Fuq 103: “Nemmen li l-PL hu l-aħjar għodda għall-bidla fil-pajjiż” – Daniel Micallef

Posted by Let's Go Live on Friday, July 10, 2020

Il-kandidat prospettiv għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef stqarr li jemmen li l-Partit Laburista huwa l-aħjar għodda biex iġib il-bidla fil-pajjiż.

Meta kien qed jiġi intervistat waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, huwa ġie mistoqsi kif għażel li jikkontesta minkejja l-kriżijiet politiċi u l-aspetti li kienu ħerġin mill-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li wasslu sabiex anke l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tiġi vakata wara r-riżenja ta’ Chris Cardona.

Micallef tkellem dwar il-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista, fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ President. Huwa rrefera għall-proċess elettorali li mexxa bejn Diċembru u Jannar fl-isfond tal-kriżi politika li kienet għaddejja minnha Malta u li wasslet għal-bidla fit-tmexxija tal-istess Partit.

Huwa qal li ried jassigura li l-Partit Laburista ma jiġrilux bħal Partit Nazzjonalista, wara l-aħħar bidla fit-tmexxija tal-Partit u l-proċess elettorali ta’ dakinhar.

“Tweġiba għal sejħa”

Daniel Micallef fisser id-deċiżjoni tiegħu li jikkontesta għal din l-elezzjoni bħala tweġiba għal sejħa.

Spjega li l-aspetti tal-ħidma ta’ gvern u partit kienu, għadhom u jibqgħu l-istess. Huwa qal li jara l-Partit Laburista jevolvi fi stakeholder fis-soċjetà indipendentement mill-Gvern. Micallef qal li biex ikompli jevolvi, se jibda proċess ta’ konsultazzjoni b’mod immedjat.

Il-kandidat qal li l-ħidma tiegħu se tkun mibnija fuq impenn li l-Partit ikompli jġedded l-istrutturi tiegħu, isaħħaħ il-kunċett ta’ moviment, u li jgħin fil-proċess tat-tfassil tal-futur ta’ dan il-pajjiż.