Illum iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista kienu ppjanati li jitkellmu dwar in-negozju f’attività mill-Kamra tal-Kummerċ. Filwaqt li Chris Fearne attenda u wieġeb għall-mistoqsijiet, Robert Abela ma tfaċċax.
11:11 Is-sessjoni tintemm u n-nies jibdew ħerġin mis-sala. Grazzi talli segwejtuna.
11:09 Il-Kamra tal-Kummerċ tispjega li jidher li Abela għażel li jattendi avveniment ieħor minflok l-avveniment tagħha. Abela ngħata l-opportunità jwieġeb sett ta' mistoqsijiet f'forma ta' video. Mill-informazzjoni li għandha l-Kamra dawn il-filmati saru imma s'issa għadha ma rċeviethomx.
11:07 Jitħabbar li Robert Abela mhux se jkun preżenti għas-sessjoni li kellha tkun iddedikata lilu
11:06 Tintemm is-sessjoni ma' Fearne.
11:05 Fearne iwieġeb mistoqsija li saritlu dwar ir-reġistrazzjonijiet tal-kuntratti tal-kirjiet. Jgħid li jaqbel mar-reġistrazzjoni tal-kuntratti u li l-evażjoni tat-taxxa ddejqu.
Fearne: Dan il-pajjiż nixtieq narah ikompli javvanza. Irrid level playing-field u rrid serjetà.
11:04 Skont Fearne dawn l-aħħar seba’ snin kienu fost l-aqwa seba’ snin li kellu l-pajjiż. Jgħid li dan għaliex kien hemm tmexxija soda. Iżid jgħid li hemm grupp tajjeb biżżejjed biex ikompli jagħmel is-suċċessi.
10:57 Fearne ma jweġibx direttament dwar il-kumment li kien għamel imma jgħid li jifhem li issa huwa mument ta’ għaqda nazzjonali u mhux mument ta’ partiġjaniżmu. Żied jgħid li jekk jirbaħ l-elezzjoni ta’ għada se jkun qed imexxi l-PL. Jgħid li kull mexxej ikun irid jara li l-partit tiegħu jirbaħ. Qal ukoll li meta jħares lejn il-PN bħalissa ma jarax li hemm partit li jkun lest imexxi lil Malta. Jgħid li huwa importanti li jkun hemm alternattiva għall-gvern u li jkun hemm oppożizzjoni li dejjem tkun qed issus wara l-gvern tal-ġurnata.
10:54 Persuna oħra tistaqsi lil Fearne jiċċara x'qal dwar bidliet li se jagħmel fil-kabinett
10:52 Issir mistoqsija lil Fearne dwar il-kummenti li għadda dwar l-RIP PN li għamel waqt diskors fil-kampanja tiegħu.
10:49 Skont Fearne s-sostenibilità fil-qasam tal-kura qed titjieb billi aktar servizzi tas-saħħa jinħarġu mill-isptar u titniżżel fil-livell tal-komunitajiet. Jitkellem dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tas-saħħa. Jgħid li f'April se joħroġ proġett pilota għat-tfal li għandhom id-dijabete. It-teknoloġija se tkun qed issegwihom 24 siegħa kuljum.
10:48 Fearne jgħid li jrid sistemi li lanqas iħallu politiku jindaħal fil-ġudikatura
10:47 Fearne jgħid li jifhem li l-qasma tal-MEPA kienet waħda importanti. Iżid jgħid li kien hemm xi tibdil li mar aktar ‘il bogħod milli kellu jmur. Jgħid li hemm biżżejjed liġijiet u regolamenti biex l-affarijiet jimxu sew. Jisħaq li m’hawnx biżżejjed infurzar.
Fearne: Il-cowboys idejquni. Għandha bżonn iżjed dixxiplina u serjetà.
10:42 Issirlu mistoqsija dwar l-Awtorità tal-Ippjanar peress li jingħad li hemm ħafna nies frustrati bil-bidliet li saru. Issirlu mistoqsija dwar il-popolazzjoni Maltija li qed tikber fl-età minħabba l-pensjonijiet u s-saħħa. Issir mistoqsija wkoll dwar ir-rispett lejn il-liġijiet u dwar x'se jsir kontra n-nies li ħadmu fl-interess personali tagħhom.
10:41 Fearne jemmen li konnettività aħjar lejn Għawdex hija tajba wkoll għall-ekonomija ta’ Malta. Jgħid li billi se ssir il-mina ma jfissirx li x-xogħol fuq affarijiet oħra se jieqaf. Jemmen li xi darba għad ikun hawn bżonn sistema ta’ transport tal-massa imma li din trid tkun sostenibbli.
10:36 Persuna ssaqsi lil Fearne dwar in-nuqqas ta' ħeġġa fuq it-trasport tal-massa f'Malta meta mqabbel mal-ħeġġa li hemm fuq il-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex.
