“Aqbdu aqbdu” – Hugo malli qala’ d-daqqiet ta’ sikkina

“Aqbdu aqbdu,” kienet l-ewwel frażi li lissen Hugo malli qala’ d-daqqiet tas-sikkina fis-6 ta’ Lulju 2018. Hekk instema’ fil-Qorti llum, fejn kompliet il-kumpilazzjoni ta’ xhieda kontra l-akkużat, Bojan Cmelic, tal-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti.

Ix-xhieda kkonsistiet minn numru ta’ pulizija li ddeskrivew it-taqtigħa biex qabdu lill-akkużat, u x’qalilhom dak li kien preżenti meta ġara: Isaac Chetcuti, ħu l-vittma. Mal-pulizija xehdu wkoll numru ta’ tobba li ttrattaw lil Hugo u ddeskrivew il-kundizzjoni tiegħu fl-aħħar jiem ta’ ħajtu.

Andrew St John, wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija involuti, semma kif Isaac Chetcuti rrakkontalu x’ġara. Hu u Hugo kienu barra l-istabbiliment il-ġdid tiegħu meta avviċinathom persuna li Hugo laqagħha b’dirgħajh beraħ. Kien f’din it-tgħanniqa li r-raġel niffed żaqq Hugo b’sikkina, waqt li ħuh ma ndunax sewwasew x’kien qed jiġri minn fejn kien qiegħed. Ir-raġel ħarab jiġri, u Hugo, hu u jżomm l-istonku tiegħu, lissen lil ħuh, “Aqbdu aqbdu.” L-uffiċjal tas-sigurtà ta’ Hugo kien għadu kif telaq minn ħdejh ftit minuti qabel.

It-tobba ddeskrivew kif l-ewwel operazzjoni rnexxiet u kif kienu kunfidenti li kien qed jaqleb għall-aħjar, iżda kienet is-sepsis, infezzjoni fid-demm, li wasslitu għall-mewt. Fost ix-xhieda kien hemm Dr Alex Attard, li ilu tabib ta’ Hugo snin twal, u kienu saru ħbieb ukoll.

Il-każ se jkompli jinstema’ fis-26 ta’ Settembru.

12:43: Imiss jixhed Dale Cassar, li huwa membru fis-CID. Cassar kien xogħol f’Paceville. Għal xil-11.30pm, l-uffiċjal ġie avviċinat minn raġel li qallu li jaħdem ma’ Hugo. Qallu li hu u jiġri wara s-suspettat, ir-raġel waqagħlu l-kappell. Ir-raġel li avviċina lill-pulizija rnexxielu jiġbor il-kappell, u għaddieh lil Cassar sakemm ġabruh mit-Taqsima tal-Forensika.

12:28: Jixhed Joseph Ellul mit-Taqsima tal-RIU li kien wieħed minn dawk li qabdu lis-suspettat. Irċieva telefonata mill-control room li persuna kienet ġiet attakkata fit-Taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville. Waslu fuq il-post fejn sabu lil Isaac Chetcuti, li qalilhom b’li kien ġara, u li Hugo kien diġà ttieħed l-isptar. Qalilhom ukoll li l-persuna li tatu d-daqqiet bis-sikkina kienet ħarbet tiġri, u li kien hemm xi uffiċjali tas-sigurtà jiġru warajh. Minn fuq ir-radju semgħu li rawh lejn Surfside, u marru biex jassistu fit-tfittxija. Qattgħu siegħa jew ftit inqas ifittxuh f’dawn l-inħawi, u ddeċidew li jidħlu Tas-Sliema qalb il-bini. Sadattant, kien hemm uffiċjal li baqa’ jdur bil-karozza. Irċevew aġġornament li s-suspettat kien liebes flokk blu u xorz khaki. Il-pulizija marru fi Triq Rodolfu u bdew jiċċekkjaw fl-isqaqien. Kif qorbu lejn tmiem din it-triq, fuq ix-xellug, il-pulizija lemaħ persuna bl-istess deskrizzjoni li dehret qisha ħadet battikata, bil-qmis kollha għaraq. Huwa informa lill-kollega u ddeċidew li jduru mal-bini biex isibuh min-naħa l-oħra. Kif waslu fi Triq Sant’Elena, rawh jippassiġġa minn wara l-vetturi. Pulizija minnhom għamillu sinjal biex jieqaf, u r-raġel, kif intebaħ li kienu l-pulizija, inħasad u kien se jibda jiġri. Sadattant, il-pulizija qabdu lis-suspettat bit-taser. Huwa kien aggressiv u beda jxejjer idejh u saqajh. Fl-aħħar, għall-ħabta tal-11.20pm, irnexxielhom jaqbduh fuq il-bankina, u Ellul irnexxielu jpoġġi l-piż tiegħu fuq is-suspettat. Ellul qal li s-suspettat baqa’ aggressiv sal-aħħar, u saħansitra, wara din it-taqtigħa, beda juġgħu mnieħru. Huwa baqa’ sejjer fil-poliklinika tal-Furjana, u fil-Qorti deher iċ-ċertifikat tiegħu mill-isptar.

12:20: Jixhed Ian Borg, pulizija fl-għassa ta’ San Ġiljan. Bejn l-10.30pm u l-10.45pm, issejħu għax kien hemm inċident f’Paceville. Tkellem ma’ ħu Hugo Chetcuti, Isaac Chetcuti, li infurmahom b’li ġara, u b’li kien liebes l-akkużat. Bdew jiġru wara s-suspettat, li kien qed jiġri fuq il-ġebel. Il-pulizija tilfuh fl-inħawi ta’ Surfside. Madwar 20 minuta wara, kellhom ċempila tar-radju mill-RIU, u infurmawhom li arrestaw lil xi ħadd fi Triq Sant’Elena f’Tas-Sliema, li kien liebes l-istess ħwejjeġ. L-uffiċjali tal-RIU mmanettjawh wara li kien ġie kkonfermat bħala s-suspett, u ħaduh l-Isptar Mater Dei.

12:17: Wara din il-konverżazzjoni ma’ Isaac Chetcuti, Andrew St John ġie infurmat bil-wasla tal-akkużat. L-uffiċjali qagħdu attenti li jżommuh ‘il bogħod mill-familja tal-vittma. It-tobba raw lil Cmelik.

12:08: Mill-perspettiva ta’ Isaac Chetcuti, ra persuna ġejja mix-xellug. Iddeskriva lill-persuna bħala raġel twil, mibni, u ta lill-Pulizija deskrizzjoni dettaljata tal-ilbies tal-persuna, iżda St John qal li ftakar li kien liebes kappell isfar, simili ta’ wieħed tat-tiben, milbus fil-parties. St John spjega li Isaac Chetcuti qalilhom li ġie min-naħa prinċipali tat-Taraġ ta’ Santa Rita, beda miexi lejn Hugo, u għajjatlu b’ismu. Peress li Hugo magħruf ma’ ħafna nies u hu soċjevoli, skont ħuh Isaac, fetaħ idejh b’tali mod li kien se jilqgħu. Il-persuna l-oħra fetħet idejha wkoll. Isaac, li kien wara dahar il-persuna li avviċinathom, seta’ jarahom jgħannqu lil xulxin, imma li ra stramb, u li ġara fi ftit sekondi, ra l-id il-leminija ta’ din il-persuna tagħmel mossa xi 3 darbiet ‘il quddiem u lura b’idu lejn il-parti t’isfel ta’ żaqq Hugo. Minn fejn kien qiegħed Isaac, ma ra xejn partikolari f’id ir-raġel, imma peress li kien warajh, ma setax jara sew. Xħin ra dawn il-movimenti strambi, dan ir-raġel dar għal fuq il-lemin tiegħu b’mod għaġli ħafna u beda tiela’ t-taraġ tlieta tlieta lejn id-direzzjoni tal-parkeġġ ta’ Axis. Hugo niżel parzjalment minn fuq il-banketta, iżomm l-istonku minn taħt. Huwa qal lil ħuh: “Aqbdu aqbdu.” Ħuh telaq jiġri wara l-persuna lejn Havana fi Triq San Ġorġ, baqgħu telgħin lejn il-pjazza quddiem l-istabbiliment Burger King, u tilfu viċin Pjazza Cascata. Isaac Chetcuti dar lura u mar jassisti lil Hugo flimkien ma’ ċorma nies oħra.

12:02: Xħin kienu fil-kuritur, indunaw li l-aktar persuna li seta’ jkellimhom kien Isaac Chetcuti, ħu Hugo Chetcuti, peress li x-xena żvolġiet fil-preżenza tiegħu. Isaac Chetcuti qalilhom li għall-ħabta tal-10.30pm, bejn wieħed u ieħor, Hugo ġie attakkat b’sikkina. L-avveniment innifsu kien għax kienu se jiftħu ħanut ġdid, Hugo’s Seafood and Cocktail, fuq wara ta’ Hugo Hotel, sqaq fil-ġenb tat-Taraġ ta’ Santa Rita f’San Ġiljan, fil-post fejn kien hemm Ice Bar. Għal dan il-ftuħ, kienu mistednin xi familjari, ħbieb u maniġers, iżda l-bieb inżammu miftuħin. Minkejja li kien avveniment pubbliku, xorta tħallew jidħlu xi klijenti każwali, li tħalltu mal-bqija tal-mistednin. F’xi ħin, Hugo u ħuh Isaac ħarġu biex ipejpu, flimkien ma’ membru tas-sigurtà ta’ Hugo, James, magħruf bħala l-Gypsy. Hugo qasam għal faċċata, poġġa fuq banketta b’dahru lejn il-bar Bacco. Isaac baqa’ fil-bieb, b’wiċċu lejn Hugo. Il-Gypsy kien bejniethom. Huma kienu qed jitkellmu barra, sakemm avviċinathom Cheryl, oħt Hugo u Isaac, biex tgħidilhom li tixtieq tmur ħdejn żewġha, il-maniġer ta’ Bacco, qisu 50 pied ‘il bogħod. Hugo dar fuq il-Gypsy u talbu biex jassisti lil oħtu għal raġunijiet ta’ sigurtà, u telqu t-2 li huma.

11:58: Laqgħuhom il-Pulizija tal-Emerġenza u infurmawhom li Hugo Chetcuti kien ġa ttieħed fis-sala tal-operazzjonijiet fil-11.15pm. Huma pproċedew għall-ITU, fejn kien hemm numru ta’ membri tal-familja. Sadattant, sakemm kienu se jibdew ikellmu lil xi ħadd minn tal-familja tiegħu, l-Ispettur Camilleri ġie infurmat li s-suspettat kien ġie arrestat b’telefonata. Ftit tal-ħin wara, kellhom imorru l-Pulizija tad-Distrett fl-emerġenza mas-suspett, biex jiġi spezzjonat mit-tobba. Għalhekk, St John ħa xi prekawzjonijiet biex jiżola lis-suspettat mill-familja ta’ Chetcuti. Ikkuntattjaw lill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit biex ikollhom aktar protezzjoni fuq il-post.

11:55: It-tim tas-CID, immexxi mill-Ispettur Clayton Camilleri, kienu standby, kienu spiċċaw xogħolhom. Fil-11pm St John ġie infurmat b’li kien ġara f’Paceville. Qalulu li l-vittma kienet Hugo Chetcuti, u li s-suspettat kien telaq jiġri u kien għadu ma nqabadx. St John ikkonsulta mal-Ispettur tiegħu dwar fejn kien Hugo dak il-ħin, u ġie infurmat li kien fi triqtu lejn l-isptar. Huma kellhom imorru direttament l-isptar.

11:50: Jibda jixhed l-Ispettur Charlo Casha. Fis-seduta tal-Qorti tat-18 ta’ Lulju, huwa kien appuntat biex jieħu ritratti ta’ Cmelik. Mar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn ħadlu r-ritratti. Issejjaħ interpretu biex jittraduċi mill-Malti għall-Ingliż ix-xhieda ta’ Andrew St John.

11:38: Dr Attard qal li Chetcuti dejjem kien konċernat fuq is-saħħa tiegħu. Kull meta kien iħoss xi ħaġa mhux f’postha, kien iżur lil Dr Attard. Kellu kundizzjoni normali ta’ persuna li taqbeż il-45 sena, fuq l-intestin il-kbir, li, iżda, ma affettwatx l-operazzjonijiet.

11:32: Kabbru organiżmu mid-demm ta’ Chetcuti, għaliex bdew ifittxu x’kienet il-kawża tal-infezzjoni li kellu. Is-sikkina ppenetrat l-intestin iż-żgħir, u kkawżat is-sepsis, infezzjoni li tinfirex fid-demm.

11:27: Dr Attard ġie mistoqsi jekk setax kien hemm dawn il-perforazzjonijiet fl-ewwel operazzjoni. Huwa qal li dawn ma setgħux jikbru fil-qies, iżda fakkar lill-Qorti li l-ewwel operazzjoni kienet mimlija dmija. Huwa ddeċieda li jneħħi l-ġerħa fil-mindil, u parti mill-intestin ħalli jgħaqqad l-intestin it-tajjeb. Sa xħin miet Hugo Chetcuti, din il-parti ta’ ġisem Chetcuti baqgħet bla problemi.

11:16: Dr Attard intwera ritratti tal-ġrieħi interni ta’ Hugo Chetcuti. Fl-intestini, kien hemm 3 perforazzjonijiet u qatgħa fil-mindil, parti oħra miż-żaqq. Dr Attard spjega fid-dettall x’sab fiż-żaqq u anke pinġa l-organi sabiex il-Qorti tifhem aħjar.

11:10: Mill-operazzjoni li kienet saritlu qabel, Hugo Chetcuti kellu 2 drains. Minnhom, intebaħ li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. Issuspetta li kien hemm toqba oħra fl-intestini.

11:05: Meta wasal fl-ITU, Chetcuti kien f’koma klinika, iżda kienu qed jippruvaw iqajmuh. Meta qam, beda jkellem lil Dr Attard. Dr Attard qal li kien kunfidenti li Chetcuti kien qed jaqleb għall-aħjar. Il-Ħadd filgħodu, Dr Attard sab li Chetcuti kien imqabbad mal-ventilatur u kien sorpriż b’din il-bidla. Chetcuti kellu bżonn aktar u aktar ossiġnu, allura qabbduh mal-ventilatur tul il-lejl. Dr Attard eżamina żaqq il-vittma għax ma kienx konvint, u qal li żaqqu ma dehritx normali. Huwa wettaq operazzjoni fuqu.

11:00: Imiss jixhed Dr Alex Attard, konsulent fil-kirurġija fl-Isptar Mater Dei. Sar jaf bil-każ is-Sibt filgħodu mill-aħbarijiet. Hugo Chetcuti kien ilu pazjent tiegħu snin twal, u kienu anke ħbieb. Dr Attard assuma li l-familja ta’ Chetcuti xtaqet li Chetcuti jkun pazjent ta’ Dr Attard f’dan il-każ. L-Avukat tal-familja ta’ Hugo Chetcuti, Dr Joseph Giglio, qal li Dr Attard għandu jiġi eżentat mis-segretezza professjonali u medika. Il-Maġistrat qablet ma’ dan is-suġġeriment.

10:50: Id-Difiża staqsiet lit-tabib kemm ilu tabib. Qal li ilu 15-il sena. Id-Difiża staqsietu li kieku l-perforazzjoni ġiet trattata mill-ewwel, jekk ir-riżultat kienx ikun differenti. Dr Mustafa qal li wieħed ma jistax jgħid. Qal li Chetcuti kien tajjeb l-għada tal-ewwel operazzjoni. Iben Chetcuti kien ċempel lit-tabib u hu assigurah. Dr Mustafa insista li t-tnixxija tad-demm bdiet 30 siegħa wara l-operazzjoni, bejn il-Ħadd u t-Tnejn. Meta mistoqsi, Dr Mustafa qal li hi ħaġa normali li jinbidel il-konsulent ta’ pazjent.

10:38: Meta fetħu l-istonku, sabu ħafna demm. Chetcuti baqa’ stabbli waqt l-operazzjoni. Sabu perforazzjonijiet fl-imsaren, u li d-demm kien ġej mill-arterji u l-vini ta’ ġol-imsaren. Wara li waqqfu d-demm, it-tobba ċċekkjaw l-organi kollha għal 3 darbiet. Dr Mustafa qal li għalqu t-toqob (perforazzjonijiet) li kellu Chetcuti, waħda ikbar mit-3 l-oħra. Għamlulu 2 pajpijiet u bagħtu lill-pazjent fl-ITU. Wara siegħa fl-ITU, kien stabbli mingħajr l-ebda mediċina, jew ebda demm. Dr Mustafa qal li informa lill-kollega tiegħu, Dr Ernest Ellul, il-konsulent li kien imissu, b’li kien ġara fis-7.30 tal-għada filgħodu.

10:32: Jixhed Dr Ayman Mustafa, wieħed mit-tobba li opera fuq Hugo Chetcuti. Qal li kien ftit qabel il-11pm meta kien se jibda r-ronda biex iżur il-pazjenti, iżda ġie infurmat li kien ġej vittma li kien qala’ daqqiet ta’ sikkina, għalhekk baqa’ jistenna l-wasla tiegħu. Hugo Chetcuti seta’ jitkellem, iżda deher li kien ixxukkjat, skont Dr Mustafa. Għall-ħabta tal-11.15pm ħaduh fis-sala biex jiġi operat.

10:30: Il-Maġistrat uriet lil Dr Mifsud xi ritratti u kellu jikkonferma li kienu fil-fatt tal-ġrieħi ta’ Hugo Chetcuti. Huwa qal li għarfu għax kellu xi biċċiet mill-ġilda aktar bojod mill-bqija. Dr Mifsud qal li ma kienx involut fil-każ wara dan.

