Filmat: Malta għandha tuża r-riżorsi kollha – Delia

Read in English.

Messaġġ mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Dan mhux il-mument tal-politika partiġġjana u lanqas iż-żmien tal-blu u l-aħmar jew żmien fejn inġelldu l-ħaddiema ma’ min iħaddem, imma huwa l-mument tal-għaqda. Kuraġġ, il-poplu Malti u Għawdxi se jingħaqad flimkien biex nirbħu din il-gwerra. Messaġġ lin-nazzjon dwar l-imxija tal-COVID-19 f'pajjiżna.

Posted by Adrian Delia on Sunday, March 22, 2020

Malta għandha tuża r-riżorsi kollha tagħha fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus, skont il-Kap tal-PN Adrian Delia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan f’diskors li ta fuq l-stazzjon tal-partit tiegħu, NET.

“L-għajnuna trid tingħata issa,” qal Delia. Delia qal li Malta għandha tuża r-riżorsi kollha tagħha sa mhux aktar tard min-nofs il-ġimgħa li ġejja.

Delia qal li s-surplus tal-aħħar snin ma jissarrafx b’mod individwali. Ikkrtika l-kummenti tal-Ministru Silvio Schembri li qal li t-third-country nationals li jitilfu xogħolhom għandhom jitilqu minn Malta.

Delia saħaq li hemm għadd ta’ nies inkwetati li jitilfu xogħolhom. Qal li l-korpi kostitwiti u l-intrapriżi “jafu” li l-pakkett ta’ għajnuna tal-Gvern mhuwiex biżżejjed.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li Malta ma tafx kemm hi twila jew iebsa t-triq li bħalissa miexja fiha Malta.

Delia qal li dan iż-żmien ta’ kriżi huwa żmien li fih il-Gvern irid jieħu d-deċiżjonijiet.

Delia qal li huwa importanti li n-nies iżommu distanza fiżika bejn xulxin. Però appella lin-nies biex jibqgħu f’kuntatt qrib ma’ xulxin permezz tat-teknoloġija. Qal li qed tikber il-problema tas-solitudni u problemi tas-saħħa mentali.

Delia staqsa jekk il-kumpanija Steward Healthcare hix qed tikkomunika mal-uffiċini tagħha fl-Istati Uniti biex tara jekk għandhiex l-apparat mediku kollu li għandha bżonn.

Delia fakkar li l-PN qed jipproponi li l-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma u biex iħallas 50% tal-pagi.

Delia qal li dan mhuwiex mument ta’ politika partiġġjana. “Dan huwa l-mument tal-għaqda,” saħaq Delia.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn