Filmat: Għadu ma jafx min hu Alla min jaħseb li l-pandemija kastig – L-Isqof Grech

Intervista mal-Isqof Mario Grech

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex l-Isqof Mario Grech qal li min jaħseb li l-pandemija hija xi kastig ġej minn Alla għadu ma jafx min hu Alla, għaliex Alla u l-kastig ma joqogħdux flimkien.

Waqt intervista fuq Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart ma’ Fr Joe Borg dalgħodu, l-Isqof qal li min għadu jgħid dan il-kliem huwa sajjem mill-Evanġelju, għaliex mhijiex fin-natura ta’ Alla li jikkastiga.

Kliem l-Isqof kien li, “Min jaħseb li Alla qed juża din l-id tal-ħadid biex jikkastigana jew ipattihielna jġibli ħlewwa ta’ qalb għax dan mhuwiex Alla.” Sostna li neħtieġu dixxerniment individwali u anke kollettiv, għaliex filwaqt li jeskludi li l-pandemija hija xi tip ta’ kastig, “xi ħaġa Alla qed jgħidilna.” Stqarr li għalhekk huwa meħtieġ id-dixxerniment, sabiex niskopru x’inhi din il-ħaġa. Huwa qal li forsi Alla qed jippermetti li ngħaddu minn dawn iċ-ċirkostanzi biex naqtgħu l-friegħi l-ħżiena tas-siġra jew biex niġu ppurifikati, jonkella Alla qed jgħidilna nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex inneħħu t-tagħbija żejda li għandna fuq il-ġifen, allura fuq il-Knisja.

Fr Joe Borg staqsa lill-Isqof dwar il-kliem li qal din il-ġimgħa meta staqsa “Il-knejjes vojta bħalissa jew aħna?” Huwa spjega li dan il-kliem qalu f’kuntest, meta kien qed ikellem lill-kappillani, filwaqt li sostna li ma jridx jinstema’ li qiegħed jirrelativizza l-Ewkaristija. L-Ewkaristija tibqa’ l-quċċata u fejn għandna naslu, qal l-Isqof, imma x’inhi l-Ewkarisitija jekk ma nifhmux x’aħna niċċelebraw u ma ngħixuhiex? Issokta jgħid li l-quddies hija meħtieġa, imma l-fidi ma tistax tkun ibbażata fuq il-quddies biss, wieħed irid imur oltre minn hekk u jifhem il-Vanġelu. Sellem, pereżempju, lil Fr Martin Cilia miċ-Ċentru tas-Soċjetà ta’ San Pawl għaliex, skontu, Fr Cilia għaraf jipproduċi xi ħaġa tal-liturġija fil-familja imma l-kotra donnha weħlet fil-quddiesa.

Suppliment ieħor mis-sensiela 'Liturġija Domestika' għall dan il-Ħadd, ir-Raba Ħadd tal-Għid.

Posted by Oratorju MSSP on Saturday, May 2, 2020

Fuq il-paġna tal-Oratorju tal-MSSP sikwit qegħdin jixxerrdu riflessjonijiet tal-qassisin dwar il-liturġija.

L-Isqof Grech ġie mistoqsi wkoll dwar jekk l-Isqfijiet kellhomx komunikazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa dwar meta se jerġgħu jinfetħu l-knejjes. L-Isqof qal li ħmistax ilu, hu u l-Arċisqof Charles Scicluna staqsew lill-awtoritajiet dwar dan, imma qalulhom li kien għadu kmieni wisq. Illum ukoll għadu kmieni wisq, imma skont l-Isqof, din hi karità mal-Maltin u l-Għawdxin, sabiex jiżguraw li l-virus qerriedi jitrażżan.  

L-Amministatur Appostoliku tkellem ukoll fuq id-djakonija. Qal li kien mingħalih li l-Evanġelizzazzjoni għandha tiġi l-ewwel, imma llum jagħraf li d-djakonija trid tiġi qabel, sabiex il-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu u mal-imħabba tiegħu.

Huwa tkellem ukoll fuq il-faqar, u qal li donnu aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tiżdied il-ħtieġa għall-karità. Stqarr li hawn ħafna nies li jkollhom bżonn l-għajnuna, imma jistħu jammettuha, min hu fqir ma jkunx irid juri li huwa fqir, allura jkun diffiċli biex wieħed javviċinah. Madankollu, huwa beħsiebu jkompli jagħmel l-almu tiegħu biex dawn in-nies jintlaħqu mill-karità wkoll, għaliex l-attenzjoni fuq iż-żgħir, l-imħabba u l-għajnuna lejn il-fqir hi t-triq li twassal għal Kristu.

Fi tmiem l-intervista, l-Isqof stqarr li lanqas huwa stess ma jaf meta se jitħabbar is-suċċessur tiegħu, imma jittama li dan jitħabbar ma jdumx, peress li d-djoċesi ilha f’vakuum minn Ottubru. Stqarr li hu għadu jakkumpanja lill-poplu t’Alla f’Għawdex imma ħsiebu m’għadux iffukat kif kien qabel.