Live fuq 103: Il-filantropu li jħobb lill-Maltin

Intervistat esklussivament fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart

Read in English.

Mark Weingard, filantropista miljunarju, li joqgħod Malta u jħobb lill-Maltin, se jwieġeb mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg dwar ħajtu. Weingard suppost kellu jkun fit-Twin Towers meta ġġarfu; kien f’Phuket meta faqqa’ t-tsunami, u ħelisha minn attakk terroristiku f’Bali, għax ma kienx mal-għarusa tiegħu li nqatlet fl-istess attakk.

Mark Weingard, se jkun intervistat esklussivament fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart, fis-1pm waqt Newsbook Hour.

“Ir-riċerka li għamilt biex nintervista lil Weingard kienet ta’ ispirazzjoni għalija”, qal Fr Borg, “għax rajt bniedem li ma jieqaf qatt jgħin lill-proxxmu. Iddeskrivejtu bħala l-bniedem li ma jafx jispelli l-kelma ‘rest’”.

Weingard se jwieġeb l-għala wara kull diżastru minflok jaqta’ qalbu dejjem jibda xi inizjattiva biex jgħin lill-oħrajn. L-Inspirasia Foundation hija waħda mill-organizzazzjonijiet li waqqaf biex jgħin lill-proxxmu.

Riċentement beda l-websajt Malta Together li jagħti tagħrif siewi dwar x’jista’ jsir tul il-pandemija.

Dalgħodu huwa ħabbar li fit-3 ta’ Mejju Malta Together se jorganizzaw kunċert biex tintwera gratitudni lejn dawn li qed jgħinu biex tingħeleb il-pandemija biex jgħin ukoll lill-Maltin iqawwu qalbhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn