Filmat: Rekord ta’ €2.5 miljun għad-Dar tal-Providenza

Aġġornat 02:30 PM

Read in English.

Rekord ta’ €2,531,540 inġabru fl-24 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità għad-Dar tal-Providenza, bejn nofsinhar u nofsillejl tal-Ewwel tas-Sena.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ġimgħa filgħaxija, Fr Martin Micallef stqarr li jinsab emozzjonat bil-ġenerożità kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa żied jgħid li minkejja l-mard u l-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-poplu Malti reġa’ għamel ħwejjeġ kbar mad-Dar tal-Providenza li f’dawn l-aħħar xhur rat tnaqqis kbir fid-dħul tagħha, l-aktar billi kellha tħassar attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus bħall-maratona tal-volleyball.

Il-Festa ta’ Ġenerożità bdiet fid-9.30am b’quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-kappella tad-Dar.

Din is-sena l-maratona qed issir fi sfond partikolari, peress li d-Dar – bħal ħafna għaqdiet mhux governattivi oħra – kellha tħassar ħafna attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u b’hekk ġarrbet telf finanzjarju konsiderevoli. Minkejja dan, id-Dar tal-Providenza ma qgħaditx lura milli tagħmel ċertu xogħol u inizjattivi.

Aċċess limitat għall-istudjows waqt il-Festa ta’ Ġenerożità

Minħabba d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, l-aċċess għall-istudios fejn se ssir il-Festa tal-Ġenerożita se jkun limitat għall-VIPs mistiedna u għal dawk li se jkunu qed iwieġbu t-telefonati.

B’hekk il-persuni, kumpaniji, parroċċi jew entitajiet oħra li s-soltu kienu jmorru jippreżentaw id-donazzjoni tagħhom fuq il-palk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan. Però jistgħu jmorru d-Dar tal-Providenza jgħaddu minn ‘drive through’ jagħtu d-donazzjoni tagħhom mingħajr ma jinżlu mill-karozza.

Bħal kull sena, il-festa qed tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni Maltija bejn nofsinhar u nofsillejl. Il-pubbliku se jkun jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel fuq in-numri li se jidhru, u min jixtieq jagħmel pleġġ jista’ jċempel fuq numru tal-posta, bid-donazzjoni tagħhom tintbagħat online jew bil-posta.

Wieħed jista’ mil-lum stess jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi mill-lum sal-ewwel tas-sena. Id-donazzjonijiet li se jidħlu mil-lum sal-ewwel tas-sena se jkunu nklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.

  • €10         51602012
  • €15         51702013
  • €25         51802014
  • €50         51902085
  • SMS €7   50618922
  • BOV Mobile  79324834
  • Paypal 79324834

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk f’dan l-indirizz:

Id-Dar tal-Providenza
Triq Lapsi
Is-Siġġiewi  SGW2822

Ix-xogħol baqa’ għaddej matul l-2020

Minkejja l-limitazzjonijiet fl-2020, id-Dar tal-Providenza kompliet toffri is-servizzi tagħha u ma qgħaditx lura milli tieħu inizjattivi oħrajn. Fost dawn:

  • Tlesta x-xogħol fuq il-ħames dar fil-Balluta
  • Sar refurbishment u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq
  • Sar xogħol ta’ manutenzjoni kull fejn kien meħtieġ;
  • Sar xiri u installazzjoni ta’ airconditioners;
  • Ġiet installata kċina ġdida f’Dar Pirotta;
  • Baqa’ għaddej investiment uman, b’mod speċjali ta’ professjonisti;
  • Kompla x-xogħol fuq infrastruttura ġdida għall-IT bl-appoġġ tal-MITA.

Id-Dar tal-Providenza għandha numru ta’ pjanijiet għas-sena li ġejja, fosthom:

  • Il-ftuħ tad-dar ġdida fil-komunità fil-Balluta;
  • Aktar taħriġ għall-ħaddiema;
  • Investiment akbar fi professjonisti;
  • Il-bidu ta’ proġett ambizzjuż ta’ refurbishment f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni biex jitjieb l-ambjent li fih jgħixu uħud mir-residenti.