10:28: Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Dr Josef Mifsud dwar l-urġenza tal-każ. Il-pressjoni tiegħu kienet baxxa, qalbu bdiet tħabbat wisq, u deher li kellu free fluid madwar il-fwied u l-milsaqal Dr Mifsud. Hugo Chetcuti kien tilef minn tal-anqas 1.5 litri ta’ demm. Li kieku għamlu s-CT scan dak il-ħin, kien jitlef ħajtu hemmhekk stess, skont Dr Mifsud.

10:24: Jibda jixhed Dr Josef Mifsud, li kien l-ewwel tabib li ra lil Hugo Chetcuti wara l-inċident. Huwa spjega li l-irwol tiegħu hu ta’ Senior fil-qasam tal-Emerġenza. Huwa mexxa l-ħidma biex iġibuh f’sensih sakemm il-vittma wasal fis-sala fejn ġie operat. Qal li kien abjad ħafna, kellu qalbu tħabbat ħafna, u kien anzjuż imma beda jitkellem. Bdew jippruvaw iwaqqfuh milli jnixxi d-demm. Ma kienx hemm ħin biex issir CT scan, għalhekk ħaduh mill-ewwel biex jiġi operat. It-tobba li wettqu din l-operazzjoni kienu s-Sur Ayman Mustafa, u s-Sur German Fenech, skont Dr Mifsud.

10:23: Il-Prosekuzzjoni talbet lit-Tabib Joslin isemmi l-ismijiet tat-tobba li operaw fuq Hugo Chetcuti, iżda ma ftakarhomx. Dr Joslin qal li wara din l-operazzjoni, huwa ma kellux aktar x’jaqsam mal-każ.

10:19: Dr Joslin intwera ritratt tal-ġrieħi interni ta’ Hugo Chetcuti, u kellu jikkonferma li kien wieħed mir-ritratti meħuda minnu.

10:17: Kien reġistrat fl-isptar fl-10.54pm. Beda jiġi operat fil-11.15pm. Kellu jittieħed malajr minħabba li kien f’qagħda kritika. Dr Joslin spjega li ħadu ritratti tal-ġrieħi li sofra minnhom Hugo Chetcuti waqt l-operazzjoni, liema ritratti dehru fil-Qorti. Kien fil-periklu li jitlef wisq demm.

10:10: Jibda jixhed Dr Jonathan Joslin. Huwa konsulent ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu f’emerġenza fl-Isptar Mater Dei, fir-Rapid Response Unit. Issejjaħ fl-10.49pm dakinhar li ġara l-każ fis-6 ta’ Lulju 2018. Meta wasal mar-roundabout tal-Kappara fi triqtu lejn Paceville, qalulu li l-vittma kien diġà qiegħed jittieħed lejn l-Emerġenza b’vettura oħra, għalhekk talbuh imur l-Emerġenza wkoll. Malli Dr Joslin daħal l-isptar, il-vittma kien konxju, bit-tobba jaħdmu fuqu. Kellu 2 daqqiet ta’ sikkina, li dehru fl-istonku. Għamlulu bħal ultrasound biex jaraw jekk kienx hemm demm fl-istonku, u dan immarka pożittiv. Ma setgħux jiddeterminaw minn fejn kien ġej id-demm eżatt. Il-problema kienet li bdiet nieżla l-pressjoni, u kellhom jixxukkjawh. Hugo Chetcuti kellu jittieħed biex jiġi operat immedjatament għax kien qed inixxi wisq demm internament. Kien fi stat ta’ emoraġġija.

10:00: Illum tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza mill-Prosekuzzjoni kontra Bojan Cmelik, is-Serb akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti. Fost ix-xhieda hemm Dr Jonathan Joslin, li opera fuq il-vittma, kif ukoll Dr Josef Mifsud, l-ewwel tabib li rah.

Fis-seduta tal-31 ta’ Lulju, Cmelik tpoġġa taħt att ta’ akkuża wara li nstabu traċċi tiegħu fid-DNA ta’ Hugo Chetuti. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia qed tippresiedi fuq il-każ.

Bojan Cmelik qed jiġi akkużat li attakka lill-intraprenditur Hugo Chetcuti f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju billi tah daqqtejn ta’ sikkina. Chetcuti miet fl-Isptar Mater Dei wara li għamel sitt ijiem jissielet għal ħajtu.