10:35 Il-moderatur jistieden lin-nies preżenti jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.
10:32 Isemmi l-infrastruttura. Jgħid li qabel il-bini ta' pont kienu jieħu tmien snin. Qal li reċentament kien imsiefer għal ħmistax u meta ġie lura sab flyover.
10:32 Jitkellem dwar il-kirjiet. Jgħid li fl-2020 hemm nies isibuha diffiċli li jħallsu l-kera. Iżid jgħid li hemm min huwa fil-periklu li jispiċċa jorqod fit-triq.
10:30 Fearne jgħid li jifhem li hemm tħassib dwar it-telf tal-correspondent banks f’Malta. Jgħid li dan it-tħassib huwa reali. Jgħid li hemm diskussjonijiet fi stadju avvanzat ma' żewġ banek. Iżid jgħid li għalissa ma jistax jiżvela dettalji.
10:28 Fearne jgħid li Malta għandha tkompli tiddiversifika f’oqsma differenti. Jemmen li fil-futur in-negozji Maltin għandhom jibdew jespandu lejn barra minn Malta.
10:25 Fearne ma jemminx li l-manifattura mietet f’Malta. Jemmen li għandha post qawwi fl-ekonomija.
10:23 Fearne: Irridu niżguraw li jkun hawn biżżejjed nies biex jagħmlu x-xogħol li jrid isir. Qal li dan irid isir mingħajr ma jiddaħħlu nies li Malta ma tkunx trid.
10:21 Fearne issa jiġi mistoqsi dwar il-kompetittività. Jgħid li aktar ma wieħed ikollu student qed jigradaw, aktar tikber l-ekonomija. Jgħid li important li l-Università ta’ Malta u l-MCAST jingħataw spinta. Jgħid li dawn m'humiex istituzzjonijiet li m'għandhomx track record.
10:19 Fearne: Ghall-futur irridu ninvestu f’mezzi alternattivi biex ikollna l-enerġija u nibżgħu għall-ambjent.
10:18 Il-mistoqsija li jmiss hija dwar is-settur tal-enerġija. Fearne jgħid li jidher li l-interconnector jaf jissewwa bejn xahrejn u tliet xhur oħra. Jgħid li nxtgħelu turbini li qabel ma kienux qed jintużaw.
10:14 Fearne jgħid li ħafna msieħba ta’ Malta madwar l-Ewropa tilfu l-fiduċja tagħhom f’Malta. Jgħid li ma jistax ikellemhom iwiegħed l-affarijiet għax jgħidulu li dawn xebgħu jisimgħuhom. “Qabel konna nafdawkhom, issa m’għadniex,” qal Fearne dwar x’jaħseb li jgħidu dawn l-imsieħba.
10:13 Isemmi il-Kummissjoni Venezja li tat parir lil Malta biex taqsam l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Jgħid li minn nhar it-Tnejn jibda diskussjoni mal-Oppożizzjoni u mas-soċjetà ċivili dwar is-saltna tad-dritt.
10:12 Skont Fearne, in-nies ikunu qed jidħku b’xulxin jekk ma jgħarfux li fl-aħħar xhur ir-ritmu ekonomiku majna. Ma kienx hawn serħan tal-moħħ dwar x’se jiġri. Jgħid li ħadd m’huwa ‘l fuq mil-liġi u li l-istituzzjonijiet iridu jkunu indipendenti.
Jgħid li jrid jara li jkun hemm sistemi li jipprevjenu politiku li jrid jagħmel il-ħsara milli jkun jista’ jagħmel dan.
10:08 L-ewwel mistoqsija għal Fearne hija dwar kif se jsewwi r-reputazzjoni ta’ Malta fid-dawl tal-kriżi politika. Jgħid li telaq mix-xogħol ta’ kirurgu biex jidħol fil-politika għal doppju tax-xogħol u nofs il-paga. Jemmen li Malta għandha potenzjal li tkun pajjiż ġawhra. Jgħid li s-settur privat huwa importanti. Għandu jkun settur vibranti u f’pożizzjoni li jieħu r-riskji.
10:00 Jasal Chris Fearne u jitla' fuq il-palk
09:51 Is-sala tibda timtela bil-mod il-mod. L-avveniment mistenni jibda fl-10.00am.
L-attività ġiet organizzata mill-Kamra Maltija għall-Kummerċ (MCCEI) fil-Belt Valletta.
Skont delegat tal-PL, Robert Abela huwa kariżmatiku u għandu ħiliet tal-oratorija straordinarji, filwaqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għandu strateġija aħjar fuq il-midja soċjali, u b’hekk hu ċar li hu r-rebbieħ mit-tnejn f’dan ir-rigward. Dan kien kliem delegat tal-Partit Laburista li tkellem ma’ Newsbook.com.mt bil-kundizzjoni li jinżamm anonimu.