Filmat: Dawn is-sitta għall-Judges Houses ta’ X Factor

10:38pm

L-aħħar parteċipanti f’dan iċ-chair challenge huwa Kyle Cutajar li kkummenta li jemmen li ħaqqu siġġu. Take me to Church ta’ Hozier hija l-kanzunetta li huwa interpreta. Hu sostna li ħadem għal din il-prestazzjoni wara li kien wiegħed lil Howard li kien se jistinka aktar din is-sena.

Bla dubju li l-wirja tiegħu kienet b’saħħitha. Ira ma qagħditx lura milli tirrimarka li sar progress qawwi li hu għamel mis-sena l-oħra ‘l hawn waqt li żiedet tgħidlu li b’dak li għamel kein qed jistieden lin-nies fil-prestazzjoni tiegħu. Ira emmnet bi sħiġ li kien ġaqqu siġġu.

Alexandra wkoll kienet pożittiva fil-kummenti tagħha u li l-fatt li s-sena l-oħra kien fi grupp għenu ħafna.

“Ma nistax nemmen li int l-istess persuna li kelna s-sena l-oħra. Bla dubju għandu jkollok siġġu,” qallu Howard.

“Hemm xi ħaġa speċjali fik u rajtek tikber mill-ewwel staġun,” beda biex jgħidlu Ray Mercieca  hekk kif fl-isfond instema’ l-għajjat mill-udjenza biex jingħaat siġġu.

“Dan il-fatt se jagħmilli ħajti diffiċċli,” żied jgħid Ray hekk kif stieden lil Kyle biex jieħu s-siġġu numru 5. Għal Dayle Camilleri X Factor waqfet hawn l-avventura fil-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.

Ray issa għaqqad it-tim tiegħu. B’hekk tlieta mill-erba’ membri tal-ġurija għaqqdu t-tim tagħhom u issa jonqos biex il-ġimgħa d-dieħla naraw l-overs, li jaqgħu taħt Alexandra Alden.

10:20pm

Giovanni huwa l-parteċipant ta’ qabel tal-aħar għal-lejla. Hu wassal inetrpretazzjoni pjuttost differenti milli kien qed jistenna kulħadd meta, liebes ta’ cowboy, qal li kien se jinterpreta Seventh Wonder, li nafuha mill-Eurovision bil-vuċi ta’ Ira Losco.

Prestazzjoni li bla dubju intlaqgħet tajba. Ira kienet impressjonata u ammettiet li din il-verżjoni għoġbitha. “Inkredibbli. Ma nistgħux ninsewk. Din raġuni biżżejjed biex tieħu siġġu,” ikkummentat Ira.

Alexandra wkoll impressjonata u għalkemm vokalment fadallu ftit x’jaqdef, l-element kreattiv ta’ Giovanni spikka għal darb’oħra.

Howard irrimarkalu li jrid jaħdem aktar fuq il-vuċi però huwa ingredjent important meta fl-industrija meta jkollok xi ħadd li l-udjenza dejjem tistennih biex tara biex se joħroġ. Iħoss li għal Ray issa se jkun diffiċċli.

U hekk hu. Ray ukoll jaħsibha l-istess. U huwa ovvju li l-parteċipanti li diġà għandhom is-siġġu bdew jinkwietaw. Is-siġġu numru tlieta dak ta’ Jake issa għadda għand Giovanni.

10:14pm

Wieħed mill-parteċipanti sorpriża f’din l-edizzjoni bla dubju kien Karl Schembri li stqarr li din il-ġurnata ilu jistenniha. Jgħid li jemmen li ħaqqu siġġu. Id-determinazzjoni nħasset sew fiż-żagħżugħ li interpreta Il Canto della Terra ta’ Andrea Bocelli.

Il-wirja tiegħu niżlet tajjeb hekk kif mhux biss l-udjenza qamet iċċapċaplu iżda wkoll is-sitt parteċipanti li diġà għandhom is-siġġu. Il-ġurija l-istess. Karl impressjona mhxu ftit.

Ira tħoss li ħaqqu siġġu. Alexandra rrimarkat li dak li hu għamel kien uniku.

“Jien perswas li l-pubbliku mhux se jinsik. Meta tkun daqshekk uniku u differenti in-nies jibqgħu jiftakruk. Jekk Ray ma jtikx siġġu, intik tiegħek,” ikkummenta Howard.

Ray ukoll jemmen li ħaqqu post u ovvjament bis-sitt siġġijiet meħudin ma hix daqshekk faċli. Huwa ovvju li xi ħadd kellu jitlef post biex Karl ikun jista’ jgħaddi għall-fażi li jmiss.

B’hekk tilef postu Nedved Galea u Karl issa ħa siġġu hekk kif għad jonqos żewġ parteċipanti oħra.

09:58pm

“L-emozzjonijiet imħalltin bħalissa,” lissen Noah Grech li ħassu eċċitat. Huwa interpreta In My Blood ta’ Shawn Mendes.

L-eċċitament inħass mhux ħażin u l-ewwel waħda li rrimarkat dwar dan kienet Ira. Tal-istess parir hija Alexandra Alden li ma tħossx li huwa ħaqqu siġġu.

