Filmat: It-tieni live show ta’ X Factor

Żewġ eliminazzjonijiet oħra fis-serata tal-lejla

Il-finalisti għat-tieni live show. Ritratt: Facebook/XFactorMalta

11.18pm

Mill-voti li daħlu llejla jidher li Dav.Jr kien dak li l-inqas kellu voti min-naħa tal-pubbliku. Għaldaqstant huwa kien it-tieni eliminat fit-tieni live show tat-tieni staġun ta’ X Factor Malta.

Yazmin & James b’hekk salvaw biex ikomplu f’din il-kompetizzjoni.

11.09pm

Wara s-sing off tal-lejl tibda l-votazzjoni.

Ray Mercieca jrid jibgħat id-dar lil Yazmin & James

Howard jrid jibgħat id-dar lil Dav. Jr

Alexandra trid tibgħat id-dar lil Yazmin & James

Ira Losco trid tibgħat id-dar lil Dav.Jr

B’hekk ġiet deadlock u d-deċiżjoni hija f’idejn il-pubbliku.

11.00pm

L-ewwel eliminata fit-tieni live show. Bl-inqas ammont ta’ voti għal-lejla hemm Jasmine.

10.58pm

7 huma konfermati għat-tielet live show tal-Ħadd 26 ta’ Jannar: Justine Shorfid, Destiny, Celine, Kyle, Bloodline, Karl u F.A.I.T.H.

10.36pm

Karl Schembri kien l-aħħar parteċipant għal-lejla. Ried iwassal xi ħaġa li tinżel tajjeb mal-pubbliku. Il-kanzunetta tiegħu għal-lejla keinet I’ll Fly With You.

Ira Losco ħasset li prova jagħmel ħafna f’żewġ minuti flok iffoka fuq is-sopran, li hu l-forte tiegħu. Alexandra qablet ma’ Ira filwaqt li Howard stqarr li qed iħossu konfuż.

10:28

Destiny fuq il-palk weħidha. L-interpretazzjoni tagħha ta’ I WIll Survive ta’ Gloria Gaynor tintlaqa’ mill-ewwel tajjeb mill-pubbliku hekk kif iċ-ċapċip jinstema’ wkoll waqt li kienet qed tkanta.

“Għandek ħafna kariżma meta tkun fuq il-palk,” qaltilha Alexandra hekk kif faħħret din l-interpretazzjoni waqt li Howard iddeskriva lil din il-kantanta bħala Diva.

“Qed nara Destiny li saret mara. Wisq spettakolari u bravissima,” ikkummentatilha Ira Losco waqt li l-udjenza infexxet ukoll tgħajjat isimha.

10.13pm

Kyle ħadna lura fis-snin 80 bil-prestazzjoni tiegħu tal-kanzunetta Never Gonna Give You Up ta’ Rick Astley.

Ira Losco xebbhitu ma’ Nick Kamen. Howard iħoss li għamel prestazzjoni tajba. Ray ukoll kuntent waqt li Alexandra mhux konvinta sa barra.

10.06pm

Yazmin & James mill-ġdid juru l-potenzjal tagħhom bħala grupp. Is-silta Time of My Life mill-film Dirty Dancing hija l-kanzunetta li għażlu li jwasslu waqt it-tieni live show tal-kompetizzjoni.

Il-wirja ntlaqgħet tajjeb mill-pubbliku u Ira kkummentat li xtaqet li s-silta kienet itwal. Alexandra wkoll dehret kuntenta b’dak li rat. Howard wiegħed li jekk dan id-duo jgħaddi għat-tielet live show se jkunu qed iwasslu xi ħaġa aktar interessanti.

9.53pm

Bloodline wasslu l-kanzunetta Forever Young ta’ Alphaville, silta li teħodna lura għall-1984. Kisbu standing ovation mingħand il-ġurija.

“Tidhru tal-età tagħkom iżda fuq il-palk twasslu maturità. Perfezzjoni. Ma nista nsib xejn negattiv xi ngħid,” ikkummentat Ira Losco.

