Filmat: Bla dikjarazzjoni ta’ emerġenza jikkontrollaw il-politiċi – Dr Martin Balzan

Read in English.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan qal li mingħajr id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika tfisser li l-Gvern ikollu kontroll tas-sitwazzjoni filwaqt li b’emerġenza dikjarata tkun is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci li tiddeċiedi.  

Meta kien qed jitkellem fuq il-programm Newsbook Hour, Dr Balzan qal li tul it-tmien sigħat laqgħa tal-imsieħba soċjali qatt ma sema’ lill-Professur Gauci tgħid li m’hemmx bżonn tiġi ddikjarat emerġenza nazzjonali. 

Li hu żgur hu li Prof Gauci kitbet aħmar fuq l-abjad li hi kontra l-attivitajiet tal-massa

Dr Martin Balzan, President tal-MAM

Fil-programm fuq 103 Malta’s Heart, Fr Joe Borg staqsa lill-kelliema jekk għandhiex tiġi ddikjarata emerġenza. Dan peress li kien fis-7 ta’ Marzu li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddikjarat emerġenza tas-saħħa meta f’Malta kien hawn biss tliet każi.

Dikjarazzjoni ta’ Emerġenza pubblika ma tagħmilx differenza fil-ġlieda kontra l-imxija – Fearne

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal id-dikjarazzjoni ta’ Emergenza pubblika mhu se tagħmel differenza fil-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus.

Huwa qal li l-unika differenza li jġib hija waħda teknika fejn s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika jkun jista’ jbiddel liġi mingħajr Avviż Legali. 

Sejħa għal emerġenza pubblika hija esaġerata – il-Kamra tal-Kummerċ

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb jgħid li s-sejħa għal stat ta’ emerġenza ta’ saħħa hija esaġerata meta wieħed jieħu l-istampa tas-sitwazzjoni kollha. 

Huwa qal li n-numri huma influwenzati min-numri tat-testijiet li jsiru, waqt li jidher li l-istrain tal-virus tal-każijiet f’Malta mhux qawwi mqabbel ma’ pajjiżi oħra. 

Xuereb qal li l-Kamra tal-Kummerċ hija favur l-enforcement tal-miżuri li diġa daħlu fis-seħħ f’dawn l-aħħar ġranet. Spjega li l-Kamra mhu se tiddefendi lill-ebda negozjant li ma jkunx dixxiplinat u ma jsegwix l-miżuri. Huwa qal li l-Maltin iridu jitgħallmu jgħixu b’dan il-virus sakemm ma jinstab l-vaċċin. 

L-Istatistiku Dr Vincent Marmara’ qal li diffiċli jiżbilanċja ruħu dwar is-sitwazzjoni. Huwa spjega li aparti l-R-factor, jiġifieri r-rata tat-trażmissjoni, hemm fatturi oħra li għandhom ikunu kkunsidrati bħal l-età tal-persuni infettati u l-gravità tal-każijiet.