Howard jitkellem b’mod dirett u qalli li dik il-wirja “għaffiġha” u li għamel parti kbira mill-wirja li huwa taha barra mit-temp. Kompla jgħidlu li perswas li ħadem għaliha l-performance iżda jinħass li huwa għadu mhux lest gġal din il-kompetizzjoni.

Huwa Ray li finalment irid jiddeċiedi li qallu li fadallu x’jitgħallem u għal-lum ma kienx se jtih siġġu. Anki għal Noah waqaf haw nil-vjaġġ tiegħu fil-kompetizzjoni tal-X Factor Malta.

09.53pm

Issa tassew jibda l-iebes. Ma fadalx siġġijiet u Cain Portelli huwa l-ewwel kontestant li issa jrid jissielet għas-siġġu biex jaqla’ lil xi ħadd.

“Kieku jien flok Ray nagħtik ċans wieħed jew tnejn li diġà għandhom siġġu,” ikkummentat Ira. Però Alexandra mhux konvinta u għal darb’oħra taqla’ l-ibbuwjar tal-udjenza. Ma tħossx li huwa lest. Howard però rrimarka li jaf li mhux faċli li tkanta u tagħmel ir-rap iżda li xtaq jifhem il-kliem. Ray sostna li mhux konvint u rrikmanda li jkompli jitħarreġ u jittanta xortih darb’oħra.

Għalhekk ma jħoss li għandu jtih siġġu u għaldaqstant il-parteċipazzjoni ta’ Cain fil-kompetizzjoni tal-X Factor waqfet hawn, anke jekk, fl-udjenza instema’ l-għajjat biex il-ġuvni jingħata siġġu.

09:42 pm

“L-ikbar kompetizzjoni hija miegħi nnofsi,” qal Dav Jr li wassal l-interpretazzjoni tiegħu ta’ Blackbird tal-Beatles, li Ray jemmen li bħala kanzunetta hi waħda ta’ sfida.

L-udjenza apprezzat din l-interpretazzjoni, bil-ġurija tqum bil-wieqfa u Ray Mercieca jqum minn postu u jmur jieħodlu b’idejh.

“Il-Beatles għandhom ħafna diski sbieħ u int għażilt waħda mill-isbaħ tagħhom u int  tajtha l-ħoss tiegħek,” qaltlu Ira waqt li żiedet tgħidlu li llejla huwa l-X Factor.

“Int artist komplet,” lissnet Alexandra filwaqt li Howard qabel magħha u anki ma’ Ira hekk kif huwa wkoll qal li “dan huwa l-X Factor”.

L-udjenza ma tantx tat ċans lil Ray jitkellem hekk kif bdiet tgħajjat biex Dav Jr jingħata siġġu.

U fil-fatt hekk kien għax is-sitt u l-aħħar siġġu ħadu proprju Dav Jr.

09:36pm

Dayle Camilleri hu l-parteċipanti li jmiss li sostna li ilu jaħdem għal din il-prestazzjoni hekk kif wassal l-interpretazzjoni tiegħu ta’ Marvin Gaye ta’ Charlie Puth.

Il-wirja ntlaqgħet tajjeb mill-udjenza li apparti li nfexxet iċċapċap bdiet tgħajjat “Siġġu! Siġġu!”

“Għamiltu xogħlok. Qajjimt naqra brijju, Dehrt kunfidenti f’dak li qed tkanta,” qaltlu Ira li rrimarkat ukoll li l-wirja kienet waħda enerġetika, u li temmen li ħaqqu siġġu.

Alexandra faħħret il-vuċi tiegħu iżda tħoss li m’għandhux jisforza żżejjed waqt li Howard qal li indubjament huwa kien ħaqqu siġġu.

Id-deċiżjoni finali ta’ Ray, li jistqarr li togħġbu l-enerġija tiegħu u għalhekk il-ħames siġġu huwa tiegħu.

09:26pm

“Jien ħaqqni dak is-siġġu għax vera ħdimt għaliha din id-diska,” kien il-kliem li ddikjara Nedved Galea, li wassal l-interpretazzjoni tiegħu ta’ Attention ta’ Charlie Puth.

Ira hi tal-opinjoni li l-ġeneru li kanta ma kienx dak li jgħodd għalih u ħareġ xi ftit aggressiv. Alexandra wkoll rrimarkat li l-pronunzja tiegħu ma kienitx wisq tajba. Howard jaqbel magħhom u jżid jgħid li min-naħa l-oħra jemmen li Nedved għandu potenzjal.

Iż-żagħżugħ sostna li hu lest li jgħaddi għall-fażi li jmiss dik tal-Judges Houses. Ray però mhux konvint u ħass li jkun qed ikun inġust lejn il-parteċipanti l-oħra. Iżda peress li għad fadal siġġijiet vojta u fadal aktar parteċipanti, stieden lil Nedved biex jieħu r-raba’ s-siġġu… ukoll għalissa.

09:21pm

Love Me Tender ta’ Elvis Presley hija l-kanzunetta li biha pparetċipa llejla Logan Borg. Qabel il-wirja Ben għamillu kuraġġ għax jaf li ż-żagħżugħ huwa nervuż.

