Filmat: “Kull min joħroġ irid juża maskra” – Dr Tanya Melillo

Read in English.

Dr Tanya Melillo, konsulent fil-Mediċina fil-qasam tas-Saħħa Pubblika, appellat lill-pubbliku biex juża’ l-maskri fil-postijiet kollha li jiffrekwentaw. Fost l-appelli l-oħra, Dr Mellilo qed tisħaq li l-pubbliku ma jiltaqax fi gruppi kbar u d-distanza bejn persuna u oħra għandha tkun ta’ mhux inqas minn żewġ metri.

Hija qalet dan f’intervista fuq Newsbook.com.mt, ftit tal-minuti wara li tħabbar li l-għadd ta’ każijiet ġodda fl-aħħar 24 siegħa huwa ta’ 63 każ.

Fl-intervista hija appellat biex kulħadd iżomm in-numru ta’ persuni żgħir kemm jista’ jkun filwaqt li fakkret li l-awtoritajiet tas-saħħa bħalissa qed jissuġġerixxu li l-gruppi m’għandhomx ikunu akbar minn għaxra. Dr Melillo qalet li dan għandu japplika fil-postijiet kollha inkluż tal-ikel u fejn il-baħar.

Dwar id-distanza bejn persuna u oħra, Dr Melillo saħqet li din għandha tkun ta’ żewġ metri u tapplika kullimkien inkluż għand il-hairdresser, meta tmur tixtri u anki fl-istennija f’xi kju.

Dan isegwi l-appell ta’ diversi fosthom in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) li dalgħodu appella biex l-użu tal-maskri jsir mandatorju.