentat minn Fr Joe Borg.

Vella qal li nhar it-Tnejn, il-UĦM se tibgħat ittra miftuħa lill-Prim Ministru billi r-responsabbiltà taqa’ fuqu. Qal li filwaqt li diversi unjins qed jieħdu azzjoni industrijali, it-tattika tal-UĦM hi li l-ewwel tipprova tiddjaloga, u mbagħad jekk ma tasalx bid-djalogu tikkunsidra li tieħu azzjoni. Sostna li jridu li l-messaġġ tagħhom jasal b’mod ċar u dirett.

Huma jridu jiddiskutu t-tħassib ta’ diversi ħaddiema li jħossu li qed jitpoġġew f’periklu bla bżonn minħabba l-attivitajiet tal-massa li għadhom jistgħu jsiru, iżda issa tħabbru xi restrizzjonijiet fuqhom. Vella qal li dawn ir-restrizzjonijiet, iżda, ma jsejħilhomx miżuri, imma suġġerimenti, billi m’hemmx infurzar fuqhom peress li mhumiex ibbażati fuq avviż legali. Stqarr kif meta Malta kulħadd kien qed joqgħod ġewwa, kien hawn inqas każijiet u aktar infurzar.

Skont is-CEO tal-UĦM, kien żball li meta Malta donnha ħarġet b’suċċess mill-ewwel mewġa tal-coronavirus, trattatha daqslikieku rebħet il-gwerra, mhux il-battalja. Huwa appella biex ma jsirx tfixkil bejn il-gwerra u l-battalja peress li l-gwerra tista’ tintrebaħ biss ladarba jkun jeżisti vaċċin.