Ira kienet l-ewwel waħda bil-kummenti u nnuttat li jeħtieġ li jibda juża aktar leħnu għax mhxu dejjem kien qed joħroġ l-aħjar tiegħu.

Fuq l-istess ħsieb Alexandra kkummentat li ma temminx li Logan illejla ħaqqu jingħata siġġu. Minn kliemu, jidher li Howard ukoll ma kienx impressjonat.

“Ma nafx intix lest għal din il-kompetizzjoni,” qallu Howard hekk kif qallu wkoll li din il-kanzunetta m’għamlitlux ġustizzja. Irrimarka li ż-żagħżugħ qisu daħal għall-qatla.

Ray jemmen li ż-żagħżugħ irid isib il-kunfidenza fih innifsu, u għalhekk ma ħassx li f’dan l-istadju għandu jtih siġġu.

B’hekk Logan huwa l-ewwel wieħed li llejla ġie eliminat f’din il-fażi taċ-chair challenge tal-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.

09:15pm

Jake Camilleri hu l-parteċipant li jmiss. Hu għażel li jinterpreta Let Her Go ta’ Passenger għax ħass li din il-kanzunetta, li ġieli nterpretaha qabel, hi tajba ħafna għall-vuċi tiegħu. Hi kanzunetta li biha ried jagħti emozzjoni lill-udjenza preżenti.

Bla dubju kienet għażla tajba, għalkemm Ira, tħoss li jista’ jagħmel ħafna aħjar. Alexandra tħoss li jrid jaħdem aktra, u għal darb’oħra f’din il-fażi taċ-chair challenge, terġa’ taqla’ l-ibbuwjar tal-udjenza.

Howard irrimarka li għandu vuċi tajba iżda l-prezenza fuq il-palk jeħtieġ li titranġa. “Għandek recording voice perfett, però bħala performer fuq l-istage kultant stiff,” qallu.

Ray mhux ta’ fehma wisq differenti. Jemm li bi ftit xogħol ieħor fuq il-preżenza tiegħu kapaċi jkollu futur. Jemmen li Jake għandu potenzjal. Għalhekk Jake ngħata siġġu… għalissa.

09:04pm

“Dejjem huwa bonus meta ddoqq instrument,” lissen Ray meta tela’ t-tieni parteċipant għal-lejla, Jurgen Volkov li nterpreta mash up tal-kanzunetti ta’ Queen.

L-udjenza nħasset li kienet qed tieħu gost b’din l-interpretazzjoni li huwa għadu kif ippreżenta quddiem il-ġurija u l-udjenza.

“Għandek leħnek spettakolari” kien wieħed mill-kummenti ta’ Ira li bla dubju ħadet gost b’din il-wirja. L-istess Alexandra li faħħret l-interpretazzjoni tiegħu u qaltlu li ħaqqu siġġu.

“Mhux faċli li ddoqq kanzunetti tal-Queen, u ħaqqek siġġu,” qallu Howard hekk kif irrimarka kif snin ilu kien ipoġġu quddiem il-pjanu huwa wkoll biex idoqq il-kanzunetti tal-Queen.

Id-deċiżjoni finali però hi ta’ Ray peress li din hija l-kategorija tiegħu.

“Hemm ħames siġġijiet vojta hemmhekk, u wieħed minnhom huwa tiegħek,” qallu Ray.

09:00pm

Matt Black huwa l-ewwel kompetitur illejla. Ifakkar li s-sena l-oħra s-siġġu ma ħadux u jidher determinat li din is-sena ma jiġrilux l-istess.

L-udjenza tkompli miegħu waqt li hu jkanta. Il-ġurija tidher ukoll kuntenta. Tant hu hekk, Ira qamet bil-wieqfa. Irrimarkat li din hija l-prestazzjoni li xtaqet mingħandu sena ilu. Howard jaqbel ma’ dak li qalet Ira. Alexandra tħoss li Matt għandu jieħu siġġu.

“Mhux faċli li taqbeż u tkanta,” qallu Ray li qallu li jekk hemm bżonn jaħdmu fuq l-element vokali tiegħu, din il-ħaġa jagħmluha.

L-ewwel siġġu ttieħed minn Matt!

8:57pm

Il-kategorija tal-ġuvintur hi dik li llejla qed tikkompeti f’X Factor. Wara din il-fażi huma sitta biss li se jibqa’. Din il-kategorija hija f’idejn Ray Mercieca. Sitta huma s-siġġijiet u bħal ma’ ġara fil-ġimagħtejn ta’ qabel mhux se tkun faċli għall-parteċipanti biex iżommu s-siġġu tagħhom, speċjalment meta s-siġġijiet jittieħdu kollha u jibdew l-eliminazzjonijiet.

Min se jikseb is-siġġu? Min se jitilfu? Min se jiġi eliminat? Lil min se tkun qed tappoġġja l-udjenza?

“Naħseb li se jkun spettaklu mill-aqwa,” ikkummenta Ray.

Il-kompetizzjoni tibda!