Filmat: Malta mhix tal-Mafja – Manuel Delia

Jipprotestaw għall-ġustizzja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Read in English.

Eluf pprotestaw fil-Belt Valletta għall-ġustizzja tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

“Malta mhix tal-mafja. Malta mhix ta’ Joseph Muscat. Malta mhix tal-partiti. Malta tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Din hi r-Repubblika l-ġdida.” 

Din kienet il-konklużjoni tad-diskors ta’ Manuel Delia wieħed mill-organizzaturi tad-dimostrazzjoni tallum il-Ħadd.

Huwa qal li minn mindu Daphne Caruana Galizia nqatlet, ir-reazzjoni tal-gvern kienet li jipproġetta stampa qarrieqa ta’ normalita’. Issa sentejn wara minkejja li kellu jkeċċi lil Konrad Mizzi u irriżenja Keith Schembri xorta jrid jibqa’ jiproġġetta immaġini ta’ business as usual, qal Delia li akkuża lil Muscat b’qerq.

Huwa allega li Joseph Muscat mhux qed jaħdem għalih innifsu iżda  jaħdem għall-mafja. Huwa qal li mal-arrest ta’ Yorgen Fenech ma setgħux jibqgħu jaħbu li kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne, kienu jafu bih qabel, uħud minnhom organizzawh f’data biex ma ttellifx l-elezzjoni lill-partit tagħhom. Mal-arrest ta’ Yorgen Fenech, qal Delia, ma setgħux jibqgħu jiddefendu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u qed jiddefendu lil Joseph Muscat nofs kedda jgħoddu l-ġranet sa ma jitlaq.

Kompla jgħid li l-kelliema Laburista mhux qed juru rimors għal dak li ġara anzi għadhom iqarrqu għax dawn il-politiċi jridu li minn din il-kriżi ma jinbidel xejn għax min iħallsilhom il-kampanji, il-mafja li żżommhom f’butha ma tridx li tieqaf l-impunita’.

“Il-mafja trid tibqa’ taħkem l-istat tagħna” qal Delia.

Huwa kompla jgħdi li fil-pjazza hawn is-soċjeta’ ċivili. 

“Nies li meta tiġi l-elezzjoni jivvutaw partiti differenti. Imma nies li huma ċittadini kuljum mhux biss dak inhar tal-elezzjoni. Hawn is-soċjeta’ ċivili li trid tkeċċi lill-mafja mill-istat Malti. Hawn hi s-soċjeta’ ċivili li f’dawn is-sentejn kisbet il-verita’. Hawn hi s-soċjeta’ ċivili li meta jitlaq Joseph Muscat se tkun għada hawn biex tara li tintradd ġustizzja.”

L-anqas jistħu ma’ jafu – Norman Vella

Norman Vella qal li l-ġimgħa li għaddiet mill-Qorti ħargu stejjer tal-waħx li kexkxu Malta kollha; stejjer li rabtu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma’ Kastilja. Wara dan kollu l-membri tal-Gvern iddeċidew li jieħdu selfie fil-Parlament b’wiċċhom miksi bid-daħk u jieħdu wkoll vaganza ta’ 47 ġurnata.Waqt li l-pajjiż wieqaf, u n-negozji jnaqqsu l-bejgħ, u l-poplu jinkwieta għall-futur ta’ wliedu il-membri Laburisti tal-Parlament Malti iddeċidew li jidħku u jieħdu vaganza.

L-anqas jistħu ma jafu, qal Vella.

Huwa qal li mhux veru li l-Partit Laburista ma għandux x’jaqsam ma’ dan kollu li ġara ġaladarba Keith Schembri kien jaħdem mir-raba sular tal-Partit Laburista u Konrad Mizzi kien deputat Laburista.

Xibka ta’ kriminalita ħakmet Malta – Louiselle Vassallo.

Louiselle Vassallo stqarret li issa  bdiet ħierġa l-verita’ u qed nindunaw li Malta inħakmet minn xibka ta’ kriminalita’.

Vassallo insistiet il-kalma u s-serentita li qed isemmu nies tal-Gvern  jfissru omerta u gideb, skiet u ħabi ta’ fatti, silenzju. Hija qalet l-politiċi kellhom kull opportunita’ biex juru sens ta’ responsabbilita’, iżda minflok għażlu l-interess personali.

“Id-deputati Laburisti għażlu li jdawwru ħarsthom in-naħa l-oħra f’wiċċ il-korruzzjoni lampanti.”

Vassallo kkonkludiet tgħid lid-deputati li “le; m’għandna l-ebda’ intenzjoni li ngħixu dawn iż-żminijiet b’serenita’ u prudenza.”

“Daqshekk użajt lil LGBTIQ bħala slogan”

“Daqshekk użajtna bħala slogan, bħala catchphrase, biex tidher ħelu mal-barranin u l-kameras.” Hekk beda’ d-diskors tiegħu Christian Pace.

Huwa qal lill-udjenza li fl-2013, bħala transesswali, huwa kien vvota lill-Partit Laburista. Dan għaliex riedu jaqtgħu l-għatx għad-drittijiet ċivili li kienu mċaħħdin minnhom.

Iżda, huwa ħassu tradut, meta l-Ħadd li għadda f’nofs il-kriżi politika, il-Prim Ministru “pprova jippoppa sidru bid-drittijiet tal-LGBT.” L-attivist sostna li Muscat tagħhom id-drittijiet ċivili, iżda ħadilhom id-dritt għall-ħajja.

“Fossa tad-dranaġġ splodiet fl-uffiċċju tal-PM” – Callus

Andre Callus minn Moviment Graffiti qal li fossa sħiħa tad-dranaġġ splodiet fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Callus kien qed jitkellem waqt id-diskors tal-protesta nazzjonali.

Skont Callus, pajjiżna inħakem minn klikka ta’ negozjanti u sħabhom fil-politika li serqu u saħansitra qatlu.

Huwa stqarr li Joseph Muscat dejjem iddefenda lil Keith Schembri, “minkejja li kien ċar li huwa mgħaddes fil-ħmieġ. Ir-riħa tinten ilha snin tinxtamm qawwija.”

Callus żied jgħid li kull minuta li Muscat jibqa’ fl-uffiċċju, qed jikber is-suspett li hemm komplott biex il-verita’ ma toħroġx. Dan ifisser li pajjiżna se jkollu jibqa’ jġorr id-dubji u s-suspetti dwar dan il-każ għal dejjem. “In-nuqqas tar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat se tfisser li dan il-kapitlu tal-waħx mhux se jingħalaq qatt.”

Protesta għall-ġustizzja

Il-protesta, bħal protesti oħrajn qabilha, hija organizzata mill-għaqdiet tas-soċjeta ċivili Repubblika, Occupy Justice u l-blog Manueldelia.com.

Il-Ħadd li għadda , eluf ta’ nies nġabru fil-Belt Valletta biex jipprotestaw u jitolbu għar-riżenji tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Is-Sibt filgħodu, diversi Maltin li jgħixu f’Londra ħarġu jipprotestaw fil-Pjazza tal-Parlament f’Londra, jitolbu għall-ġustizzja għall-Daphne Caurana Galizia li ġiet assassinata.

F’liema stadju wasal il-każ?

Wara żviluppi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rriżenjaw mill-kariga tagħhom. Muscat ħabbar it-tluq tiegħu se jseħħ wara li jkun elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista f’Jannar.

Filmat: Monique Agius