“Taf li tajjart pulizija?”;”Iva naf”

Ian Noel Pace

11.53am: Il-kawża ġiet diferita għall-11 ta’ Settembru fil-11.15am.

11.48am: Il-Qorti tiċħad it-talba li t-temporary supervision order mhux se timpinġi jekk jingħatax il-ħelsien mill-arrest jew le u invista illi l-imputata f’kawża oħra jinstab ħati, li diġa għandu ordni għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti tikkonsidra jekk għadx hemm lok għal temporary supervision order.

11.41am: Is-surġent identifika l-iskid mark fir-ritratt li ħalliet il-karozza tal-imputat waqt li kient qed tkaxkar lil Schembri. Qal li mhix skid mark normali. Qal li kif wasal fuq il-post sab bosta kollegi tiegħu li qalulu biex ma jmurx ħdejn Schembri għax kien fi stat diżastrus. Qal li mar xorta u sab il-paramediċi fuqu li ppruvaw isalvaw lill-kuntistabbli. Dak il-ħin qal li bagħat notifika biex l-ambulanza tingħata preċedenza biex tasal Mater Dei. Hu saq il-mutur tal-kuntistabbli Schembri lejn il-garaxx. Qal li l-mutur kien f’kundizzjoni tajba, kollox kien jaħdem perfett. Qal ukoll li sab ingwanti fuq it-tank li poġġihom fil-kaxxa tal-mutur.

11.36am: Is-surġent spjega li wasal il-Marsa, u baqa’ nieżel lejn Ħal Luqa u hemm sab lill-kollega tiegħu li kien ippanikjat ħdejn ir-roundabout ta’ viċin il-Lidl ta’ Ħal Luqa ma’ mara li kienet rat kollox. Qal li ra mutur wieqaf mal-ġenb tar-roundabout u ieħor tal-kuntistabbli ta’ Schembri.

11.30am: Jixhed is-Surġent Christian Sciberras li kien ordnat jieħu ħsieb mill-Marsa saċ-Ċirkewwa. Qal li il-15 ta’ Mejju kien qed jieħu ħsieb il-Marsa sa Birkirkaraa. Spjega li meta nstema l-ewwel messaġġ kien qiegħed kważi f’Birkirkara, dan kien Schembri li qal li kien qe djinvestiga karozza fit-triq. Qal li din xi ħaġa normali li jagħmlu l-Pulizija ta’ kuljum. Qal li kien hemm stramb kien meta l-control room bdiet tgħajjatlu u ma srċevietx risposta. Qal li dak il-ħin dar u beda sejjer lejn il-Marsa.

11.28am: Il-kuntistabbli Briffa qal li baqa’ fuq il-post sal-10.15am. Spjega li ġew esperti mill-Qorti u aktar puliziaj tat-traffiku. Qal li ntalab jitlaq minn post minħabba każ ieħor.

11.24am: Jixhed il-kuntistabbli Michael Briffa li ilu stazzjonat Ħal Luqa. Hu qal li meta wasal fuq il-post ra pulizija tat-traffiku u żewġ mutur weqfin ħdejn il-pulizija. Qal li minn hemm il-pulizija li kien hemm mal-mutur spjegawlhom fejn kien qiegħed. Hu mar fid-direzzjoni u ra persuna mal-art, rah wiċċu ‘l fuq bil-crash helmet ġo rasu. Qal li rah kollu dmija u ħwejjeġ imqatta. Qal li mbagħad intalab jidderiċi t-traffiku fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa.

11.23am: Tixhed issa oħt l-imputat, li wkoll għażlet li ma tixhidx quddiem il-Qorti.

11.21am: Tixhed issa omm l-imputat, li għażlet li ma tixhidx quddiem il-Qorti.

11.17am: Il-prosekuzzjoni titlob lis-surġent jispjega kif sab lil Simon. Spjega li sab lil Schembri wiċċu ‘l fuq. Qal li ma kienx jaf jekk hux ħaj jew mejjet. Qal li kif sabu lanqas kien jintgħaraf. Schembri kien liebes bl-uniformi tal-pulizija tat-traffiku. Qal li qablu waslu xi Pulizija oħra fuq il-post. Qal li miegħu waslet ambulanza. Ftit sekondi wara qal li semgħu fuq ir-radju li ġie arrestat. Malli lil Schembri bdew jieħdu ħsiebu t-tim mediku, s-surġent mar immedjatament Ta’ Kandja fejn ġie arrestat l-imputat. Qal li sabu mmanettjat. Qal li preżenti kien hemm il-Pulizija tal-RIU.

11.14am: Jixhed is-Surġent Oliver Vella stazzjonat fit-taqsima tat-traffiku għal dawn l-aħħar ħames snin. Spjega li kien xogħol dakinhar mis-6am sas-2.30pm. Hu kien qiegħed in-naħa ta’ Aldo Moro, iżda fil-ħin tal-inċident kien qiegħed id-depot. Qal li x’ħin ħareġ mid-depot xegħel ir-radju fuq il-mutur u sema l-kommossjoni. Qal li staqsa biex jara x’ġara imma ma setax jifhem x’ġara. Qal li xegħel is-serena u mar mill-ewwel fuq il-post. Qal li saq lejn l-industrial estate ta’ Ħal Luqa u hemm sab lil Simon Schembri. Qal li propjament ma ndunax li kien hu.

11.12am: Jixhed l-assistent kummissarju Stephen Mallia li huwa stazzjonat fl-għassa tal-Belt. Spjega li hu responsabbli mid-distretti wieħed, tnejn u tlieta fosthom hemm Santa Luċija. Dakinhar qal li kif ġie għalih ix-xufier infurmah li kien hemm inċident Ħal Luqa, speċifikament f’Ħal Farruġ. Qal li dan kien semgħu fuq ir-radju tal-Pulizija. Sa dak il-ħin qal li kien għadu ma jafx eżatti x’ġara. Hu qal li ddeċidew li jmorru lejn fejn sar l-inċident u raw il-kommossjoni wara li kien ġie arrestat l-imputat. Hu sabu barra mill-karozza mmanettjat, kien hemm il-Pulizija u s-sitwazzjoni kienet kalma. Staqsa dwar id-drittijiet tal-arrest. Qal li staqsa lill-imputat jekk jafx li kien għadu kemm tajjar pulizija tat-traffiku u l-imputat wieġeb ‘Iva naf’. Qal li staqsieh ta’ min kienet il-karozza u qallu li l-karozza kienet ta’ oħtu. Qal li ma damx ħin twil fejn l-imputat.

11.05am: Tixhed Dr Lina Lianaganulova minn Mater Dei li hija l-amministrattiċi medika. Hi ntalbet ġġib kopja tal-file mediku ta’ Simon Schembri.

11.02am: Il-kumpilazzjoni tal-lum bdiet bix-xhieda tal-ortopediku Ryan Gatt minn Mater Dei. Hu qal li Simon Schembti sofra 66% diżabilità permanenti ortopedika. Hu kien intalab jagħmel analiżi ta’ Schembri mill-Qorti waqt l-aħħar seduta.

10.58am: L-akkużat jidħol l-awla.

Illum se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat bl-attentat qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri lura f’Mejju quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Iż-żagħżugħ tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li fl-aħħar seduta nstemgħet ix-xhieda ta’ Schembri li rrakkonta x’ħass u għadda minnu fil-15 ta’ Mejju.