Filmat: Il-vouchers ma jistgħux jintużaw f’gyms – Scicluna

Read in English.

Għada Aħjar – Konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u mill-Ministru Edward Scicluna

Għada Aħjar – Konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u mill-Ministru Edward Scicluna

Posted by MaltaGov on Tuesday, June 9, 2020

Iċ-ċekkijiet li jammontaw għal €100 mhux se jkunu jistgħu jissarrfu fil-gyms. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Edward Scicluna hu u jwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kienu qed jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu b’rabta mal-inizjattivi mħabbra lbieraħ permezz ta’ baġit multi-miljunarju.

Ilbieraħ il-gvern ħabbar li se jkun qed jagħti €100 f’vawċers lil kull persuna li għandha minn 16-il sena ‘l fuq u tgħix Malta. Se jinħarġu vawċers ta’ €20 b’total ta’ €100: €80 għall-konsum fil-lukandi, fir-restoranti u f’bars; €20 oħra għall-ħwienet li kienu magħluqin waqt il-pandemija.

Scicluna sostna li dawn il-vouchers qed jinħarġu biex jistimulaw it-turiżmu domestiku. Spjega li filwaqt li dan it-turiżmu domestiku jaħdem f’Għawdex, f’Malta huwa ftit aktar diffiċli.

Intant, il-Ministru Fearne wieġeb mistoqsija oħra ta’ Newsbook.com.mt, partikolarment dwar stil ta’ ħajja healthy. Hu qabel li hemm bżonn li jkollna stil ta’ ħajja li jkun healthy huwa importanti mhux biss fil-ġlieda kontra l-coronavirus, iżda wkoll kontra kull tip ta’ mard ieħor.

Hu sostna li xi ħaġa pożittiva li ġab miegħu l-coronavirus huwa li l-pubbliku qed jiffoka aktar fuq li jgħix stil ta’ ħajja aktar sana. Sostna li Malta huwa pajjiż li għandu fost l-itwal life expectancy fl-Ewropa. Qal li fi ħdan il-Ministeru hemm dipartiment sħiħ li jaħdem fuq dan, u li d-dipartiment se jibqa’ jara li jqajjem kuxjenza dwar dan.

Is-saħħa u l-ekonomija jaħdmu id f’id – Fearne u Scicluna

Il-Ministru Scicluna sostna li l-mod kif il-Gvern mexxa lill-pajjiż, irnexxielu jibqa’ minn ta’ quddiem. Hu rrefera għall-fażi ġdida tan-normalità l-ġdida. Sostna li x-xewqa tal-Gvern Malti tirpilja u terġa’ tiġi f’saħħitha u tkompli miexja l-quddiem.

Scicluna qal li l-gvern qed jara li min hu l-aktar batut se jibqa’ jieħu t-€800 fix-xahar skont il-wage supplement. Semma d-diversi aspetti minn fejn se jkunu qed jgħinu n-negozji, fosthom fejn tidħol il-kera, il-kontijiet tad-dawl, it-trasport u l-likwidità.

Miguela Xuereb

Scicluna sostna li l-konsum huwa kajman għax il-pubbliku wkoll għadda minn perjodu diffiċli fejn ma baqax jaħseb fix-xiri ta’ karozza, jew propjetà jew infieq ieħor. Qal li għalhekk taw il-vouchers u t-tnaqqis fit-taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri ta’ propjetajiet. Spjega li dawn il-miżuri qiegħdin hemm biex jgħinu lill-poplu jmur lura għax-xogħol u l-ġenituri jkunu jistgħu jibdew ir-rittmu li kellhom qabel.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Fearne qal li ma jistax ikollok ekonomija b’saħħitha jekk ma jkollokx ekonomija b’saħħitha. Qal li dawn huma żewġ uċuh tal-istess munita. Insista li fil-ħajja ta’ kuljum, is-saħħa hija l-arja, ma tagħtix kasha sakemm ma tkunx se tispiċċalek.

Fearne qal li għax Malta kienet għaqlija u bieżla, ma kelliex bżonn tagħmel lockdown. Fearne qal li l-fatt li qed issir din il-konferenza mhux ibbażata fuq kriżi medika, għax il-pajjiż irnexxielu jżomm il-pandemija taħt kontroll. Fearne sostna li l-figuri ta’ dawn il-ġranet jagħtu r-raġun għall-fatt li tnaqqsu l-miżuri restrittivi.

Fearne qal li l-pakkett ta’ miżuri jagħmel sens ukoll fejn tidħol is-saħħa pubblika. Qal li fil-bidu nett kien hemm miżuri li ttieħdu biex iħajru lill-pubbliku u lin-negozji biex isegwu d-direttivi tas-saħħa pubblika. Qal li fil-bidu kienu jitlobu lill-pubbliku biex jibqa’ d-dar. Spjega li dak iż-żmien daħħlu miżuri biex jippermettu dan. Kompla jgħid li llum il-ġurnata, is-sitwazzjoni hija differenti u b’hekk jistgħu jiġu llaxkati l-miżuri għax hemm inqas persuni li ta’ kuljum qed jinstabu pożittivi u n-numru ta’ każi attivi tbaxxa.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Fearne qal li huwa veru li l-pandemija f’pajjiżi oħrajn għadha realtà diffiċli, qal li f’Malta iżda ppreparati għal li jista’ jinqala. Hu kien qed iwieġeb għal mistoqsija dwar x’jiġri f’każ li l-pandemija terġa’ tieħu l-ħajja b’mod aggressiv f’Malta fix-xhur li ġejjin.

Dwar jekk il-baġit hux adegwat, Scicluna qal li l-ekonomija ma tistax tiddaħħal ġo ħajt. Sostna li kulħadd jaf li hemm limitu sa kemm tista’ tagħti. Qal li ħadd ma stenna baġit b’somom fenomenali bħal dak tal-bieraħ. Qal li l-għan kien li ma jippreġudikax lill-persuni li ġejjin fil-futur biex dawn ma jitħallewx f’dejn kbir li ma jifilħuhx.

Dwar jekk il-vouchers ta’ €100 li se jingħataw lil kull persuna f’Malta ta’ minn 16-il sena ‘l fuq hux se jkunu jistgħu jiġu msarrfa f’gyms, il-Ministru Scicluna spjega li dan ma jistax isir. Qal li l-vouchers partikolarment jiffoka fuq li jagħti għajnuna lin-negozji fil-qasam tat-turiżmu u r-ristoranti