Alexandra tħoss li jridu jnaqqsu mill-istil kif jidhru u dan wassal biex biex hi u Ira jkollhom nuqqas ta’ qbil. “Qed tfittxu x-xagħra fl-għaġina,” ikkummenta Howard.

Howard kuntent u qal li X Factor kellu bżonn xi ħadd bħalhom.

9.46pm

Justine Shorfid bil-verżjoni tagħha tal-kanzunetta Dance Monkey. Hi saħqet li qed tesplora stil differenti.

Għal darb’oħra Howard iħoss li Justine għandha vuċi massiva u faħħar il-wirja tagħha. Ira tirrikomanda biex il-pubbliku jivvota lil Justine. Temmen li t-tfajla hija l-istilla fis-serata tal-lejla.

9.34pm

Dav.Jr b’kanzunetta differenti u wassal prestazzjoni li ħafna żgur ma jistennewx li jarawh. Huwa ammetta li permezz ta’ din il-kanzunetta qiegħed joħroġ mill-comfort zone tiegħu. Interpreta Umbrella ta’ Rihanna.

Howard deher li kien impressjonat b’din il-wirja u għal Ray, Dav.Jr għandu l-pakkett kollu u jħoss li għad ikun artist ta’ fama internazzjonali.

9.26pm

Jasmine hi waħda mill-favoriti għal dan l-istaġun. Il-wirja tal-ġimgħa l-oħra hi l-aktar segwita minn fost il-prestazzjonijiet kollha tal-ewwel live show fuq YouTube. Illum il-wirja tagħha hi Material Girl ta’ Madonna.

Alexandra ssuġġeritilha biex tkun aktar rilassata fuq il-palk. Howard qal li l-wirja kienet tajba iżda ħass xi nuqqasijiet żgħar. Min-naħa tiegħu Ray ħass li ma kinitx enerġitika daqs il-ġimgħa ta’ qabel. Ira Losco però ma qablitx miegħu.

9.13pm

Celine hija l-unika kantanta li fadal mill-kategorija tal-Overs. Illejla daħlet b’kanzunetta li mhux il-ġeneru tagħha, Sweet Dreams (Are Made of These) tal-Eurythmics. Bla dubju li wirja eċċezzjonali li ntlaqgħet ferm tajjeb mill-udjenza preżenti.

Howard bla dubju li kien kuntent u Ray ma naqasx mill-kummenti pożittivi. Ira saħqet li ilha fan ta’ Celine sa mill-ewwel darba li ratha. Alexandra ddeskriviet il-wirja bħala waħda inkredibbli.

9.07pm

F.A.I.T.H. huma l-ewwel grupp għal-lejla u l-prestazzjoni tagħhom kienet bis-silta If You Want to Be My Lover ta’ Spice Girls. L-isfida ta’ Howard kienet li jkunu aħjar mill-oriġinali.

Howard qal li wara din il-prestazzjoni se jkunu l-favoriti ta’ din is-serata.

9pm

Ritratt: Facebook/XFactorMalta

Jibda t-tieni live show ta’ X Factor Malta. Illejla l-10 finalisti se jkunu qed jikkompetu biex tmienja minnhom iżommu posthom biex jgħaddu għat-tielet live show tal-ġimgħa d-dieħla.

Ira Losco, Ray Mercieca, Alexandra Alden u Howard Keith Debono bħas-soltu huma l-erba’ membri tal-ġurija. It-tema hija Guilty Pleasures. Il-pubbliku jista’ jivvota darba waħda biss permezz ta’ SMS. Kull SMS jiswa’ €0.47ċ

In-numri tal-votazzjoni tal-parteċipanti huma:

50614401 F..A.I.T.H.

50614402 Celine

50614403 Jasmine

50614404 Dav Jr

50614405 Justine Shorfid

50614406 Bloodline

50614407 Yazmin & James

50614408 Kyle

50614409 Destiny

50614410 Karl Schembri