​Ebda familjarità mal-familja Farrugia – Lawrence Gonzi

Fil-ftuħ tax-xhieda tiegħu fit-tieni sessjoni tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li l-fatt li f’sitt snin u f’142,519-il email kien hemm biss erba’ emails bejnu u Cathy u George Farrugia juri li ma kien hemm ebda familjarità.

Lawrence Gonzi ċaħad kull insinwazzjoni ta’ familjarità li seta’ kien hemm bejnu u George Farrugia jew martu, u saħaq li ma kien l-avukat ta’ ħadd – b’insinwazzjoni diretta għall-avukat Manuel Mallia.

Lawrence Gonzi qed ikompli bix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li qed iressaq għadd ta’ xhieda b’rabta mal-allegat skandlu tax-xiri taż-żejt.

L-eks Prim Ministru saħaq li hemm skop malizzjuż għall-allegazzjoni ta’ familjarità bejnu u l-familja Farrugia u l-verità tifqa’ l-bużżieqa f’wiċċ min irid jiżra’ d-dubju.

Tenna l-punti li qal fl-istqarrija tiegħu nhar il-Ħadd, li f’email mingħand Cathy Farrugia, ikkupjata lil żewġha, kien wieġeb li hu fuq punt ta’ prinċipju ma jiltaqax dwar tenders u li jinsisti li kollox isir on record. Saħaq li hu skandaluż li mill-emails kollha li hu rċieva jew wieġeb, joħorġu biss ċertu emails u ma tiġix ippubblikata mill-istess nies l-email li fiha kien qed jirrifjuta li jiltaqa’ ma’ Farrugia.

Qabel ta kopja tal-emails kollha li kien hemm bejn il-koppja Farrugia u hu, l-eks Prim Ministru spjega li l-ewwel email kienet it-talba ta’ mart Farrugia, li kienet ikkuppjata wkoll lil żewġha. Għal din l-email Lawrence Gonzi kien wieġeb jistaqsi dwar xhiex kienet it-talba għal laqgħa. L-emails oħra kienu dawk ta’ li fihom George Farrugia qal li kien sema’ xi kliem (“rumours”) b’rabta ma’ tenders ta' privatizzazzjoni ta' servizz tal-Enemalta u xtaq jiddiskutihom mal-Prim Ministru, li għal hekk Lawrence Gonzi kien wieġeb li hu ma jiddiskutix allegazzjonijiet u li jekk kellu xi informazzjoni kellu jgħaddiha lill-awtoritajiet kompetenti.

Mistoqsi mill-Ministru Owen Bonnici jekk kienx ġibed l-attenzjoni tal-Ministru responsabbli mill-Enemalta meta ntqallu dan il-kliem, Lawrence Gonzi wieġeb li iva, imma dak iż-żmien ma kien ħareġ xejn mill-allegazzjoni. Speċifika li George Farrugia kien wieħed li tefa' tender u iktar u iktar ma kienx se jiltaqa' miegħu. Qal li matul is-snin kellu rapporti mingħand nies b'allegazzjonijiet dwar affarijiet li ma kinux kif suppost u kien hemm każijiet li kien għaddihom lill-Pulizija, imma dwar dan il-każ, wara l-email tiegħu, George Farrugia ma kienx reġa’ lura jissustanzja l-allegazzjonijiet. Qal li ma jafx jekk imbagħad kienx tkellem mal-Pulizija dwar hekk. 
Tenna kemm-il darba li qatt ma ltaqa’ ma’ George Farrugia dwar xogħol, u Farrugia kien preżenti darba għal laqgħa li kienet intalbet għal proġett ta’ persuni mill-Golf Għarbi dwar żvilupp ta’ art tal-familja Hili, li għaliha kien qed jidher ċertu Beppe Hili. 

Għal mistoqsija oħra tal-Ministru Edward Zammit Lewis, Lawrence Gonzi reġa' saħaq li "lill-persuna Cathy Farrugia" kien jaf min hi imma ma kienx familjari magħha. Irrepeta li Cathy Farrugia kienet segretarja ta’ wieħed mid-diretturi ta’ Mizzi Group imma ma kinitx is-segretarja tiegħu u lanqas tal-bord tad-diretturi, li għal xi żmien kien hu qabel sar Chairman tal-grupp.

L-eks Prim Ministru insista li l-proklama li ngħatat kienet meħtieġa għaliex b’riżultat tagħha, il-Pulizija stess qalet li ħarġu dettalji li kieku ma ħarġux. Iċċara wkoll li l-ewwel idea ta’ proklama kien semmiha hu f’intervista ma’ ġurnalist tat-Times fil-31 ta’ Jannar 2013. 
Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi qabel li sa data li tiġi definita, l-Awditur jintalab biex jagħmel analiżi tas-sistema tal-hedging kif saret u jekk sarx telf minn dik li kienet il-Korporazzjoni Enemalta dwar xiri taż-żejt, għaliex il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi suppost qiegħed jeżamina dak is-suġġett.